MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
L-Air Malta
ntlaqtet ħażin bis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Skond il-politika u d-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Skond il-politika u d-direttivi ta’ l-Unjoni, negozji u xogħol li l-Air Malta kellha u li minnhom kienet taqla’ l-flus, ma baqgħux f’idejn l-Air Malta, u b’hekk din tilfet id-dħul li kellha minnhom.
Kumpanija sussidjarja ta’ l-Air Malta, l-Air Supplies, li fost in-negozju li
kellha kienet tmexxi l-ħwienet tad-Duty Free ta’ l-ajruport, ittieħdet
mingħand l-Air Malta biex għaddiet għand il-privat.
Il-qligħ
li kienet tagħmel intilef għall-Air Malta u issa qegħdin imorru għand
il-privat.

Kumpaniji sussidjarji ta’ l-Air Malta kellhom il-Ħal Ferħ Tourist
Village ta’ Għajn Tuffieħa, is-Selmun Palace Hotel u l-Holiday Inn
ta’ Tignè.
Il-Gvern iddeċieda li l-lukandi m’humiex parti min-negozju ta’ kumpanija ta’ l-ajru, u għalhekk l-Air Malta kellha tgħaddihom lill-privat.
Barra minn Malta ħafna kumpaniji nazzjonali ta’ l-ajru għandhom, jew imexxu, lukandi.
Iżda
dan ma jgħoddx għall-Air Malta.
Xogħol fl-ajruport li kien isir mill-impjegati ta’ l-Air Malta, bħalma
huwa x-xogħol tat-tagħbija u l-ħatt tal-valiġġi,
it-tindif ta’ l-ajruplani bejn titjira u oħra, u xogħol ieħor
li kien jirrendi ħafna lill-Air Malta, ittieħed mingħand l-Air
Malta u ngħata lill-privat lokali jew barrani.
Dan naqqas id-dħul ta’ kull sena ta’ l-Air Malta.
Iżda
l-Unjoni Ewropea hekk trid, u l-Gvern hekk għamel.
It-terminal ta’ l-ajruport jagħmel il-flus.
Ġie separat mill-Air Malta taħt kumpanija parastatali.
Iżda minħabba d-direttivi u l-politika ta’ l-UE, il-kumpanija ta’ l-Airport Terminal spiċċat ukoll għand il-privat b’maġġoranza barranija.
L-Air Malta
jkollha tħallas il-‘landing charges’ ta’ l-ajruplani lill-kumpanija
ta’ l-Air Terminal, u l-parti l-kbira tal-qligħ ta’ din imorru barra
minn Malta.
Wasalna
fis-sitwazzjoni assurda li l-Gvern jissussidja l-‘low cost airlines’ billi jħallashom
parti mil-‘landing charges’ li l-kumpanija privata ta’ l-Air Terminal toħdilhom
meta jużaw l-ajruport li kien tal-poplu Malti, iżda issa qed jitmexxa
mill-barranin.
Qabel isseħibna fl-UE, il-Gvern Malti kien jillimita t-titjiriet lejn Malta
tal-linji ta’ l-ajru barranin, minn ajruporti fejn tmur ukoll l-Air Malta.
B’hekk l-Air Malta kienet tiżgura sehem akbar tat-traffiku minn dawk l-ajruporti.
Wara s-sħubija,
il-limitazzjoni fuq in-numru ta’ titjiriet mil-linji ta’ l-ajru tal-pajjiżi
ta’ l-Unjoni, tneħħiet.
B’hekk l-Air Malta naqqset il-persentaġġ ta’ passiġġieri li ġġorr mill-ajruporti tal-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.
Dawn il-fatturi ġabu l-Air Malta fil-qagħda ħażina li tinsab
tliet snin wara li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni.
Minħabba f’hekk għadd ta’ piloti Maltin telqu mill-Air Malta.
It-tluq tagħhom huwa wkoll telf għal pajjiżna.
Simon
Busuttil u l-ħrejjef ta’ l-UE
Fil-25
ta’ April, Dr Simon Busuttil, il-kap tal-MIC qabel ir-referendum, kiteb
artiklu – din id-darba partiġġjana għall-aħħar –
f’The Times.
Din id-darba ma qagħadx jistaħba wara d-duħħan tal-MIC, u libes il-libsa kulur blu, kif wara kollox dejjem kien.
Fl-artiklu tiegħu “The Road to Damascus”, ipprova jirredikola lill-Oppożizzjoni
Laburista għax qal għamlet ‘u-turn’ billi bidlet l-pożizzjoni
tagħha dwar l-UE.
Il-Partit
Laburista kien sostna li kien marbut li “jirrispetta d-deċiżjoni
tal-poplu favur is-sħubija fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ l-2003”.
Aħna dejjem sostnejna li d-deċiżjoni tar-referendum u ta’
l-Elezzjoni Ġenerali ma kinitx deċiżjoni demokratika xejn, għax
ir-riżultat inkiseb bil-qerq.
Kemm kellna
raġun ngħidu dan, illum jixhduh l-eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin
li sabu storja ferm differenti minn dik li kienu bellgħulhom qabel
ir-referendum u l-Elezzjoni Ġenerali.
Lil Dr Busuttil nistednuh jistaqsi
* lill-kaċċaturi u n-nassaba,
* lir-raħħala,
* lil dawk li jrabbu t-tiġieġ,
* lil tal-majjali,
* lill-bdiewa,
* lill-eluf kbar ta’ koppji żgħażagħ
li bilfors ikollhom
jissallbu għal għomorhom biex ikollhom erba’ gabubiet fejn joqogħdu,
eċċ, eċċ.
Dr Simon Busuttil qagħad isemmi dak li hu sejjah bħala “ħrejjef”
dwar l-UE li kien jgħid il-Partit Laburista.
Kien qed jirreferi wkoll għal dak li konna ngħidu aħna dwar x’jista’ jiġri jekk nissieħbu fl-UE.
Il-ħelwa hi li dan hu l-istess Simon Busuttil li tgħidx kemm kien ħeġġeġ lill-Partit Laburista biex jibdel il-politika tiegħu dwar l-UE.
U wara li d-delegati tal-Partit kienu vvotaw biex il-Partit jaċċetta d-deċiżjoni tal-poplu favur is-sħubija, tgħidx kemm kien faħħar lill-Partit Laburista.

Però llum, li l-Elezzjoni Ġenerali qiegħda toqrob sewwa, beda jmaqdar – flimkien mal-forċini kollha li l-PN għandu fil-ġurnali bl-Ingliż – lill-Partit Laburista għax, skond hu, għamel dak li tant ħeġġuh jagħmel Dr Simon Busuttil u l-bella kumpanija.
Jiġifieri
jibdel il-pożizzjoni u l-Partit jaċċetta s-sħubija fl-UE.
Lil Dr Busuttil infakkruh x’kien jgħid hu u l-partit tiegħu.
U nistednuh
jgħidilna dawk kinux hrejjef jew le.
• “Lm100 miljun fis-sena mill-UE”.
Meta naqtgħu
li qegħdin inħallsu u li nitilfu bis-sħubija, u li nonfqu fuq
l-istrutturi li ġegħelitna nwaqqfu l-UE, insibu li diġà qegħdin
minn taħt finanzjarjament.
• “Mhux veru li se niġu invaduti minn ħaddiema mill-Ewropa”.
Fil-Malta Shipyard biss madwar 800 ħaddiem Bulgaru ħadu x-xogħol tal-ħaddiema Maltin.
U kull fejn
tmur tara ħaddiema barranin, li
2,700
minnhom, ġejjin mill-Unjoni Ewropea, skond risposta parlamentari tal-Gvern.
• “Il-kaċċa fir-rebbiegħa” u l-insib
se jibqgħu l-istess anke wara s-sħubija.”
Staqsi
lill-kaċċaturi u n-nassaba x’jaħsbu llum!
• “Fit-Trattat tas-sħubija hemm il-klawsola ta’
salvagwardja li tintuża f’każ ta’ bżonn biex il-bdiewa jitħarsu
minn importazzjoni li tkun qiegħda tgħakkishom.”
Staqsihom
lil dawn ukoll, għażiż Dr Busuttil.
• “L-UE ma tindaħalx f’materji ta’ tassazzjoni.”
Biex imbagħad ġiegħlet lill-Gvern idaħħal l-Eco Tax u t-taxxa fuq kull prodott ta’ l-enerġija, il-VAT fuq 400 prodott u servizz li qabel ma konniex inħallsu l-VAT fuqhom.

Isa, agħmel
kuraġġ, erġa’ għid dan il-kliem quddiem iż-żgħażagħ!
Bħalma tlabna lil Dr Joanna Drake, nitolbu wkoll lil Dr Simon Busuttil biex
jikkonferma jew jiċħad dak li ktibna f’dan il-ġurnal u semmejna
fuq Smash TV, li l-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma kien biss reċta għax
iffirmaw biss
“gozz paġni vojta”,
kif intqal fil-programm tal-BBC Radio 4, nhar l-24 ta’ Marzu, 2007, minn
Pierre Pescatore, avukat mil-Lussemburgu, li kien wieħed mill-ftit avukati
li taw forma legali lit-Trattat tal-paġni vojta!
Isa Simon!
Nibqgħu
naħdmu għall-ħelsien mill-UE
L-oppożizzjoni tas-CNI għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea twieldet meta l-Gvern Malti, wara l-Elezzjonijiet Ġenerali ta’ l-1998, beda jinnegozja ma’ l-Unjoni biex pajjiżna jissieħeb fiha.
Wara r-referendum u l-Elezzjoni Ġenerali ta’ l-2003, is-CNI baqgħet tisħaq kontra s-sħubija fl-Unjoni, u fid-29 ta’ Marzu, 2004, ħarġet dikjarazzjoni solenni biex tiċħad kategorikament it-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Malta ssieħbet fl-Unjoni tliet snin ilu fl-1 ta’ Mejju, 2004, u matul it-tliet snin li għaddew, is-CNI baqgħet dejjem iżżid fl-Oppożizzjoni tagħha għas-sħubija fl-Unjoni.
Fit-tielet anniversarju tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea,
is-CNI
ikkonfermat dak kollu li qalet id-dikarazzjoni tagħha tad-29 ta’ Marzu,
2004, u stqarret li l-effetti ħżiena tas-sħubija li seħħew
matul l-aħħar tliet snin, saħħewha fil-fehma li l-poplu tagħna
ma jaqbillux ikun imxekkel bil-madmad ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-ħsara
f’pajjiżna tas-sħubija fl-Ujoni saħħet ir-rieda tas-CNI
biex iżżid il-ħidma tagħha ħalli l-poplu Malti jerġa’
jikseb mill-aktar fis il-ħelsien u l-indipendenza mill-Unjoni Ewropea.
Illum xieraq li nerġgħu nikkonfermaw dak kollu li stqarrejna
fid-dikjarazzjoni solenni ta’ tliet snin ilu, meta għedna:
• Fir-referendum ta’ l-2003, 53 minn kull mitt Malti u Għawdxi ma
vvotawx favur is-sħubija fl-Unjoni.
• Il-kunsens tal-Maltin u l-Għawdxin kien ivvizjat b’qerq, gideb,
b’wegħdiet foloz li jammontaw għal frodi, vjolenza morali u theddid.
• L-Unjoni Ewropea, bi ksur tal-liġi, ħadet sehem kbir u ħarġet
ammonti kbar ta’ flus għal propaganda biex tinfluwenza l-poplu.
• Fuq ir-radju u t-televizjoni ta’ l-Istat, ma nżammx il-bilanċ li
trid il-liġi bejn min kien favur u min kien kontra s-sħubija.
• Għalhekk il-kunsens tal-poplu Malti għat-Trattat tas-Sħubija kien ivvizzjat u nkiseb b’mezzi li ma kinux xierqa, validi, demokratiċi u popolari.
• Minħabba n-nuqqas tal-kunsens xieraq tal-poplu, il-Gvern ma kellux
mandat jorbot lill-poplu bit-Trattat tas-Sħubija fl-Unjoni.
• It-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni jikser il-Kostituzzjoni
ta’ Malta u għandu jitqies null u bla effett.
Fid-dikjarazzjoni tas-29 ta’ Marzu ta’ tliet snin ilu, is-CNI
għedna:
• Li l-poplu Malti għandu dritt jaħdem biex jitħassar
it-Trattat tas-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni.
• Li l-poplu Malti għandu dritt li jikseb lura l-ħelsien sħiħ,
l-indipendenza u s-sovranità nazzjonali.
• Li l-poplu Malti għandu dritt li jerġa’ jħaddan politika
ta’ newtralità attiva u ta’ koperazzjoni paċifika mal-popli kollha li
bħalu jemmnu u jħaddmu l-istess politika.
• U s-CNI
mhux se tieqaf milli tissara biex tħeġġeġ lill-poplu ħalli
jaħdem biex dawn l-għanijiet nazzjonali qaddisa jintlahħqu.
Qegħdin nerġgħu nirriproduċu l-kitba ta’ Eddy Privitera
“B’dedika lill-Unjoni Ewropea li ħbiet sigriet għal 50 sena”,
fil-forma li suppost kellha tiġi ppubblikata – forma ta’ taqbila. Niskużaw
ruħna ma’ Eddy!
Taqbila
Min qatt
kien jobsor li dak li ffirmaw
Tat-Trattat
ta’ Ruma li kien sar,
Kien l-aqwa
reċta li qatt saret f’Ruma,
U li kienet biss reċta baqa’ ħadd ma nduna!
50 sena ilu,
wara ħafna xogħol iebes,
Iffirmaw
dokument bla ma ndunaw x’kien hemm nieqes!
Id-dokument
li ffirmaw il-mexxejja Ewropej,
Kien biss
gozz paġni vojta, li ma jiswew xejn!
Mur għidilhom
lill-ġurnalisti u l-ħafna mistednin,
Li l-farsa
li saret se tibqa’ moħbija s-snin!
U kellu jkun
eżatt fil-50 anniversarju,
Li fuq dak
l-ingann niżel is-siparju!
Fid-9 ta’ Mejju – Jum l-Ewropa – nixtieq nipproponi,
Biex
il-Maltin u l-Għawdxin jitgħallmu lezzjoni.
Dak in-nhar fil-Belt, Dr Joanna Drake,
Taqsam
qassata kbira, flok li taqsam cake!
EDDIE
PRIVITERA
Il-Ħamis, 3 ta' Mejju, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ