MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

  NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-UE: theddida għat-Tarzna

 

Is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea diġa` wasslet għat-telf ta’ l-impjieg ta’ mijiet ta’ ħaddiema u mpjegati Maltin.

 

Fiż-żmien li ġej it-theddid għall-impjiegi se jikber f’pajjiżna, speċjalment għall-ħaddiema u għall-impjegati tat-Tarzna.  

 

Il-kaġun ta’ dan huwa l-ftehim tat-tarzni Maltin li sar bejn il-Gvern Malti u l-Unjoni, iffirmat f’Ateni f’April ta’ l-2003, u li l-Parlament Malti approvah meta fis-6 ta’ Lulju, 2005 ivvota unanimament favur it-Trattat dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-Ewropa, li jinkludi t-Trattat tas-Sħubija ta’ pajjiżna.

 

Il-ftehim li l-Gvern Malti għamel ma l-UE dwar it-tarzni Maltin diġa` kkaġuna l-għeluq tal-Malta Shipbuilding tal-Marsa u t-tneħħija mill-impjieg ta’ mijiet ta’ ħaddiema u impjegati kemm mit-Tarzna tal-Marsa kif ukoll mit-Tarzna ta’ Bormla. 

 

Il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim huma iebsin ħafna, ta’ ħsara kbira għall-pajjiżna, u jistgħu jwasslu għall-għeluq tat-Tarzna ta’ Bormla u t-tmiem ta’ l-impjieg tal-mijiet tal-ħaddiema u l-impjegati tagħha, fl-aħħar tas-sena 2008 (fi żmien sentejn).

 

Bħalma ġara fi ħwejjeġ oħrajn li Malta ftehmet dwarhom ma l-Unjoni Ewropea, tagħrif sħiħ dwar xi ftehim sar dwar it-tarzni f’Malta ma ngħatax lill-pubbliku Malti qabel ir-referendum ta’ Marzu 2003. 

 

Il-Malti u l-Għawdxin ma ngħatawx il-faċilita` li jiflu l-ftehim u jqisu l-effetti tiegħu.

 

Ikun tajjeb li dak li ma setgħax isir qabel ir-referendum, nagħmluh issa qabel ikun tard wisq, jekk inħallu sa l-aħħar tas-sena 2008 mingħajr ma niddeċiedu li m’aħniex lesti noqogħdu għal dak il-ftehim li jista’ jikkaġuna l-għeluq tat-Tarzna ta’ Bormla. 

 

Nagħmlu dan billi niflu l-kliem tal-ftehim u nikkummentaw dwarhom.

 

Il-ftehim dwar it-tarzni ta’ Malta jinsab fis-sitt paġni 3,256 sa l-3270 tat-Trattat tas-Sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, u jibda billi jsemmi r-regoli ta’ l-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. 

 

Dan ifisser li l-Unjoni qieset it-tarzni tagħna li jagħmlu kompetizzjoni għat-tarzni ta’ l-Unjoni, u li l-Unjoni mhiex lesta tħalli lit-tarzni tagħna jingħataw benefiċċji u għajnuniet li jagħtuhonm vantaġġ fuq it-tarzni ta’ l-Unjoni.

 

It-Trattat tas-Sħubija jorbot lil Malta li timplimenta r-ristruttarar tat-tarzni abbażi ta’ pjan ta’ ristrutturar (‘restructurng’) li jingħad li għandu l-iskop li jikseb il-vijabilita` totali (jiġifieri li ma jkunx hemm iktar telf) mhux iktar tard mil–perjodu tar-ristrutturar, skond il-kundizzjonijiet magħmulin mill-UE.

 

Il-perjodu tar-ristrutturar huwa bejn l-2002 u l-aħħar ta’ l-2008, li jfisser li Malta ntrabtet b’dak il-ftehim għal sentejn qabel ma ssieħbet fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju, 2004. 

 

Il-ftehim jiffissa l-ammont massimu totali ta’ għajnuna finanzjarja li Malta tista’ tagħti għar-ristrutturar tat-tarzni fil-perjodu ta’ tmien snin.

 

Jispeċifika l-ammont ta’ għajnuna għall-investiment kapitali, l-ammont ta’ għotjiet għat-taħriġ u ta’ għajnuna oħra relatata mal-kost finanzjarju għall-għotjiet għat-taħriġ u sussidju għall-investiment kapital, l-ammont ta’ sussidju għall-kapital li jitħaddem (‘working capital’), l-ammont li jitħallas f’kumpens għall-kost soċjali, jiġifieri l-ispiża ta’ dawk il-ħaddiema li jispiċċaw mill-impjieg, u l-ammont ta’ dejn li jinħafer.

 

Hemm miktub fil-ftehim li l-ammont totali ta’ għajnuna msemmija fil-pjan ta’ ristrutturar għandu jingħata darba biss u l-ebda għajnuna oħra m’għandha tingħata wara l-31 ta’ Diċembru, 2008.  

 

Jingħad espressament fil-ftehim li kull għajnuna li tingħata bi ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ftehim ikollha titħallas lura.

 

Iżda l-ftehim jipprovdi li jekk il-viabilita` tat-tarzni ma tistax tinkiseb minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u li ma jkunux previsti fiż-żmien meta tfassal il-pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tirrevedu l-kundizzjonijiet skond il-proċedura ta’ l-Unjoni. 

 

B’dan li qabel ma jibdew il-proċeduri għar-reviżjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tqis sew il-veduti ta’ l-istati membri (naturalment li għandhom tarzni li jikkompetu mat-tarzna Maltija) dwar jekk jeżistux jew le ċirkostanzi eċċezzjonali.

 

Xorta waħda jkun kemm ikun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali, l-ammont iffissat għall-għajnuna totali ma jistax jinqabeż fl-ebda ċirkostanza. 

 

Il-pjan miftiehem ta’ ristrutturar tat-tarzni jnaqqas in-numru ta’ ħaddiema u mpjegati produttivi għal 1,410 u jillimita l-volum ta’ xogħol li jista’ jsir fit-tarzni fit-tiswija ta’ vapuri, bini ta’ vapuri u konverżjoni ta’ bastimenti għal żewġ miljunu u erba’ mitt elf ‘man hours’ kull sena. 

 

F’dan it-total ta’ ‘man hours’ ta’ xogħol li jista’ jsir, hemm magħdudin il-‘man hours’ ta’ xogħol li jagħtu l-ħaddiema barranin li jinġiebu jaħdmu fit-tarzna tagħna.

 

Jissokta jingħad fil-ftehim li l-għadd ta’ ‘man hours’ mogħtijin fit-tiswija ta’ vapuri u għall-konverżjoni ta’ vapuri m’għandux jeċċedi 2,035,000 fis-sena għal kull waħda mill-għaxar snin bejn l-2003 u l-aħħar ta’ l-2011. 

 

Fil-każ ta’ bini ta’ vapuri, il-produzzjoni massima f’kull sena m’għandhiex taqbeż l-10,000 tunellaġġ gross ikkompensat.

 

Il-Baċir Nru. 1

 

L-UE ma kinitx kuntenta li tagħmel dawn il-limitazzjonijet fuq l-ammont ta’ għajnuna li tista’ tingħata lit-tarzni Maltin, fuq in-numru ta’ ħaddiema u mpjegati li jistgħu jaħdmu fit-Tarzna, u fuq il-volum totali ta’ xogħol li jista’ jsir kull sena fit-tarzna. 

 

Hija rabtet lil pajjiżna li jagħlaq il-Baċir Nru. 1 tat-Tarzna għall-bini ta’ vapuri għal mill-inqas għaxar snin sa’ l-aħħar ta’ l-2011.

 

U rabtitna wkoll li jekk dak il-baċir jintuża għal attivitajiet oħrajn, dawn għandhom ikunu indipendenti mit-Tarzna u ma jistgħux ikollhom x’jaqsmu ma’ bini, jew konverżjoni, jew tiswija ta’ vapuri.

 

Il-projbizzjoni mill-UE ta’ l-użu ta’ wieħed mill-baċiri lit-Tarzna ta’ Bormla u ċ-ċaħda lit-Tarzna ta’ xi dħul li setgħet tagħmel minn attivitajiet oħrajn fih, m’humiex ġustifikati u ma jagħmlux ħlief ħsara lit-Tarzna.

 

L-UE mhiex ġustifikata li timponi l-kundizzjonijiet tal-ftehim dwar it-tarzni li jistgħu jwasslu għall-għeluq tat-Tarzna u għat-tmiem ta’ l-impjieg tal-ħaddiema u l-impjegati tagħha. 

 

M’għandhiex dritt l-Unjoni tiddeċiedi hi kemm jaħdmu nies fit-Tarzna u kemm isir xogħol fiha. 

 

Huwa l-poplu Malti li għandu jiddeċiedi dawn il-ħwejjeġ. 

 

Kif huwa l-poplu Malti li għandu dritt jiddeċiedi x’jiġri fit-Tarzna wara l-31 ta’ Diċembru, 2008 fl-interess tal-pajjiż u mhux biex jitħarsu r-regoli tal-kompetizzjoni ta’ l-Unjoni.

 

Pajjiżna għandu bżonn it-taħriġ fis-snajja li t-Tarzna biss tista’ tagħti liż-żgħażagħ tagħna. 

 

Għandna nkunu lesti li nagħmlu kollox biex it-tarzna ma tingħalaqx, tgħid xi tgħid l-UE.

 

Ir-rendikont bejn Malta u l-UE

 

Aktar kmieni din il-ġimgħa xxandret f’ġurnal lokali bl-Ingliż ittra miktuba minn Eddy Privitera dwar il-‘balance sheet’ ta’ Malta ma l-Unjoni Ewropea. 

 

L-ittra hija informattiva u nagħmlu tajjeb li naqilbuha bil-Malti għall-benefiċċju tal-qarrejja ta’ din il-paġna. 

 

Eddy Privitera kiteb hekk:

 

“Is-Sur Morris D. Walker minn Hampshire, Renju Unit, fl-ittra tiegħu ta’ l-1 ta’ Diċembru, feraħ lill-Gvern Malti għall-għotja ta’ 855 miljun Ewro mill-Unjoni Ewropea. Mhux magħruf jekk is-Sur Walker jafx li dik l-għotja hija għal seba’ snin. Huwa ma jsemmix għal kemm snin ingħatat.”

 

“Nixtieq nistaqsi lis-Sur Walker jekk jafx kemm il-Gvern Malti se jkollu jħallas direttament lill-Unjoni għall-istess seba’ snin mill-2007 sa’ l-2013?”

 

“Jaf kemm hu l-ammont li l-Bank Ċentrali ta’ Malta se jitlef kull sena wara li Malta se ddaħħal l-Ewro fl-1 ta’ Jannar, 2008?”

 

“Jaf kemm kienu l-miljuni li l-Unjoni kienet tħallas f’sussidji li konna ngawdu fuq l-oġġetti ta’ l-ikel li konna nixtru mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni meta konna għadna pajjiż ħieles barra l-Unjoni?”

 

“Jaf kemm miljuni l-Gvern Malti kien idaħħal mid-dazji tad-dwana fuq oġġetti mixtrijin minn pajjiżi barra l-Unjoni li issa dawk id-dazji jmorru għand l-Unjoni?”

 

“Jaf kemm il-miljuni l-Gvern Malti kien jiġbor mil-‘levies’ fuq oġġetti importati mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni, meta dawk l-oġġetti kienu jikkompetu ma’ oġġetti bħalhom maħdumin f’Malta?”

 

“Jaf kemm huma l-miljuni li l-importaturi f’Malta qegħdin ikollhom iħallsu f’tariffi fuq oġġetti essenzjali ta’ ikel, bħalma huma z-zokkor (li fuqu qegħdin iħallsu tliet darbiet iktar milli kienu jħallsu qabel isseħibna fl-Unjoni) laħam, ross, ċereali, eċċ?”

 

“Is-Sur Walker għandu ħjiel kemm qiegħda tiswielna s-sħubija fl-Unjoni li minħabba fiha kellhom jitwaqqfu u jitħaddmu għadd kbir ta’ direttorati, awtoritajiet, ambaxxati, eċċ. li l-parti l-kbira minnhom twaqqfu għax pajjiżna daħal fl-Unjoni?”

 

“Jaf kemm il-Gvern Malti qiegħed ikollu jħallas f’sussidji lill-biedja li qabel is-sħubija fl-Unjoni ma kienx hemm il-ħtieġa tagħhom?”

 

“Is-CNI, li kienet u se tibqa’ ssemma leħinha, ilha tisfida lill-Gvern Malti biex jgħid il-verita` kollha dwar dawn il-ħwejjeġ billi jagħti tagħrif dettaljat ta’ dak kollu li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni qiegħda tiswielna kull sena, u mhux jitkellem biss dwar kemm l-Unjoni qiegħda tagħtina.”

 

“Iżda sal-lum il-Gvern baqa’ sieket kompletament u s-Sur Walker feraħlu ħafna għall-għotja mill-Unjoni. Forsi issa huwa jista’ jagħtina t-tagħrif li ilna nitolbu għal ħafna żmien mingħand il-Gvern.”

 

“Is-Sur Walker semma ż-żewġ miljuni Ewro li Malta se tirċievi mill-Isvizzera, li mhix imsieħba fl-Unjoni, iżda naqas li jsemmi ż-żewġ miljuni Ewro li Malta qed ikollha tħallas kull sena lir-Renju Unit bħala parti mir-‘rebate’ li r-Renju Unit għandu dritt għalihom mingħand l-Unjoni Ewropea.”

 

“Is-Sur Walker aktarx ikun interessat li jsir jaf li Malta kienet tirċievi s-somma ta’ Lm14-il miljun fis-sena mingħand il-Gvern Ingliż mingħajr ma kienet tħallas xejn lura lill-Gvern Ingliż.”

 

“Dawk il-Lm14-il miljun li l-Gvern Malti ftiehem dwarhom fl-1972 għal perjodu ta’ seba’ snin, illum jiswew mill-inqas Lm84 miljun fis-sena. Is-Sur Walker jista’ jagħmel kalkolu ta’ dan, u ta’ kemm iġibu fl-Ewro. Ir-rata tal-kambju ta’ l-Ewro hi 42.93 ċenteżmi Maltin.”

 

EDDY PRIVITERA, Mosta.

 

Il-Ħamis, 4 ta’ Jannar, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ