MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin huma marbutin li jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

Id-deċiżjonijiet ma ttiħdux fl-interess nazzjonali

 

minn Iċ-Ċermen tas-CNI

 

Il-Gvern miexi bi ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea dwar it-Tarzna ta’ Malta. 

 

Iż-żewġ deċiżjonijiet tal-mistħija, 

* li t-Tarzna tinbiegħ lill-barranin, u 

* li jonqsu drastikament il-ħaddiema fit-Tarzna, 

* ma ttiħdux fl-interess nazzjonali.

Mhux fl-interess nazzjonali li jikber l-għadd ta’ dawk li jirtiraw mix-xogħol qabel iż-żmien. 

 

Il-pajjiż għandu bżonn li aktar nies ikomplu jaħdmu kemm jistgħu, mhux li jerfgħu kmieni mix-xogħol. 

 

Lanqas ma huwa fl-interess nazzjonali li jonqsu l-ħaddiema tas-sengħa. 

 

Pajjiżna jeħtieġ aktar nies li jitħarrġu fis-snajja, mhux li jkollu inqas minnhom fil-ġejjieni. 

 

U żgur mhux fl-interess nazzjonali li bċejjeċ strateġiċi mill-art ta’ pajjiżna, bħal ma huma

* l-baċiri, 

* il-mollijiet, u 

* l-ħwienet tax-xogħol tat-Tarzna, 

ma jibqgħux proprjetà tal-poplu Malti billi jgħaddu għand sidien barranin.

 

Bħall-prostituta li tbiegħ ġisimha, il-Gvern Malti qiegħed ibiegħ ġisem Malta.

 

Ma kien pjan xejn

 

Id-deċiżjonijiet ta’ stmerrija tal-lum dwar it-Tarzna huma ċertifikat tal-falliment tal-pjan li l-Unjoni Ewropea u l-Gvern Malti ddeċidew seba’ snin ilu għar-ristrutturar tat-Tarzna. 

 

Dwar dak il-pjan, fid-19 ta’ Jannar ta’ din is-sena, l-Inġinier Lawrence Ciantar, li trawwem fit-Tarzna u għal żmien twil mexxa l-Power Station u l-Korporazzjoni Enemalta, kiteb dan fil-ġurnal Ġens Illum:

“L-hekk imsejjaħ ‘programm ta’ ristrutturar’ ma kien xejn ħlief eżerċizzju ta’ tnaqqis ta’ ħaddiema biex tonqos l-ispiża kurrenti. 

 

Ma sarux investimenti f’għodda u makkinarju modern biex titjieb l-effiċjenza u l-kwalità tax-xogħol. 

 

Ma sarx taħriġ ta’ impjegati f’dawk li huma teknoloġiji ġodda, u partikolarment fil-‘management’. 

 

It-tnaqqis tad-dħul ta’ l-apprendisti, tant meħtieġa biex it-Tarzna tibqa‘ tiżviluppa, dgħajjef ħafna l-potenzjal tat-Tarzna għas-snin li ġejjin”.

 

Meta l-pajjiż għandu bżonn aktar żgħażagħ li jitrawmu fis-snajja, tnaqqas id-dħul ta’ l-apprendisti fit-Tarzna.

 

Dan l-iżball fundamentali, li jitnaqqas id-dħul ta‘ l-apprendisti, ma seħħx biss fl-aħħar seba’ snin. 

 

F’The Malta Independent tat-23 ta’ Ġunju li għadda, Roger Mifsud, ġurnalista li għal xi żmien għamilha ta’ editur ta’ The Times, kixef li, saħansitra fis-sena 1988, il-Prim Ministru Fenech Adami qallu li se jnaqqas in-numru ta’ ħaddiema fit-Tarzna, billi ma jiddaħħlux ħaddiema ġodda biex jimlew il-vojt maħluq minn dawk li jħallu l-impjieg.

 

Żarmaw l-aktar assi

 

Anki l-ġurnalista Godfrey Grima qal lill-Ġens Illum tal-21 ta’ Ġunju, li t-tnaqqis tan-nies tas-sengħa 

“kien forsi l-akbar żball li żarma lit-Tarzna mill-aktar assi li kellha. Il-Gvern hawn deher li la għandu immaġinazzjoni, la viżjoni, u lanqas il-ħila joħloq ġejjieni aħjar għat-Tarzna.”

Dan l-iżball goff, dan in-nuqqas kbir ta’ immaġinazzjoni, ta’ viżjoni u ta’ ħila, il-Ministri qegħdin juruhom bid-deċiżjonijiet irresponsabbli li ħadu fid-9 ta’ Ġunju, li jonqos drastikament in-numru ta‘ ħaddiema fit-Tarzna.

Dwar dan il-punt, il-Professur Godfrey Baldacchino qal lill-Ġens Illum tal-21 ta’ Ġunju: 

 

“Il-Prim Ministru semma l-possibbiltà ta’ tnaqqis ta’ ħaddiema bħala soluzzjoni” għat-telf li t-Tarzna tagħmel, anke meta għandha x-xogħol. 

 

Iżda, huwa ssokta jgħid: 

“Jekk hemm ix-xogħol xi jsir, li tnaqqas l-għadd ta’ ħaddiema ma naħsibx li se jgħin. Jekk hi l-produttività jew ‘output’, jew “gross revenue per person hour” li trid tiżdied, u allura l-‘labour force’ mhux bilfors tonqos trid, imma tiġi mħaddma b’mod differenti, u forsi anki tiżdied ukoll, skond il-ħtieġa.”

 

Għal ħafna, 

* dak li l-Gvern Malti u l-Unjoni Ewropea ddeċidew dwar it-Tarzna, 

* mhu xejn ħlief it-twettiq ta’ pjan li jħarbat it-Tarzna, 

* ma jħallihiex azjenda kbira, u 

* jisparpalja l-ħaddiema tagħha. 

 

Għax hija ħaġa stramba kif f‘dawn l-aħħar snin 

* it-Tarzna tħalliet titmexxa b‘mod l-aktar ineffiċjenti, 

* li sewa telf ta‘ flus lill-poplu Malti, 

* bl-iskuża diżonestà ta' tort tal-ħaddiema.

 

L-isfida għal inkjesta

 

Bl-iskuża li ma jrid jagħti tort lil ħadd għat-telf li għamlet dan l-aħħar it-Tarzna, il-Prim Ministru ħarab mill-isfida tal-ħaddiema biex issir inkjesta pubblika indipendenti dwar it-tmexxija tat-Tarzna. 

 

Iżda l-Gvern ma jistax jeħles mill-ħtija kbira li għandu. 

 

Il-Professur Baldacchino staqsa:

 “il-ħaddiema kif jistgħu jingħataw tort, meta r-responsabbiltà tat-tmexxija hi fdata lill-‘management’ professjonali, li mbagħad hu ggwidat minn, u jirrispondi lill-Bord tad-Diretturi?“ 

 

Hu jkompli jgħid: 

“La darba t-Tarzna m’għadhiex immexxija mill-ħaddiema, kif kienet bejn l-1975 u l-1997, żgur il-ħaddiema ma jistgħux jiġu akkużati bil-qagħda ta’ l-azjenda.”

B’danakollu, il-konsegwenzi ħżiena tal-mod mill-agħar kif tmexxiet it-Tarzna mill-‘management’ inkompetenti u l-Gvern li nqeda bih, sejrin intortament ibatuhom il-ħaddiema li mhux se jibqgħu fl-impjieg, u l-pajjiż kollu li se jitlef riżorsi umani kbar, li huma l-ħaddiema tas-sengħa. 

 

Mhux ta’ xejn li ħafna kkritikaw bl-aktar mod aħrax id-deċiżjonijiet anti-nazzjonali dwar it-Tarzna, miftehma mill-Gvern u l-Unjoni Ewropea.

 

Kritika tad-deċiżjonijiet

 

L-Inġinier Lawrence Ciantar, fid-19 ta’ Jannar li għadda, saħaq li 

“it-Tarzna kellha u għad għandha potenzjal biex tkun kummerċjalment vijabbli, b’ħaddiema kompetenti u b’tagħmir meħtieġ biex tagħmel xogħolijiet kbar.”

Il-ġurnalista Godfrey Grima fil-21 ta’ Ġunju stqarr li t-Tarzna għandha potenzjal tant kbir li hemm għadd kbir ta’ investituri lesti jixtruha, u 

“ħadd mhu se jinvesti l-miljuni, mingħajr ma jkollu livell tal-qligħ li jista’ jieħu lura.”

Godfrey Baldacchino, fil-21 ta’ Ġunju sostna li 

“l-ġejjieni ta’ azjenda bħal ma hi l-Malta Shipyards m’għandux ikun wieħed imwiegħer. Domanda qawwija għas-servizzi tagħha aktarx li se jkun hemm, u għal ħafna snin.”

Il-ġurnalista Roger Mifsud, fit-23 ta’ Ġunju qabbel it-tnaqqis tal-ħaddiema mit-Tarzna ma’ abort li l-Gvern iddeċieda li jagħmel biex jeħles mill-piż soċjali li għandu dmir iġorr fl-interess tan-nazzjon. 

 

Huwa jikkritika lill-Gvern għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni ma’ min kien obbligat jikkonsulta f’Malta, qabel iddeċieda dwar it-Tarzna. 

 

Huwa jistaqsi jekk hemmx raġunijiet oħra għall-bejgħ tat-Tarzna, li m’humiex jingħadu.

 

Is-CNI tikkundanna d-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern bi ftehim ma‘ l-Unjoni Ewropea. 

 

Is-CNI mhix se tagħti l-kunsens tagħha, għax ma tridx tkun bojja ta’ l-interessi nazzjonali.

 

Eddy Privitera jistaqsi:

 

Kif tkun Ewropew?

 

F’Malta, bħal f’pajjiżi oħrajn ta’ l-UE, l-appostli ta’ l-UE imexxu l-propaganda li biex l-affarijiet isiru sewwa, “trid tkun Ewropew”. 

 

Qisu jekk tkun Ingliż, Franċiż, Taljan, Malti, eċċ, mhux biżżejjed, “trid tkun Ewropew”.

Din il-ħrafa mexxewha anki f’Malta biex jimpressjonaw lill-ħaddiema u lill-unjins tagħhom, li fl-UE l-affarijiet jibdew isiru sewwa u b’mod demokratiku, li l-ħaddiema jibdew jiġu nformati b’dak kollu li jkun għaddej fl-azjenda fejn jaħdmu. 

 

U dan bi dritt għax hekk jesiġu r-regolamenti ta’ l-UE.

Meta ġejna għar-realtà rajna kif dan ma jitwettaqx, bl-aqwa eżempju, il-bejgħ tat-Tarzna lill-barranin. 

 

U kellna każi oħrajn, bħal dawk tas-Sea Malta u tal-fabbriki li għalqu ħabta u sabta.

Imma ħafna ħaddiema emmnu l-propaganda ta’ l-appostli ta’ l-UE, u issa qegħdin jindunaw li ġew imqarrqin.

 

Kieku veru l-allat ta’ l-UE jemmnu fl-informazzjoni u l-konsultazzjoni man-nies li jkunu se jintlaqtu minn xi deċiżjoni li jkollha mpatt serju fuq l-għixien tagħhom, kieku dawn l-allat tal-Kummissjoni Ewropea jesiġu li l-gvernijiet għandhom jinformaw bis-sħiħ lill-poplu rigward it-trattati li jkunu se jkollhom effett kbir fuq is-sovranità tal-poplu. 

 

U wara li tingħata l-informazzjoni kollha, dawn il-popli għandhom jiġu kkonsultati permezz ta’ referendum.

Fil-fatt l-UE tagħmel minn kollox biex dan id-dritt ta’ informazzjoni u konsultazzjoni permezz ta’ referendum ma jingħata qatt lill-popli ta‘ l-UE. 

 

U meta dan jingħata, bħal fil-każ ta’ l-Irlanda, l-UE tkun lesta biss li taċċetta vot IVA għal dak li tkun trid tagħmel biex tkompli fit-triq tal-bini ta’ stat wieħed Ewropew. 

 

Għal dan il-għan l-UE tinsa li teżisti dik li tissejjaħ demokrazija. 

 

Allura aħna nistaqsu: hekk trid tagħmel biex tkun tista’ tissejjaħ “Ewropew”?

 

L-UE tagħmel il-mirakli?

 

Sa fejn naf jien il-mirakli jwettquhom nies ta‘ qdusija kbira, u permezz tal-mirakli l-Knisja Kattolika tiddikjarahom qaddisin wara snin twal. 

 

Illum, konvint li anki ċerti nies li m’għandhom ebda sinjal ta’ qdusija, anzi huma mogħmijin b’arroganza liema bħala, huma kapaċi wkoll li jwettqu l-mirakli.

Qiegħed nirreferi għall-Kummissarji Ewropej. 

 

Tiskanta xi kwalità ta’ mirakli kapaċi jwettqu fuq ċerti nies li normalment ikunu jqisu lil dawn il-Kummissarji aktar bħala xjaten milli qaddisin.

Aħna l-Maltin ixxurtjati għax dawn il-Kummissarji rnexxielhom iwettqu miraklu ma‘ xi wħud minn ħutna Maltin.

 

Naf wieħed li kemm qabel, kif ukoll wara li dħalna fl-UE, lill-UE kien jaraha bħalma l-barri jara drapp aħmar li jkollu l-matador f’idejh. 

 

F’daqqa waħda dan il-bniedem sar appostlu ta’ l-UE jippriedka d-doni sbieħ li bihom hija mżejna din l-istituzzjoni korrotta u antidemokratika li teżisti fl-Ewropa.

Jekk San Pawl ra d-dawl u kkonverta waqt li kien fi triqtu lejn Damasku, dan il-bniedem bilfors ikkonverta, hekk ħabta u sabta, waqt li kien fi triqtu lejn daru tard bil-lejl, nhar it-13 ta’ Ġunju.

 

Lesti jagħtu ‘free vote’?

 

Meta dak it-trattat ġdid li probabilment jieħu post it-Trattat ta' Lisbona għad, għal darb’ oħra, jitressaq għar-ratifika quddiem il-Parlament Malti, lesti ż-żewġ naħat tal-Kamra jagħtu lill-poplu Malti d-dritt li jgħid jaqbilx jew le ma’ dak it-trattat, permezz ta’ referendum?

Jekk m’għandhomx il-kuraġġ li verament ikunu “qrib in-nies”, kif spiss jippriedkaw almenu għandhom il-kuraġġ jagħtu ‘free vote’ lid-deputati parlamentari kollha? 

 

U dan il-‘free vote’ ikun wieħed sigriet ħalli tassew ikun ‘free vote’?

Aħna nemmnu li f’każ li jingħata dan il-‘free vote’ b’mod sigriet, ikun hemm numru sewwa ta’ deputati li jgħidu “le”, bħal ma jgħidu l-popli ta‘ l-Ewropa meta jingħataw iċ-ċans jesprimu r-rieda tagħhom.

 

Il-Ħamis, 3 ta’ Lulju, 2008

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

  << Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ