MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

       

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

 GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000

 

Is-sħubija fl-Unjoni ttellef xogħol il-Maltin

 

F’dawn il-ġranet il-propogandisti tal-Gvern u ta’ l-Unjoni Ewropea kemm-il darba tennew li ma seħħetx it-theddida ta’ barranin li jiġu Malta wara li sseħibna fl-Unjoni Ewropea u jieħdu x-xogħol tal-Maltin.

 

Iżda fil-fatt hekk qiegħed jiġri, mingħajr ma l-poplu jintebaħ.


Eżempju ċar ta‘ dan huwa dak li ġara mill-ħaddiema tas-Sea Malta.

 

Il-144 haddiem Malti tas-Sea Malta ntefgħu ’l barra, u xogħol ingħata lill-ħaddiema Taljani tal-kumpanija Grimaldi.

 

Mhux ġew Malta l-ħaddiema Taljani, iżda ħadulna x-xogħol li kienu jagħmlu l-ħaddiema Maltin tas-Sea Malta.

 

In-nolijiet li bihom is-Sea Malta kienet tħallas 144 paga lill-ħaddiema Maltin, issa qegħdin jinġabru mill-kumpanija Taljana u jitħallsu l-pagi tal-baħrin u ħaddiema Taljani tal-Grimaldi.


Dan id-delitt tal-ħaddiema Maltin seħħ għax l-Unjoni Ewropea ġagħlet lill-Gvern jitlaq minn idejh in-negozju li kienet tagħmel is-Sea Malta, u għax il-Gvern, mingħajr kuxjenza nazzjonali, minflok żgura li x-xogħol imur għand il-privat Malti, ftiehem minn taħt sabiex ix-xogħol tal-kumpanija tal-poplu Malti jittieħed b’xejn mill-barranin, ħbieb tal-Ministru Gatt.


Mhux biss ix-xogħol tal-Maltin qiegħed jittieħed mill-barranin, minhħabba s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, iżda anki l-qligħ li kienu jagħmlu l-Maltin, issa ħafna minnu qiegħed jittiekel mill-barranin ta’ l-Unjoni.


Għadu kif tħabbar li l-Awstrijaċi issa kisbu aktar min-nofs ta’ l-azzjonijiet tal-kumpanija ta’ l-airport terminal, l-MIA, u b’hekk jikkontrollaw huma l-kumpanija u t-terminal.

 

Huwa għajb u tal-mistħija li l-uniku bieb ta’ safar bl-ajru li l-poplu Malti għandu, huwa mhux f’idejn il-Maltin, iżda f’idejn il-barranin.

 

Il-qligħ mit-terminal minflok jibqa’ f’idejn il-Maltin, imur għand il-barranin.


Sena ilu ġara l-istess fil-kaz tal-Freeport tagħna.

 

L-uniku port ħieles li għandna waqa’ f’idejn kumpanija barranija u hija għandha l-kontroll tiegħu, minflok li l-kontroll inżamm f’idejn il-poplu tagħna.


Issa l-istess storja tista’ tiġri fil-każ tal-Port il-Kbir kemm-il darba l-Gvern jiddeċiedi li jagħti l-kuntratt tal-ħatt u t-tagħbija tal-merkanzija fil-Port il-Kbir lil kumpanija barranija li tefgħet offerta għall-kuntratt.

 

Jekk jiġri dan, nispiċċaw li anki ż-żewġ bibien ta’ safar bil-baħar, il-Freeport u Port il-Kbir, ikunu kkontrollati mill-barranin, u mhux aktar f’idejna l-Maltin.


Din hija konsegwenza ħażina oħra tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

 

M’għadniex nikkmandaw f’darna, u erġajna sirna f’idejn il-barranin.

 

L-Unjoni Ewropea tipprova tirxoxta l-Kostituzzjoni


Il-mexxejja ta’ x’uħud mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin jittamaw li, bħal ma Lazzru reġa’ rxoxta mill-mewt, hekk iseħħ lill-kadavru tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni, li l-Franċiżi u l-Olandiżi qatlu s-sena l-oħra meta vvotaw kontriha fir-referenda.


Dan il-fatt m’għandux għaliex jiskanta lilna meta niftakru li anki l-Membri tal-Parlament Malti fis-6 ta’ Lulju tas-sena l-oħra, ivvotaw favur il-ġisem mejjet tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni li ftit gimgħat qabel fgawha l-Franċiżi u l-Olandiżi.


Fost dawn li jridu b’xi mod jagħtu l-ħajja lill-Kostituzzjoni ta‘ l-Unjoni Ewropea, insibu lil Anġela Merkel, il-Kanċillier ġdida tal-Ġermanja, Jacques Chirac, il-President ta‘ Franza; u Wolfgant Schussel, il-Kanċillier ta’ l-Awstrija, għalkemm ma jaqblux bejniethom kif jistgħu jagħmlu dan.


Anġela Merkel trid li l-Kostituzzjoni tibqa’ sħiħa, bla tibdil, kif tfasslet, u magħha tiżdied stqarrija dwar id-dimensjoni soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Mentri Jacques Chirac hu tal-fehma li l-Parlament Franċiż jirratifika partijiet biss tal-Kostituzzjoni u mhux kollha kemm hi.

 

Fil-waqt li Wolfgang Schussel isostni li m’għandhomx jintgħażlu mill-Kostituzzjoni dawk il-bċejjeċ biss li jintgħoġbu, iżda huwa ma ħareġ b’ebda proposta konkreta x’jista’ jsir.


Hemm imbagħad Josè Luis Rodriguez Zapatero, il-Prim Ministru ta’ Spanja, li wissa li Spanja mhix lesta taċċetta tibdil fil-Kostituzzjoni li l-poplu Spanjol ivvota favuriha f’referendum.

 

Kontra l-Kostituzzjoni


Min-naħa l-oħra, għandna mexxejja ta’ x’uħud mill-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni li assolutament ma jridux jafu aktar bil-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni.

 

Fost dawn hemm Bernard Bot, il-Ministru ta‘ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Olanda, li stqarr li l-Olanda mhi sejra qatt tirratifika l-Kostituzzjoni, li għall-Olanda hija mejta.

 

Hemm ukoll il-mexxejja tal-partit fil-gvern tal-Polonja, il-partit magħruf bħala “Law and Justice Party” li qal li qegħdin jaħlu ż-żmien għalxejn dawk li qegħdin jippruvaw jirxoxtaw Kostituzzjoni maqtula.


Anki Gordon Brown, il-Kanċillier ta’ l-Exchequer ta’ l-Ingilterra, ikkritika lill-Unjoni Ewropea li trid terġa’ tagħti l-ħajja lill-Kostituzzjoni.


Aktar kmieni din is-sena l-Parlament Ewropew approva rapport imħejji mill-Membri tal-Parlament, l-Ingliż Andrew Duff u l-Awstrijak Johannes Voggenhuber, li pproponew li jsiru dibattiti pubbliċi dwar l-integrazzjoni ta’ l-Ewropa fil-ġejjieni, bil-għan li tiġi approvata l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni sas-sena 2009.


Membri tal-Parlament tal-Ġermanja, tal-Finlandja u ta’ l-Awstrija kkritikaw ir-rapport u qalu li d-dibattiti proposti kien se jsiru biex jinbena appoġġ għall-Kostituzzjoni li l-Franċiżi u l-Olandiżi qatlu.

 

L-UE tgħollilna l-prezzijiet bit-taxxi


Wieħed mill-effetti l-aktar ħżiena tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE huwa ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.

 

Fost l-agħar żidiet hemm dawk tal-prezzijiet tal-pitrolju, tal-gass, tal-petrol, tad-dijżil u ta’ l-elettriku.

 

Fuq l-għoli tal-prezz taż-żejt li minnu dawn il-prodotti jiddependu, l-Unjoni Ewropea tordna lill-pajjiżi mseħbin biex jimponu taxxi u soprataxxi, mingħajr ma jimpurtaha mit-tbatijiet li tikkaġuna fuq il-massa tal-poplu li mhix f’qagħda li żżid id-dħul tagħha daqskemm jogħlew il-prezzijiet.

 

Minn dan il-kalvarju l-UE qiegħda tgħaddi lill-poplu Malti.

 

Malta jkollha tobdi d-Direttiva numru 2003/96/EC ta’ l-Unjoni li tgħid x’għandha tkun lanqas taxxa li titħallas fuq il-petrol, id-dijżil, il-pitrolju u l-gass.

 

Din id-Direttiva timponi li jkun hemm taxxa ta’ 421 Ewro fuq kull elf litru petrol biċ-ċomb.

 

Għandu jkun hemm taxxa ta’ 359 Ewro fuq kull elf litru tal-petrol bla comb.

 

U fuq id-dijżil u l-pitrolju, għandu jkun hemm taxxa ta’ 302 Ewro għal kull elf litru, li titla’ għal 330 Ewro fis-sena 2010.

 

Fil-waqt li fuq iċ-ċilindri tal-gass, għandu jkun hemm taxxa ta’ 125 Ewro kull elf kilogramma.

 

Dawn huma kollha ċifri uffiċjali li huma ppubblikati fil-ġurnal uffiċjali ta’ l-UE.


Fuq l-elettriku, barra t-taxxa ordnata fl-istess Direttiva, hemm ukoll it-taxxa tal-VAT li l-UE tinsisti li tkun applikata bilfors, għalkemm fil-każ ta’ Malta, l-UE aċċettat li ma tkunx ir-rata kollha ta’ 18 fil-mija.


Mat-taxxa fuq l-elettriku, u l-VAT fuqu, issa l-poplu Malti qiegħed jiġi mġiegħel iħallas ukoll is-soprataxxa li telgħet għal 67 fil-mija, li tfisser li għal kull lira, irridu nħallsu lira u 67 ċentezmu.

 

Dan huwa serq tal-poplu li qiegħed isir bis-saħħa tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.


Infakkru li ftit taż-żmien ilu l-Ministru Austin Gatt ħarbitlu li dawn it-taxxi jridu jkomplu jogħlew aktar minħabba t-taxxi li l-UE timponi f’dan is-settur ta’ l-enerġija.


Barra l-impożizzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea, hemm ukoll fin-nofs logħba qarrieqa tal-Gvern Malti.

 

Bl-iskuża ta’ l-għoli taż-żejt, il-Gvern għamel soprataxxa kbira ħalli jnaqqas id-dejn ta’ l-EneMalta u jkun jista’ jdaħħal l-Ewro kemm jista’ jkun malajr.

 

Meta mbagħad tasal l-elezzjoni ġenerali, inaqqas is-soprataxxa.

 

B’dan il-mod, il-Gvern ikun qiegħed iqarraq bil-poplu darbtejn, issa, u qabel l-elezzjoni.

 

L-istess qerq intwera mill-Gvern meta għolla ħafna l-prezz tal-pitrolju.

 

Qal li għollieh għax kien jintuża minn tal-linja.

 

Fil-fatt, għollieh, għax l-Unjoni għamlet l-istess taxxa fuq id-dijżil u l-pitrolju.

 

M’hemmx tmiem, għall-qerq ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Naħsbu ftit

 

Il-Laħma għall-barrani – Ix-xaħma għall-Maltin

 

Miljuni ta’ liri qligħ

Jiftaħru l-banek bih.

Is-sidien mghattnin bil-flus

U d-depożitanti b’imgħax magħkuż.

 

Kollox se jisirqulna

 

Kollox se jisirqulna!

Aħna żgħar u bla saħħa.

Se jġibuna fixxa

Mid-Med, Sea Malta – kollox sparixxa!

 

Is-Sibt, 4 ta’ Marzu, 2006.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

  

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ