MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
L-UE tellfitna l-ħarsien u s-sliem
minn
Karmenu Mifsud Bonnici
Parti
kbira mill-poplu tal-pajjiżi Musulmani u tal-pajjiżi Għarab jqisu
lill-pajjiżi tal-Punent, kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Uniti ta’
l-Amerika, bħala għedewwa tagħhom u tat-twemmin reliġjuż
tagħhom, minkejja l-fatt li l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Punent u
tal-pajjiżi Għarab u Musulmani għandhom relazzjonijiet ta’
ħbiberija. Is-sentimenti tal-poplu ma jaqblux mar-rapporti ta’ bejn
il-gvernijiet.
Il-politika barranija tal-Gvern ta’ l-Istati Uniti qiegħda tkebbes in-nar
fost il-popli Musulmani u Għarab u l-Unjoni Ewropea li ma tridx tikkundanna
l-politika aggressiva ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, qiegħda tqiegħed
lill-pajjiżi ta’ l-UE fl-istess keffa ta’ l-Istati Uniti, f’għajnejn
il-popli Musulmani u Għarab.
Malta, qabel ma sseħibna fl-UE, kienet meqjusa bħala pajjiż
ħabib tal-popli Musulmani u Għarab.
Issa
li Malta tifforma parti mill-UE qiegħda titqies bħall-pajjiżi l-oħrajn
tal-Punent li jappoġġaw l-politika imperjalista ta’ l-Istati Uniti
ta’ l-Amerika.
Tlifna
l-identita' tagħna
Meta sseħibna fl-UE, ħaddanna l-politika ta’ l-Unjoni u aktar minn hekk, biddilna d-dehra unika tagħna li ma kinitx dik tal-pajjiżi tal-Punent u ħadna d-dehra tal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea.
F’moħħ
il-popli Musulmani u Gharab, il-poplu Malti tbiegħed minnhom u sar ħaġa
waħda bħall-popli tal-pajjiżi tal-Punent.
Għalkemm
wara li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, ir-rapporti bejn il-Gvern
Malti u l-gvernijiet tal-pajjiżi Musulmani u Għarab baqgħu dawk
ta’ ħbieb, il-popli ta’ dawk il-pajjiżi m’għadhomx iħarsu
lejna bl-istess sentimenti ta’ ħbiberija li kellhom qabel għalina.
Meta ma konniex imseħbin fl-Unjoni Ewropea konna differenti minnha u l-identità tagħna ma kinitx dik ta’ l-Unjoni.
Issa tlifna dik l-identità differenti tagħna u sirna l-istess bħall-Unjoni.
Meta l-Unjoni titkellem, titkellem ukoll għal Malta.
Jekk l-Unjoni timbagħad, Malta timbagħad.
Jekk il-pajjiżi ta’ l-UE jitqiesu bħala għedewwa, Malta titqies bħalhom.
Tlifna
l-identità tagħna li kienet tiddistingwina mill-popli l-oħrajn ta’
l-Ewropa.
Naqas
il-ħarsien u s-sliem
Il-poplu tagħna tilef u mhux kiseb ħarsien meta sseħibna mal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-pajjiżi
tal-Punent iqisu li t-theddida għalihom ġejja mill-popli Musulmani u Għarab
u dawn min-naħa tagħhom, iqisu li l-pajjiżi tal-Punent iridu jerġgħu
jaħkmuhom, bħall-imgħoddi.
Iqisu wkoll li d-drawwiet tal-popli tal-Punent huma ħżiena u ma jridux
li dawn it-tip ta’ drawwiet ħżiena jikkorrompu liż-żgħażagħ
Musulmani u Għarab.
Qabel ma sseħibna fl-UE, għalkemm id-drawwiet tagħna ma kinux bħal
dawk tal-Musulmani u Għarab u għalkemm it-twemmin reliġjuż
Nisrani kien magħruf sewwa, il-Musulmani u l-Għarab xorta waħda
kienu jgħodduna bħal ħbieb kbar tagħhom.
Illum qegħdin jgħodduna mal-popli l-oħrajn tal-pajjiżi tal-Punent.
Għalhekk
il-ħarsien li kellna tlifnieh u ma nistgħux ngħidu li ngawdu l-istess
sliem, meta m’għadniex ingawdu l-istess ħbiberija tal-popli
Musulmani u Għarab.
Jikber
it-theddid ta' ġlied
Meta pajjiżna kien iħaddan tassew politika ta’ newtralità u non-allineament, pajjiżna kien pubblikament jikkundanna l-indħil militari fil-pajjiżi Musulmani u Għarab.
Ma konniex naqblu ma’ l-indħil militari fil-Libanu.
Tkellimna pubblikament kontra l-ewwel, l-invażjoni tal-Kuwajt mill-Iraqqini u mbagħad kontra l-invażjoni ta’ l-Iraq mill-Istati Uniti u l-alleati tagħhom.
Ħadniha
kontra l-attakki militari fuq il-Libja u tlabna lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus
Magħquda biex iwaqqafhom.
Min-naħa tagħha, l-Unjoni Ewropea appoġġjat l-aggressjoni
kontra l-Afganistan u ma kkundannatx l-aggressjoni mill-ġdid kontra l-Iraq.
Issa qiegħda tappoġġja t-theddid kontra s-Sirja u fiż-żmien
li ġej, tista’ tieħu parti wkoll fil-miżuri li jittieħdu
kontra l-Iran li jistgħu jwasslu mhux biss għal sanzjonijiet kummerċjali
kontra dan il-pajjiż, iżda anke għal attakk militari u forsi
wkoll b’armi nukleari.
F’dan kollu, Malta, bħala membru ta’ l-Unjoni Ewropea, tkun trid tagħmel
l-istess li l-Unjoni tiddeċiedi.
Il-periklu ta’ ġlied qed jikber u mhux jiċkien.
Għalhekk
il-periklu li Malta ssib ruħha fi ġlied kiber ħafna wara li sirna
membri sħaħ ta’ l-Unjoni Ewropea.
Tilwim
religjuż
Minbarra t-theddida ta’ ġlied bl-armi, spiss qegħdin naraw ifaqqsu inċidenti ta’ inkwiet religjuż li jista’ jwassal għal gwerra bejn iċ-ċiviltà Nisranija u dik Musulmana.
Xi
snin ilu kellna l-ktieb ta’ Rushdie dwar Mawmettu li qażżeż
lill-Musulmani tad-dinja kollha.
Din il-ġimgħa rajna karikaturi ta’ Mawmettu li dehru f’ġurnali
Daniżi u li qajmu għadab kbir fost il-Musulmani.
Saħansitra wasslu biex żewġ gvernijiet, dak tal-Libja u dak
tas-Sawdi Għarabja, jirtiraw l-ambaxxaturi tagħhom mid-Danimarka.
Mad-Daniżi jeħlu l-popli tal-pajjiżi Skandinavi l-oħrajn u tispiċċa teħel l-Unjoni Ewropea kollha.
Malta
bħala pajjiż membru ta’ l-Unjoni ma tkunx tista’ teħlisha.
Ikun ta’ ġid kbir għall-poplu tagħna jekk jinfatam mill-bqija
ta’ l-Unjoni Ewropea biex jerġa’ jikseb l-identità u n-newtralità
tiegħu.
B’hekk niksbu l-ħarsien u s-sliem.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Is-Sibt, 4 ta’ Frar, 2006.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ