MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAHDMU BIEX NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

Ħtieġa ta’ bidla radikali fl-UE

   

Issa li l-Franċiżi u l-Olandiżi qatlu l-proġett ta’ aktar “integration” tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea skond ma riedet tagħmel il-Kostituzzjoni Ewropea, l-għajta qiegħda tinstema’ aktar qawwija fl-Ewropa għar-riforma mill-qiegħ kemm ta’ l-istrutturi, kif ukoll tal-politika ekonomika u soċjali ta’ l-Unjoni, li għandha tkun mibnija fuq koperazzjoni wiesgħa bejn l-istati membri, li b’danakollu jibqgħu sovrani kif jitmexxew skond l-għażliet li l-popli tagħhom jagħmlu demokratikament minn żmien għal żmien.

 

Qiegħed jingħad b’insistenza kbira li la darba t-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea jiġbor fih it-trattati kollha li saru qabel mill-Unjoni Ewropea, meta l-poplu Franċiż u dak Olandiż ivvotaw kontra t-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea, huma fil-fatt ċaħdu wkoll it-trattati kollhata’ qabel ta’ l-Unjoni.

 

Anki jekk il-Franċiżi u l-Olandiżi ma riedux ifissru dan kollu, żgur riedu juru li jridu li ssir riforma sħiħa ta’ l-istrutturi ta’ l-Unjoni Ewropea u bidla radikali tal-politika tagħha li falliet għal kollox u wasslet lil x’uħud mill-ikbar pajjiżi membri, bħal Ġermanja, Franza u l-Italja, fi kriżijiet ekonomiċi kbar, u f’pajjiżi oħrajn, ħolqot tensjoni soċjali qawwija u żiedet il-faqar fost setturi akbar tal-poplu.

 

Għalkemm il-mexxejja ta’ l-Unjoni Ewropea qajla jammettut fil-pubbliku kemm hija profonda l-kriżi li qiegħda taħkem lill-Unjoni Ewropera, il-mexxejja ta’ x’uħud mill-mexxejja tal-pajjiżi membri tant għarfu din il-problema, li qatgħuha li ma jkomplux għalissa bil-proċess tar-referenda, għax jibżgħu li l-popli tagħhom juru l-istess sfiduċja fl-Unjoni Ewropea billi jivvotaw bħall-Franċiż u l-Olandiżi kontra t-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea.

 

Għalhekk insibu li l-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka, Jiri Paroubek, qal li pajjiżu mhux fi ħsiebu jagħmel referendum fis-sena u nofs li ġejjjin.

 

Anders Fogh Rasmussen, il-prim Ministru tad-Danimarka, ħassar ir-referendum li kellu jsir fis-27 ta’ Settembru ta’ din is-sena.

 

Il-President tal-Polonja, Alexsander Kwasniewski, ħassar ukoll ir-referendum għar-ratifika tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea li kellu jsir f’pajjiżi f’Ottubru li ġej.

 

Goeran Persson, il-Prim Minsitru Svediż, iddeċieda li jipposponi insdefinittivament ir-referendum li kellu jsir fl-Isvezja.

 

Jack Straw, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Ingliż, ħabbar li waqqfu l-arranġamenti biex isir referendum fl-Ingliterra.

 

Il-Prim Minsitru Matti Vanhanen tal-Finlandja saħansitra waqqaf il-proċess tar-ratifika tat-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea li kellu jsir fil-Parlament tal-Finlandja.

 

Iżda l-Parlament Malti għaref aktar minn dawn kollha.

 

Mhux biss baqa’ sejjer bir-ratifika, iżda għamel hekk biċ-ċapċip ta’ kulħadd.

 

Il-fjask kbir tal-Kostituzzjoni Ewropea

 

Ma hemmx dubju li ċ-ċaħda mill-popli ta’ l-Ewropa tal-Kostituzzjoni Ewropea huwa falliment kbir għall-Unjoni Ewropea u fjask kbir għal min fassal il-Kostituzzjoni.

 

Filwaqt li f’Malta nsibu min ifaħar lill-Parlament Malti talli rratifika l-Kostituzzjoni Ewropea mingħajr ħadd kontriha, f’pajjiżi oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea politiċi jitħaddtu mod ieħor dwarha.

 

Pierre Moscovici, li kien Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Franza, ammetta li l-poplu Franċiż ta d-daqqa tal-mewt lill-Kostituzzjoni Ewropea, u li l-poplu Olandiż għamlilha ċ-ċertifikat tal-mewt.

 

Giuliano Amato, li kien Prim Minsitru ta’ l-Italja, u wieħeed miż-żewġ Viċi-Presidenti tal-Konvenzjoni li fasslet il-Kostituzzjoni, qal li bintu (hekk sejħilha lill-Kostituzzjoni Ewropea), mietet, iżda jista’ jsir xi “trapjant” ta’ x’uħud mill-organi tagħha lit-Tratat ta’ Nizza ħalli jsir aħjar.

 

Angel Moratinos, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Spanja, stqarr li r-riżultat negattiv tar-referenda dwar il-Kostituzzjoni Ewropea, bla dubju ta’ xejn se jwaqqfu lill-Unjoni milli tkompli tikber.

 

X’uħud mill-politiċi Ewropej ħatfu l-oppportunita’ sabiex jinsistu li l-Unjoni Ewropea jmissha tkun flessibbli fir-regolamenti tagħha.

 

Giulio Tremonti, il-Viċi Prim Ministru Taljan, saħaq li l-Kostituzzjoni Ewropea ma tistax tibqa’ l-istess kif inkitbet. Trid tinbidel.

 

Il-Prim Minsitru Taljan, Silvio Berlusconi, sostna li għandha ssir diskussjoni dwar ħafna punti, fosthom dwar il-kwantita’ ta’ liġijiet li l-Unjoni għamlet u dwar il-burokrazija żejda li hemm fl-Unjoni.

 

Jack Straw, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Ingliterra, saħaq li l-LE tal-Franċiżi u l-Olandiżi għall-Kostituzzjoni Ewropea jqanqlu mistoqsijiet dwar x’għandu jkun il-ġejjieni ta’ l-Unjoni Ewropea.

 

Ħafna politiċi Ewropej oħrajn ghamlu kritika oġġettiva kemm tal-Kostituzzjoni Ewropea kif ukoll ta’ l-Unjoni Ewropea stess.

 

Dan kien kuntrast kbr ma dak li seħħ fil-Parlament Malti fis-6 ta’ Lulju li għadda.

 

Dak in-nhar stħajjilna li konna qegħdin nassistu għal ċerimonja funebri li fiha nisimgħu biss kliem ta’ tifħir għall-mejjet.

 

Ħlief eloġji għall-Kostituzzjoni Ewropea li l-Franċiżi u l-Olandiżi qatlu, ma smajniex.

 

Bil-vot favur nem con il-Parlament ċeken lil pajjiżna f’għajnejn il-barranin li għalkemm huma favur l-Unjoni Ewropea, jagħrfu li hemm ħafna x’tikkritika fiha u jafu li l-Kostituzzjoni Ewropea ddgħajjef aktar lil pajjiżi membri żgħar bħal Malta, u għalhekk ma jifhmux kif il-Maltin kollha jistgħu jkunu ferħanin biha.

 

Dikjarazzjonijiet imħassrin

 

L-ARTIKLU 437 tat-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea li l-Parlament Malti rratifika fis-6 ta’ Lulju jħassar, kif tidħol fis-seħħ il-Kostituzzjoni Ewropea, it-Trattat ta’ Adeżjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li kien iffirmat f’Ateni fis-16 ta’ April, 2003.

 

F’dak it-Trattat ta’ Adeżjoni hemm mehmuża d-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralita` ta’ Malta u d-Dikjarazzjoni dwar ir-Reġjun ta’ Għawdex.

 

Meta jitħassar it-Tratatt ta’ Adeżjoni, kif tidħol fis-seħħ il-Kostituzzjoni Ewropea, jitħassar dak kollu li dak it-Trattat fih, u għalhekk jitħassru d-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralita` ta’ Malta u d-Dikjarazzjoni dwar ir-Reġjun ta’ Għawdex.

 

Ma naħsbux li xi ħadd jista’ ma jaqbilx dwar din l-interpretazzjoni li qiegħda hawn tingħata ta’ l-Artiklu 438 ibiddel it-tifsira hawn mogħija ta’ l-Artiklu ta’ qablu, għax l-Artiklu 438 jgħid li d-dikjarazzjonijiet li jkunu magħmulin sakemm tidħol fis-seħħ il-Kostituzzjoni Ewropea, għandhom jiġu ppriservati.

 

Min qal hekk ħala barra tliet kelmiet importantissimi ta’ l-Artiklu 438, li jkompli jgħid li d-dikjarazzjonijiet jiġu ppriservati “sakemm jiġu mħassrin”.

 

Għalhekk id-dikjarazzjoni dwar in-newtralita` ta’ Malta u dwar ir-reġjun ta’ Għawdex ikunju mħassra meta jitħassar it-Trattat ta’ Adeżjoni tas-16 ta’ April, 2003 li fih id-dikjarazzjonijiet jibsabu, jiġifieri, meta tidħol fis-seħħ il-Kostituzzjoni Ewropea.

 

Għalkemm it-tifsira ta’ l-Artiklu 437u ta’ l-Artiklu 438 tal-Kostituzzjoni Ewropea hi ċara, mhux kulħadd irid jammettiha pubblikament.

 

Ma jammettuhiex għax politikament ma jaqblilhomx jammettuha, mhux għax ma jafux li hi legalment korretta.

 

Il-Gvern Malti ma jammettihiex Il-Membru Parlamentari Ewropew Joe Leinen, ma jammettihiex għax qal li l-konsulent legali tal-Parlament ma qabilx mat-tifsira li qegħdin nagħtu. 

 

Għal xi raġuni, il-parir tal-konsulent legali li semma Joe Leinen qatt ma xxandar.

 

Minkejja x’qal il-Gvern u x’kiteb Joe Leinen, it-tifsira ta’ l-Artiklu 437 u ta’ l-Artiklu 438 tal-Kostituzzjoni Ewropea hija ċara.

 

La darba jitħassar it-Trattat ta’ Adeżjoni, jitħassru miegħu d-dikjarazzjonijiet li hemm mehmuża.

 

Huwa minnu li l-Artiklu 437, wara li jħassar it-Trattat ta’ Adeżjoni, jerġa’ jagħtih il-ħajja. 

 

Iżda ma jerġax jagħti l-ħajja t-Trattat ta’ Adeżjoni kollu kemm hu, iżda dak biss minnu li hu ppriservat fil-Protokoll Numru 9 anness mal-Kostituzzjoni Ewropea.

 

Il-Protokoll Numru 9 jħalli barra d-Dikjarazzjoni dwar in-Newtralita` ta’ Malta u d-Dikjarazzjoni dwar ir-Reġjun ta’ Għawdex.

 

Ir-riskji tal-kumpaniji kummerċjali tal-pensjonijiet

 

Il-Gvern Malti huwa marbut mill-Unjoni Ewropea sabiex ibiddel is-sistema tal-pensjonijiet li għandna f’pajjiżna. 

 

Huwa jgħid li se jagħmel “riforma” tal-pensjonijiet. 

 

Iżda m’hi riforma xejn. 

 

Hija bidla li mhux se ttejjeb il-qagħda tal-pensjonanti. 

 

L-Unjoni Ewropea trid li l-Gvern jagħmilha bilfors mingħajr dewmien.

 

Hija l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li tkabbar is-sistema tal-pensjonijiet privati pprovduti minn kumpaniji kummerċjali tal-pensjonijiet u ċċekken is-sistema tal-pensjonijiet tas-servizz u tal-pensjonijiet soċjali li jaħseb għalihom l-Istat.

 

Il-Gvern Malti se jimxi dwar il-pensjonijiet skond ma tgħidlu l-Unjoni Ewropea jagħmel. 

 

Għalhekk nistennew bidla favur il-pensjonijiet li jipprovduhom kumpaniji kummerċjali tal-pensjonijiet.

 

Il-bidla għall-pensjonijeit ipprovduti minn kumpaniji kummerċjali tal-pensjonijiet ġejja fi żmien meta ħafna minn dawn il-kumpaniji kbar għaddejjin minn żmienijiet koroh.

 

Il-kumpaniji kummerċjali tal-pensjonijiet jaħdmu bis-sistema li l-ewwel jiġbru kontribuzzjonijiet (premiums) mingħand dawk li jaħdmu, u wara, meta dawn jieqfu mix-xogħol minħabba l-eta`, jħallsuhom il-pensjoni.

 

Il-kumpaniji jinvestu l-kontribuzzjonijiet li jiġbru u mid-dħul ta’ l-investimenti tagħhom, iħallsu l-pensjonijiet, l-ispejjeż tal-kumpaniji, u jagħmlu l-profitti li jmorru għand ix-shareholders tal-pensjonijiet.

 

Is-sistema kollha tal-kumpaniji kummerċjali tal-pensjonijiet hija l-istess bħal dik tal-kumpaniji ta’ l-insurances u tiddependi minn kemm jagħmlu investiment tajjeb mill-kontribuzzjonijiet li jiġbru minn min jaħdem u kemm jikkalkolaw tajjeb il-ħlasijiet li jkollhom jagħmlu mid-dħul ta’ dawk l-investimenti.

 

Mhux l-ewwel darba li smajna li kumpanija kummerċjali tal-pensjonijiet marret tant żmerċ kemm fid-dħul mill-investimenti, kif ukoll minħabba l-ħruġ akbar minn dak li kienet ikkalkolat, li l-kumpanija ma tkunx tista’ tħallas.

 

F’dak il-każ, jew il-pensjonanti jmorru huma minn taħt, jew il-Gvern ikollu jindaħal huwa biex jagħmel tajjeb għal fejn il-kumpanija tal-pensjonijiet tfalli.

 

Bħalissa fl-Ingliterra għadd ta’ kumpaniji kbar tal-pensjonijiet għaddejjin minn kriżi. 

 

Dan għax l-investimenti tagħhom qegħdin jirrendulhom inqas milli kienu jistennew minnhom.

 

Ukoll għax ikkalkolaw ħażin kemm se jgħixu l-pensjonanti. 

 

U wkoll minħabba li ġew intaxxati x-shares u d-dividends lil skemi ta’ pensjonijiet (jew funds).

 

Waħda mill-akbar kumpaniji tal-pensjonijiet fl-Ingliterra qiegħda tgħarraf lil 40,000 klijent tagħha li jaqblilhom jerġgħu jmorru fuq is-sistema tal-pensjoni ta’ l-Istat kif kienu qabel ma qalbu għal pensjoni mħallsa mill-kumpanija, għax mhux se tkun f’qagħda ‘l quddiem li tħallashom il-pensjonijiet li kienet intrabtet li tħallashom.

 

F’Malta l-Unjoni Ewropea se ddaħħalna f’dan ir-riskju.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min KISER il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 24 ta’ Awissu, 2005.

<< Lura http://www.cnimalta.org/2005.html

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ