MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Tellfuna l-Indipendenza u l-Ħelsien
Se nbiegħu l-ħelsien billi fl-1 ta’ Mejju nissieħbu fl-Unjoni Ewropea.
U dan il-pass ta’ għajb se nimmarkawh b’ċelebrazzjonijiet li se niddejnu għalihom madwar Lm500,000.
Lanqas il-famuż Ġahan ma kien
iwettaq baħnanata bħal din!
Is-sena 2004 hija l-40 anniversarju ta’ l-għoti ta’ l-Indipendenza fl-1964 lil
Malta.
Kellna Gvern Nazzjonalista meta tawna l-Indipendenza.
Kellu jkun Gvern Nazzjonalista li
se jtellifna l-Indipendenza biex jerġa’ jagħmilna kolonja – din id-darba, ta’ l-Unjoni
Ewropea.
Jekk isem Borg Olivier ifakkarna fl-Indipendenza, isem Fenech Adami se jitfakkar
mat-telf ta’ l-Indipendenza.
It-telf ta’ l-Indipendenza u l-Ħelsien hija traġedja għall-poplu.
Biex aktar ikasbru l-poplu, minflok il-poplu jinġabar fi skiet waqt li titwettaq it-traġedja, lill-poplu jriduh jifraħ, iċapċap u jixrob, u jżid mad-dejn li l-poplu huwa mgħobbi bih.
Min ma jridx ikun kompliċi f’dan it-tradiment ta’ l-Indipendenza u l-Ħelsien ta’ Malta, m’għandux jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru meta pajjiżna se jghaddi taħt il-ħakma ta’ l-Unjoni Ewropea.
Fin-niket nazzjonali, luttu nazzjonali nagħmlu, mhux nifirħu.
Qarrqu bil-poplu biex jivvota favur is-sħubija.
Issa jridu jiddieħku bina billi jarawna ferħanin għax mhux se nibqgħu kmandi f’pajjiżna.
Iżda għalina Jum is-Sħubija huwa Jum il-Mistħija.
Għalxejn itambru li issa l-poplu kollu jaċċetta s-sħubija.
Aħna ma aċċettajnihiex u mhux se naċċettawha.
Mhux se nirrassenjaw ruħna li tlifna l-Indipendenza u l-Ħelsien.
Se nibqgħu naħdmu biex mill-aktar
fis nerġgħu niksbuhom lura.
Mhux għax aħna kontra l-Ewropa, iżda għax aħna favur Malta Ħielsa.
Mhux għax m’aħniex favur ftehim
bejn il-popli ta’ l-Ewropa, iżda għax ikun hemm ftehim sod bejn il-popli meta
dawn ikunu ħielsa minn xulxin u mhix maħkuma minn xulxin.
Ma naqblux mal-politika ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għax mhiex politika ta’ newtralità.
Għax il-politika ekonomika tagħha
tqis is-suq aqwa mill-bniedem u tissagrifika x-xogħol tal-ħaddiem għall-qligħ
tan-negozju.
Għalina, l-1 ta’ Mejju se jibqa’ Jum ix-Xogħol u mhux Jum is-Sħubija.
Mhux biħsiebna nipprofanaw Jum il-Ħaddiem billi niffestiġġjaw ġrajja li se tfisser telfien ta’ xogħol, sensji u qgħad lill-ħaddiema tagħna.
Għaddew madwar 12-il xahar mill-iffirmar tat-Trattat tas-Sħubija fl-UE fis-16 ta’ April.
Fis-16 ta’ April ta’ kull sena għandna nfakkru l-għajb kbir tat-tradiment nazzjonali ta’ l-Indipendenza, il-Ħelsien, is-Sovranità u n-Newtralità ta’ art twelidna.
Nagħmlu dan sakemm il-poplu tagħna jerġa’ jinfeda, jerġa’ jsir ħieles, indipendenti, sovran u newtrali.
Dan hu l-għan tal-Kampanja Ħelsien Nazzjonali.
Aħna nħallsu u l-Unjoni ddahħal!
Rapport li deher f’l-orizzont tat-Tnejn, 23 ta’ Frar, kien igħid hekk:
“Ir-rwol tal-Gvern se jkun biss li joħroġ il-pagi.”
Dan il-kliem huwa konferma ċarissima kemm dak li
għandna ngħidu aħna tac-CNI
huwa minnu u kemm għandna raġun – li Malta se tmur minn taħt sew bis-sħubija fl-Unjoni
Ewropea.
Dan il-kliem qalu d-Direttur Ġenerali tad-Dwana lill-uffiċjali tad-Dwana.
Aħna ħassejna li għandna nikkwotawh u nxandruh għal dawk il-qarrejja li ma qrawħx.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana, is-Sur John Mifsud,
ġie rrapportat li qal hekk:
“Mill-1 ta’ Mejju, hekk kif Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, id-Dwana ma
tibqax id-dwana ta’ Malta, iżda ssir id-dwana ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern
Malti se jkun qed joħroġ il-pagi ta’ l-impjegati, għax il-bqija, il-flus kollha
li jinġabru mid-Dwana, se jmorru għall-Unjoni Ewropea (u mhux fil-kaxxa ta’ Malta).”
Jekk kien hemm xi ħadd li kien
jaħġseb li konna qegħdin nesaġeraw meta konna ngħidu li se nispiċċaw li aħna
nagħtu lill-Unjoni u mhux aħna nieħdu mill-Unjoni, u li dak li tagħtina tkun
ħaditu minn għandna, issa jista’ jara li kemm kellna raġun, meta jaqra x’qal id-Direttur
Ġenerali tad-Dwana!
Tgħid il-pagi li l-Gvern Malti se jkun qiegħed iħallas biex jiġbor il-miljuni ta’
liri mid-Dwana u mbagħad irid jgħaddihom lill-Unjoni, qatt ġew ikkalkulati ħalli
nkunu nafu kemm se nkunu qegħdin nispiċċaw minn taħt fil-kontijiet tagħna ma’ l-Unjoni
Ewropea?
X’għandhom x’igħidu d-deputati Laburisti dwar dan?
L-Unjoni Ewropea se tkun stat fuq l-istati nazzjonali
NRU 6 – Rifondazzjoni ta’ l-UE fuq kostituzzjoni ta’ stat, liema kostituzzjoni hija suprema għall-kostituzzjonijiet nazzjonali.
Il-kostituzzjoni proposta ta’ l-UE tbiddel fundamentalment ir-relazzjoni legali bejn l-Unjoni u l-istati membri.
Sal-lum l-UE kienet l-istati membri skond it-trattati li għamlu bejniethom.
L-Unjoni ma kinitx stat legali distint mill-istati membri ta’ l-Unjoni.
L-abbozz tal-kostituzzjoni se jbiddel dan.
Se jagħmel l-Unjoni attur
internazzjonali, bil-personalità legali tagħha li hija separata u superjuri
għall-membri tagħha.
L-Artiklu I - 1 jgħid:
“Din il-Kostituzzjoni tistabbilixxi l-Unjoni Ewropea ...”
Iżda l-Unjoni Ewropea tal-lum kienet ġiet stabbilita bit-Trattat ta’ Maastricht ta’ l-1992.
Din il-Kostituzzjoni qiegħda
tipproponi Unjoni ġdida u ferm differenti, u fuq bażi legali totalment
differenti minn dak li kien jeżisti sa mit-Trattat ta’ Ruma ta’ l-1957.
L-Artiklu I - 12 (2) qiegħed jieħu mill-istati membri l-biċċa l-kbira tal-poter
li għandhom li jiffirmaw trattati ma’ stati oħra.
Sal-lum l-UE kienet tinnegozja trattati għan-nom tal-membri tagħha fuq materji ta’ tariffi u kummerċ biss.
Dan l-artiklu jagħti l-poter lill-UE li tiffirma trattati li jolqtu kull “att intern ta’ l-Unjoni”.
Dan għalhekk ikabbar ħafna l-poteri ta’ l-UE li tagħmel trattati.
Fil-ġejjieni tkun l-UE
* u mhux l-istati membri
* li tinnegozja u tiffirma
* trattati internazzjonali
* u konvenzjonijiet,
* per eżempju,
* dwar liġi kriminali,
* estradizzjoni,
* politika barranija u tas-sigurtà,
* u ħafna ħwejjeġ oħra.
L-Artiklu I - 5 (2) jgħid:
“Skond il-prinċipju ta’ koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-istati membri għandhom ... jassistu lil xulxin fix-xogħol u t-tħaddim tal-kostituzzjoni (“assist each other in carrying out tasks which flow from the Constitution”.
Il-kelma “leali” hija ta’ sinifikat kbir.
Timplika li l-istati membri għandhom id-dmir ta’ lealtà lejn l-Unjoni.
B’hekk din il-kelma terġa’
temfasizza s-superjorità politika u kostituzzjonali li l-UE għandha fuq l-istati
membri u l-karattru ta’ Stat Federali.
Dan l-artiklu jkompli hekk:
“L-istati membri għandhom jiffaċilitaw ix-xogħol ta’ l-Unjoni, u ma jieħdu ebda
pass li jista’ jfixkel il-kisba ta’ l-għanijiet tal-Kostituzzjoni”.
It-tifsira ta’ dan il-kliem hija li l-gvernijiet nazzjonali għandhom jagħtu
priorità lill-għanijiet ta’ l-Unjoni, anke f’setturi li għadhom ma ġewx
mgħoddija lill-UE, għax l-iskop u l-għanijiet ta’ l-Unjoni huma fuq dawk ta’ l-istati
membri.
Iżda x’jiġri jekk l-għanijiet ta’ l-Unjoni jkunu f’konflitt ma’ l-għanijiet politiċi nazzjonali ta’ stat membru, speċjalment meta dawn l-għanijiet ikunu ġew ikkonfermati b’mandat elettorali fil-pajjiż membru?
X’jiġri, per eżempju,
* jekk pajjiż jopponi li r-’Rapid Reaction Force’ (l-armata ta’ l-Unjoni Ewropea)
* tinvolvi ruħha f’xi gwerra,
* jew pajjiż jirreżisti l-armonizzazzjoni tat-taxxi,
* jew li l-gvern jikkommetti ruħu li jżid l-ispiża pubblika
* biex jikkumbatti l-istaġnar ta’ l-ekonomija,
*
anki jekk dan jista’ jkun bi ksur tal-Patt ta’ l-Istabilità ta’ l-Unjoni?
Dan l-Artiklu I - 5 jimplika d-dmir ta’ l-istati membri li ma jieħdu ebda
azzjoni fuq livell nazzjonali li jmur kontra l-intressi ta’ l-Unjoni, jew li
jista’ jnaqqas is-siwi u l-effetti tagħhom.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-UE dejjem se ssostni dan il-punt meta tagħti s-sentenza tagħha u dawk is-sentenzi se jkunu jorbtu legalment lill-istati membri ta’ l-Unjoni.
Il-Ħamis, 4 ta’ Marzu, 2004
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ