MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

KARMENU MIFSUD BONNICI, Chairman – CNI

Qghad u sensji: Il-htija hi ta’ l-Unjoni Ewropea

Il-politiċi u l-propagandisti favur l-Unjoni Ewropea spiss jgħidu li s-sensji u l-qgħad li hawn m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-politika ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan mhu veru xejn, għax l-Unjoni għandha l-akbar tort għal dak li qiegħed jiġri fil-qasam tax-xogħol u l-impjiegi f'pajjiżna.

Għaliex l-Unjoni għandha tort kbir għas-sensji u l-qgħad?

Għax l-Unjoni ssostni l-politika ta' moviment tal-kapital mingħajr xkiel u tħeġġeġ investimenti enormi f'pajjiżi fejn il-pagi huma baxxi ħafna u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma mill-agħar.

L-Unjoni Ewropea fl-istess ħin issostni l-politika ta' liberalizzazzjoni tas-swieq u l-ftuħ beraħ tas-swieq għall-importazzjoni fis-swieq Ewropej tal-prodotti maħduma u s-servizzi mogħtija fil-pajjiżi fejn il-pagi huma baxxi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma mill-agħar.

Il-konsegwenza tal-politika ta' l-Unjoni tal-liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital u tal-prodotti u servizzi huma s-sensji u l-qgħad fil-pajjiżi ta' l-Unjoni, fosthom Malta.

Politika anti-nazzjonali

Minflok li l-Unjoni Ewropea tħaddem politika li biha tħeġġeġ investimenti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ħalli jbiegħu l-prodotti maħduma u s-servizzi mogħtija fihom lill-konsumaturi ta' dawk il-pajjiżi li jagħmlu suq ta' tliet biljuni, l-Unjoni tappoġġja l-investituri Ewropej jagħmlu profitti enormi billi tgħinhom jimpurtaw fis-swieq ta' l-Unjoni l-prodotti maħduma u s-servizzi mogħtija bl-irħis fl-impriżi li l-investituri jwaqqfu fil-pajjiżi barra l-Unjoni.

L-Unjoni Ewropea taf li din il-politika tagħha qiegħda tikkaġuna ħafna sensji u qgħad kbir ta' ħaddiema fil-pajjiżi mseħbin fiha, inkluż pajjiżna.

Ma jimpurtahiex minn dan.

L-interessi ta' l-investituri u tal-kumpaniji kbar multi-nazzjonali jiġu l-ewwel għall-Unjoni.

Il-politiċi u l-propagandisti favur l-Unjoni Ewropea jafu li l-politika tagħha taħti għall-ħerba kbira fil-qasam tax-xogħol u ta' l-impjiegi.

Huma kompliċi magħha fil-qerda li qiegħda sseħħ fl-impjiegi tal-ħaddiema u l-għeluq ta' l-impriżi fil-pajjiżi membri ta' l-Unjoni, inkluża Malta, dawk kollha li jaħbu dawn il-fatti u ma joħduhiex kontra l-Unjoni ħalli tbiddel il-politika dannuża tagħha.

Huma kompliċi ma' l-Unjoni dawk kollha li jgħidu li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex tort għas-sensji u l-qgħad li hawn.

Politika alternattiva

Meta hija ħaġa ċara li l-politika ta' l-Unjoni Ewropea ta' liberalizzazzjoni tal-moviment tal-kapital finanzjarju u tal-moviment tal-prodotti u tas-servizzi ħalli l-forzi selvaggi tas-suq ħieles jirrenjaw, mingħajr ebda każ tat-tbatijiet tal-ħaddiema fil-pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u tal-ħerba tal-ħaddiema fil-pajjiżi ta' l-Unjoni, inkluża Malta, id-dmir ta' kull min verament jappoġġja lill-ħaddiema huwa li jiġġieled kontra dik il-politika kriminali ta' l-Unjoni.

Aħna nemmnu li dan huwa dmirna.

Min jgħid li la darba l-kwistjoni tas-sħubija fl-Unjoni ġiet deċiża sentejn ilu, għandna issa naċċettaw li ssir il-ħerba mill-impriżi u mill-impjiegi tal-ħaddiema tagħna, ma jkunx qiegħed jappoġġja lill-ħaddiema, iżda jkun qiegħed jirrassenjahom għat-tbatijiet tas-sensji u l-qgħad.

Aħna mhux se nirrassenjaw ruħna għal dan, u se nkomplu niġġieldu ħalli nfehmu lill-poplu li jista'  jinħoloq xogħol u jistgħu jinħolqu mpjiegi, jekk il-Gvern ta' pajjiżna ma jibqax marbut li jmexxi bil-politika ta' l-Unjoni Ewropea.

Lil min jistaqsina x'inhi l-politika alternattiva għal dik ta' l-Unjoni Ewropea, inwieħbuh bla tlaqliq.

L-investimenti fil-pajjiżi ta' l-Afrika, fiċ-Ċina, fl-Indja u fil-pajjiżi l-oħra ta' l-Asja, għandhom isiru ħalli jipprovdu l-prodotti u s-servizzi li l-biljuni ta' konsumaturi f'dawk il-pajjiżi huma mċaħħdin minnhom, u mhux biex jeqirdu l-impriżi, ix-xogħol u l-impjiegi fil-pajjiżi ta' l-Unjoni, bħal Malta.

Aħna għandna nħaddmu politika li tħares l-impriżi, ix-xogħol u l-impjiegi tagħna mit-tsunami tal-politika neo-liberali ta' l-UE u li tħalli lill-Gvern ta' pajjiżna meta jkun hemm bżonn, joħloq huwa x-xogħol u l-impjiegi, sakemm is-settur privat jissaħħaħ biżżejjed li jkun kapaċi joħloq ix-xogħol u l-impjiegi li l-poplu tagħna jeħtieġlu.

Is-suq tal-Commonwealth hu hames darbiet akbar minn dak ta’ l-UE

Il-Ġimgħa l-oħra kellna fostna r-rappreżentanti ta' 52 pajjiżi li flimkien ma' Malta jagħmlu l-Commonwealth illum.

Il-popolazzjoni tal-Commonwealth hija biljun u tmin mitt miljun ruħ, jigifieri ħames darbiet aktar mill-popolazzjoni ta' 350 miljun ta' l-Unjoni Ewropea.

Qabel ir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienu jgħidu li jaqblilna nidħlu fl-Unjoni ħalli nkunu f'suq kbir ta' 350 miljun.

Fil-Commonwealth qegħdin diġà f'suq ta' 18-il mitt miljun u ħadd ma jgħidilna li nistghu napprofittaw ruħna mill-kobor ta' dan is-suq billi naddottaw politika li tiffavorixxi l-esportazzjoni lejn il-pajjiżi tal-Commonwealth u importazzjoni minn għandhom.

M'hemmx dubju li politika ta' esportazzjoni lejn il-pajjiżi tal-Commonwealth tagħtina ħafna aktar riżultati tajba mill-politika li mexjin biha li nippruvaw inżidu l-esportazzjoni lejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni.

Għax is-swieq ta' l-Unjoni Ewropea jitolbu prodotti u servizzi ta' kwalità għolja u huma diġà mifqugħa bi prodotti u servizzi maħduma u mogħtija f'dawk il-pajjiżi u oħrajn importati minn pajjiżi fejn l-investimenti ta' l-Ewropej waqqfu impriżi biex ifornu l-prodotti u jagħtu s-servizzi meħtieġa fis-swieq ta' l-Unjoni Ewropea.

Mal-pajjiżi tal-Commonealth Malta tkun tista' tagħmel ftehim reċiproku li bih nagħtu trattament preferenzjali lill-prodotti u s-servizzi tagħhom u huma jirreċiprokaw billi jagħtu trattament preferenzjali lill-prodotti u s-servizzi Maltin.  

Illum dan aħna miżmuma li nagħmluh għax ir-rabta li għandna ma' l-Unjoni Ewropea ma thalliniex nagħmluh.

Fil-waqt li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ma swiet xejn biex inkabbru l-esportazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi Maltin lejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni, hija qiegħda wkoll tostakolana li nżidu l-esportazzjoni tal-prodotti u s-servizzi tagħna lejn il-pajjiżi tal-Commonwealth billi ma tħalliniex nadottaw politika preferenzjali lejhom u huma lejna.

Mhux biss il-politika ta' l-Unjoni qiegħda tostakolana li nagħmlu ftehim preferenzjali ma' 52 pajjiżi tal-Commonwealth, iżda hija qiegħda wkoll tnaqqsilna l-kompetittività tagħna billi tgħollilna l-ħajja u żżidilna l-ispejjeż u t-taxxi li ġġagħlna nagħmlu, bħal ma hija s-sisa fuq il-prodotti taż-żejt u d-dazji fuq dak li nixtru u nimportaw minn pajjiżi li m'humiex fl-Unjoni.

Biex inkunu nistgħu nisfruttaw l-assoċjazzjoni li għandna mal-pajjiżi tal-Commonwealth, jeħtiġilna ninħallu mir-rabtiet li għamilna ma' l-Unjoni Ewropea.

Jaqblilna ninħallu mill-Unjoni Ewropea biex napprofittaw mill-opportunitajiet kbar li suq kbir ta' 18-il mitt miljun ruħ tal-Commonwealth jippreżentalna.

Il-falliment taċ-CHOGM u ta’ l-Euro Med

Minkejja l-ftaħir tas-suċċess tal-laqgħa f'Malta l-ġimgħa l-oħra tal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Commonealth, aħna nqisu li seħħ nuqqas kbir f'qasam ta' importanza ewlenija għall-progress ta' kull pajjiż, u partikolarment għal pajjiżna.

Dan huwa l-qasam tax-xogħol u ta' l-impjiegi f'ħafna mill-pajjiżi tal-Commonealth.

Fid-diskussjonijiet li saru fil-laqgħat taċ-CHOGM, ibbrillaw bl-assenza tagħhom is-suġġetti tan-nuqqas ta' xogħol u tal-ħtieġa ta' impjiegi u l-pjaga tal-qgħad, li huma l-aqwa ostaklu għall-progress u l-iżvilupp ta' ħafna mill-pajjiżi tal-Commonwealth, fosthom Malta.

Dan in-nuqqas insibuh fit-tliet dikjarazzjonijiet li l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Commonealth ħarġu fi tmiem il-laqgħa tagħhom f'Għajn Tuffieħa.

Jidher li għaċ-CHOGM il-kwistjoni tat-tkabbir tal-kummerċ hija hija ewlenija.

Ma ngħidux li t-tkabbir tal-kummerċ mhux importanti, iżda nħossu li qabel il-kummerċ jiġu x-xogħol u l-impjiegi.

Jekk jikber ix-xogħol u jiżdiedu l-impjiegi, jikber aktar il-kummerċ, milli jikber ix-xogħol u jiżdiedu l-impjiegi billi jikber il-kummerċ.

Ma nifhmux kif il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Commonealth jindaħlu daqstant fil-kummerċ meta dan huwa primarjament ħobż tas-settur privat u jibqgħu lura li jindaħlu fil-kwistjoni tax-xogħol u l-impjiegi, meta dawn għandhom ikunu l-ogħla prijoritajiet ta' kull komunità u għalhekk ta' kull mexxej ta' kull komunità u stat.

B'danakollu l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Commonealth saħqu fuq il-ħtieġa tat-tkabbir tal-kummerċ, li skond huma jsir biss jekk ikun hemm kummerċ ħieles skond ir-regoli tal-kompetizzjoni.

Imisshom jafu, jew aħjar, imisshom jammettu għax jafu, li meta l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma tant differenti fil-pajjiżi differenti, ma jagħmilx sens li tippretendi li jkollok kompetizzjoni ġusta skond ir-regoli tas-suq ħieles.

Jisgħobbina li pajjiżna għandu tort kbir għall-falliment taċ-CHOGM mil-lat tal-kwistjoni ewlenija tax-xogħol, l-impjiegi u l-qgħad.

Għax kien il-Prim Ministru Malti li mexxa d-diskussjonijiet u kien huwa li naqas li jqiegħed din il-kwistjoni fil-qalba tad-diskussjonijiet.

L-istess nuqqas insibuh fil-laqgħa li saret din il-ġimgħa tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea u dawk tal-Mediterran, magħrufa bhala l-Euro Med, fi Spanja.

Il-mexxejja tal-pajjiżi ta' l-Euro Med, li fosthom kien hemm il-Prim Ministru Malti, ma ħassewx li l-qgħad u n-nuqqas ta' impjiegi jimmeritaw l-attenzjoni tagħhom.

Għalhekk tkellmu fuq kollox, barra fuq il-ħtieġa tal-ħolqien tax-xogħol u ta' l-impjiegi għall-ħaddiema u ż-żgħażagħ.

Minħabba dan in-nuqqas, anki l-laqgħa ta' l-Euro Med kienet falliment.  

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

Is-Sibt, 3 ta’ Diċembru, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

 Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ