MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

L-iżvilupp ekonomiku ħazin ta’ l-UE

 

minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

Huwa fatt li ma jista' jiċħdu ħadd li l-Unjoni Ewropea għadha ma rnexxilhiex twassal lill-pajjiżi membri tagħha jagħmlu titjib u progress ekonomiku kullimkien l-istess.

Fl-Unjoni hemm pajjiżi li huma sinjuri u hemm pajjiżi li huma batuti ekonomikament minkejja li l-Unjoni għandha suq wieħed komuni għall-pajjiżi membri kollha.

Anki fl-istess pajjiż, insibu reġjuni li huma sinjuri u reġjuni li huma fqar ekonomikament, minkejja li s-suq tal-pajjiż huwa suq wieħed.

Il-konsegwenzi tat-tkabbir

Kull darba li l-UE ssieħeb pajjiż membru tagħha, iseħħ tibdil fil-qagħda finanzjarja ta' l-Unjoni.

Jekk il-pajjiż li se jissieħeb huma aktar sinjur mill-medja ta' l-unjoni, il-qagħda finanzjarja ta' l-Unjoni titjieb u l-pajjiż membru ġdid aktar jagħti lill-Unjoni milli l-Unjoni tagħti lilu.

Iżda meta l-pajjiż ġdid li se jissieħeb fl-Unjoni ikun ifqar finanzjarjament mill-medja ta' l-Unjoni, l-Unjoni żżid il-piż tagħha billi aktar tagħtih finanzjarjament, milli l-pajjiż membru ġdid jagħti huwa lill-Unjoni.

In-nuqqas ewlieni fit-tqassim tajjeb tar-riżorsi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea huwa tort tal-fatt li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex pjan wieħed komuni u globali għall-pajjiżi membri kollha tagħha.

Mingħajr pjanta waħda globali tal-pajjiżi membri kollha, l-iżvilupp ekonomiku ma jkunx uniformi u l-istess fil-pajjiżi membri kollha.

L-Unjoni tippretendi li n-nies imorru minn reġjun għall-iehor fejn isibu jaħdmu u mhux li x-xogħol jinħoloq fejn ikun hemm in-nies li jistgħu jaħdmu iżda li m'għandhomx xogħol x'jagħmlu.

Għall-Unjoni, il-fatt li l-ħaddiema għandhom dritt imorru minn pajjiż membru għal pajjiż membru ieħor biex jaħdmu, huwa biżżejjed biex jiżgura x-xogħol.

Iżda r-realtà tal-ħajja mhix kif l-Unjoni tippretendi li tkun.

Jekk ma tridx li l-ħaddiem li jmur f'pajjiż ieħor jaħdem ibati taqlib soċjali kbir, trid taħsiblu għal fejn jgħix barra fejn jaħdem, u fejn toqgħod il-familja tiegħu jekk ma tridx tifirdu minnha.

Iżda dan l-Unjoni għadha ma tridx tagħmlu, jew ma tistax tagħmlu.

Għalhekk insibu l-qgħad ħafna ogħla f'ċerti pajjiżi membri ta' l-Unjoni aktar minn dak f'pajjiżi oħra ta' l-Unjoni.

L-iżvilupp ekonomiku ta' l-Unjoni Ewropea ma jissodisfax lill-mexxejja ta' l-Unjoni.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Romano Prodi, wera li mhux kuntent bl-iżvilupp ekonomiku ta' l-Unjoni, meta stqarr dan l-aħħar, li jekk l-Unjoni tippretendi li tilħaq lill-Istati Uniti ta' l-Amerika fit-tellieqa ekonomika, l-Unjoni jeħtiġilha "tibdel radikament (mill-qiegħ) il-politika ekonomika tagħha".

Erba' snin ilu, l-Unjoni Ewropea fasslet strateġija kif l-Unjoni għandha tiżviluppa ekonomikament.

Din l-istrategija kienet magħrufa bħala l-istrateġija ta' Lisbona.

L-għan tal-pjan li tfassal f'Lisbona kien li fuq medda ta' għaxar snin l-Unjoni Ewropea tilħaq ekonomikament lill-Istati Uniti ta' l-Amerika.

Dan l-għan issa ma jistax jintlaħaq u l-pjan imfassal f'Lisbona falla.

L-iżvilupp ekonomiku ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika sebaq bil-bosta dak ta' l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea qiegħda tara li ma tistax tikkompeti ma' l-Istati Uniti f'ħafna oqsma.

Prodi jsostni li l-mexxejja tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea insew l-istrategija u l-pjan ta' Lisbona u fil-pajjiżi tagħhom wettqu politika ekonomika kif huma fehmu kien jaqbel għalihom, u mhux politika komuni kif teħtieġ l-Unjoni.

Ir-riċetta ta’ Prodi

Skond il-President tal-Kummissjoni Ewropea wasal iż-żmien li kulħadd għandu jagħmel sagrifiċċji ħalli t-tellieqa ekonomika ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika tintrebah kif kien tfassal f'Lisbona.

Għalhekk, wara l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, għall-aħħar ta' Ġunju, għandha ssir laqgħa tal-kapijiet tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni biex tintwera lilhom l-istampa kerha tal-qagħda ekonomika ta' kull pajjiż membru, u biex jinstabu l-mezzi kif titjieb il-qagħda.

Malta, bħala pajjiż membru ta' l-Unjoni, se tieħu sehem f'din il-laqgħa għall-aħħar ta' Ġunju.

U l-problemi tal-qagħda ekonomika ta' Malta se jitperrċu f'din il-laqgħa.

Fosthom, hemm id-dejn nazzjonali li jikber minn sena għall-oħra, għax kull sena nagħmlu telf.

Mis-sena 1987 ’l hawn, kull sena d-dħul tal-Gvern kien anqas mill-ħruġ u spiccajna b'defiċit.

U wasalna biex tellajna dejn li jlaħħaq madwar elfejn miljun lira.

Fil-laqgħa ta' l-aħħar ta' Ġunju, il-Gvern Malti se jkun imwissi li jrid isib mezzi kif jagħmel tajjeb għad-dejn ta' l-imgħoddi.

U fl-istess ħin il-Gvern irid ukoll jintrabat li l-budgets li jagħmel ikunu realistiċi u mhux fil-bidu tas-sena jbassar li s-sena se tispiċċa b'mod u fl-aħħar tas-sena nsibu li s-sena spiċċajniha ħafna agħar milli konna bassarna.

Skond ir-riċetta ta' l-Unjoni Ewropea, biex l-ekonomija ta' Malta u l-ekonomija ta' l-Unjoni jmorru tajjeb, trid bilfors titnaqqar il-welfare state.

Ir-riċetta ta' l-Unjoni Ewropea fiha aktar minn hekk.

Minflok is-servizzi essenzjali jingħataw mill-gvern, dawn jingħataw minn ditti privati li jaħdmu fuq linji kummerċjali bil-għan li jagħmlu profitt.

Il-privatizzazzjoni hija l-vanġelu ta' l-Unjoni Ewropea.

U bil-privatizzazzjoni, l-Unjoni tifhem li l-barranin ikollhom l-opportunità jieħdu f'idejhom is-servizzi li qabel kienu f'idejn in-nies tal-pajjiż, għax għall-Unjoni Ewropea, il-barranin ta' pajjiċ membru ta' l-Unjoni m'humiex aktar barranin f'ebda wieħed mill-pajjiżi l-oħra membri ta' l-Unjoni.

Ir-ristrutturar

Il-kelma maġika ta' l-Unjoni Ewropea hija ristrutturar.

Kull taqliba li l-Unjoni trid, l-Unjoni tgħid li jeħtieġ li jsir ristrutturar ħalli nsiru aktar effiċjenti u nissodisfaw il-ħtiġijiet ġodda tal-kompetizzjoni globalizzata.

Il-globalizzazzjoni hija l-iskuża li l-Unjoni Ewropea ġġib għat-tibdil kollu li trid li jsir fl-industrija tal-manifattura u fl-industrija ta' l-għoti tas-servizzi.

U skond l-Unjoni Ewropea, l-istrutturar u l-globalizzazzjoni jeħtieġu li s-suq jitħalla jirregola t-tibdil kollu li għandu jsir.

In-nies iridu joqogħdu għar-regoli tas-suq u mhux is-suq jitmexxa skond il-htiġijiet tan-nies.

Ir-regoli tas-suq huma mibnija fuq l-għan tal-profitt u allura l-profitt jiddetta x'tibdil isir mingħajr ma jingħata każ ta' l-effetti u l-konsegwenzi soċjali li t-tibdil iġib fuq in-nies.

Minkejja li għall-Unjoni Ewropea, il-profitt huwa l-alla tagħha, hija tippriedka li l-bniedem huwa ċ-ċentru ta' l-attività tagħha.

Iżda r-realtà hija bil-maqlub.

L-għan tar-ristrutturar huwa l-profitt u l-vittma tar-ristrutturar huwa l-bniedem.

Biex isir ir-ristrutturar meħtieġ mingħajr ma jbatu n-nies, wieħed irid jaħseb x'se jiġri min-nies li se jintlaqtu mir-ristrutturar.

L-Unjoni Ewropea ma taħsibx f'dan.

Tinsisti li jsir ir-ristrutturar, iżda ma tinsistix li qabel jitfasslu pjani biex jieħdu ħsieb in-nies milquta mir-ristrutturar.

Il-Ħamis, 3 ta’ Ġunju, 2004.

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

  Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ