MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek
L-UE żżebblaħ lil Malta
L-Unjoni
Ewropea qiegħda tittratta ħażin lill-Prim Ministru u l-Ministri
Maltin fil-laqgħat li jkollhom tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill
tal-Ministri.
Hija
qiegħda ċċaħħadhom minn dokumenti u informazzjoni li joħorġu
min-NATO,
anke meta jirrigwardaw deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea u ma tħallihomx
jieħdu parti fil-laqgħat fejn jiġu diskussi dawk id-dokumenti u
informazzjoni.
Dan it-trattament ħażin mogħti lill-Prim Ministru u l-Ministri
Maltin inkixef fl-istqarrija li l-Gvern ħareġ fl-20 ta’ Marzu, dwar
il-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-alleanza militari
Partnership
for Peace (PfP) tan-NATO.
Il-Gvern, minflok żamm sod u ġiegħlha lill-Unjoni Ewropea timxi
miegħu kif jixraq lil pajjiżna, ċeda għall-pressjoni u aċċetta
li jsieħeb lil Malta fil-Partnership
for Peace tan-NATO,
kif rieduh jagħmel l-Unjoni
u l-Istati
Uniti ta’ l-Amerika.
Lil
dawn għoġobhom, iżda lill-poplu Malti ttradih għax
m’onorax il-ġurament li ħa li jħares u jkun leali għall-Kostituzzjoni
tagħna.
Huma l-Frozi Armati ta’ Malta (FAM) li se jieħdu sehem fl-attivitajiet
tal-Partnership for Peace, mhux il-membri tal-Protezzjoni Ċivili ta’
Malta.
Għax
il-Partnership for Peace hija organizzazzjoni militari u l-attivitajiet tagħha
huma operazzjonijiet militari.
Hija
wkoll alleanza ta’ pajjiżi li jagħmlu ftehim man-NATO
u hi din ta’ l-aħħar li tikkontrolla u tmexxi l-alleanza.
Indipendentament
mix-xorta ta’ l-attivitajiet li s-suldati Malti se jieħdu sehem fihom,
il-fatt stess li pajjiżna huwa msieħeb fil-Partnership
for Peace tan-NATO
jammonta għal parteċipazzjoni f’alleanza militari,
kontra dak
li hemm espressament ipprojbit fil-Kostituzzjoni Maltija.
L-Unjoni Ewropea taħti għall-ksur tal-Kostituzzjoni Maltija mill-Gvern,
għax qiegħda tostakola li pajjiżna jipparteċipa bla xkiel,
bis-sħiħ u bla kundizzjoni fl-organi ta’ l-Unjoni jekk ma jiħux
sehem fil-Partnership
for Peace, skond ma l-Gvern stqarr fl-20
ta’ Marzu.
L-UE mhix lesta tgħaddi lill-Gvern dokumenti u informazzjoni kunfidenzjali
li jiġu għandha min-NATO,
jekk Malta ma tipparteċipax fil-Partnership
for Peace.
Bħallikieku,
Malta tista’ tiġi f’data biss jekk tkun fil-Partnership
for Peace, skond l-Unjoni.
Dan l-atteġġjament
ta’ l-Unjoni Ewropea huwa insult lil pajjiżna
u jagħmel għajb lill-Unjoni u l-Gvern waqqa’ l-ġieħ ta’
pajjiżna meta qagħad għal dan it-trattament li jżebblaħ
l-integrità u s-serjetà ta’ pajjiżna.
Għax
meta l-maġġoranza vvotat favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea,
riedet tifhem sħubija sħiħa, mhux nofs sħubija għax ma
konniex fil-Partnership
for Peace.
L-Unjoni Ewropea m’għamlithiex kundizzjoni ta’ sħubija sħiħa,
li nkunu fil-Partnership
for Peace, li wkoll qatt ma ssemma
x’imkien fil-kampanja tar-Referendum.
Iż-żgħażagħ
kontra l-UE
FAKKARNA, mhux iċċelebrajna Jum il-Ħelsien, il-31 ta’ Marzu, 1979, għax il-Ħelsien tlifnieh meta sseħibna fl-Unjoni Ewropea.
Nerġgħu
niċċelebrawh, meta noħorġu minn taħt il-madmad ta’ l-UE.
Qabel ma Malta kisbet l-awtonomija sħiħa minn taħt il-ħakma
Ingliża, ħafna oqsma importanti kienu meqjusin “reserved matters”
taħt il-kontroll ta’ Londra u l-Gvern Malti ma kellux setgħa fuqhom.
Wara
li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, ħafna oqsma importanti għaddew
minn taħt il-kontroll tal-Gvern Malti għal għand l-Unjoni.
Pajjiżna reġa’ waqa’ lura għall-qagħda ta’ ħafna
“reserved matters” li l-Gvern Malti m’għandux setgħa fuqhom għax
huma taħt il-kontroll ta’ Brussels.
F’dawn
l-oqsma kollha Malta tilfet is-sovranità, li għaddiet għand l-Unjoni
Ewropea.
Dan ifisser li l-poplu Malti m’għandux rajh f’idejh fl-oqsma kollha li
l-ftehim tas-sħubija fl-UE ċedihom lill-Unjoni.
Fihom, il-poplu Malti ma jikkmandax, iżda huwa
kkmandat mill-UE.
Għalhekk il-poplu Malti m’għadux ħieles għax f’dawn l-oqsma
kollha huwa dipendenti mill-barranin ta’ l-Unjoni.
L-indipendenza ta’ pajjiż jew hija sħiħa, jew il-pajjiż
mhu indipendenti xejn. Il-ħelsien għal pajjiż jew ikun sħiħ,
jew il-pajjiż ma jkunx ħieles xejn.
Għalhekk pajjiżna tilef l-Indipendenza u l-Ħelsien
tiegħu, għax f’ħafna oqsma hija l-Unjoni li tikkmandana, mhux
il-Gvern Malti.
Huwa għajb kbir li fostna għandna min huwa kuntent u ferħan li aħna
mmexxijin mill-UE u mhux mill-Gvern Malti.
U l-għajb huwa akbar ta’ dawk il-politiċi
li dejjem lesti li jagħmlu dak li l-Unjoni tgħidilhom jagħmlu,
minkejja li dan ma jkunx fl-aħjar interessi tal-poplu tagħna.
M’għandhomx il-fibra morali li jieqfulha lill-Unjoni u jgħidulha li
mhux se jobduha fejn l-interessi ta’ l-Unjoni ma jkunux ukoll jaqblu ma’
dawk tal-poplu Malti.
Hu preċiżament dan l-agħar tal-ftehim tas-sħubija fl-Unjoni
li għamilna ħames snin ilu.
Li ċedejna lill-Unjoni s-sovranità u l-Indipendenza u l-Ħelsien ta’ pajjiżna għall-wegħdiet tal-fondi li l-Unjoni tagħtina.
Partatna l-libertà tal-poplu mal-fondi ta’ l-Unjoni, meta l-libertà m’għandhiex prezz.
Għax aħjar ma jkollokx ġid, iżda
tkun ħieles, milli jkollok il-ġid, iżda tkun maħkum.
L-akbar
ħsara s-sħubija fl-Unjoni Ewropea għamlitha liż-żgħażagħ
Dgħajfitilhom il-valuri u mewtitilhom il-ħeġġa nobbli li jaħdmu
għal art twelidhom u biex iservu lil ġenshom, u minflok għamlithom
egoisti u jimportahom biss mit-tgawdija personali.
Ma jħossu xejn li huma ċittadini Maltin, basta kburin li huma Ewropej.
Ma
jirrealizzawx li l-aqwa forza kontra l-UE u l-politika tagħha, huma ż-żgħażagħ
tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni, li spiss jirribellaw kontra l-inġustizzji
soċjali li jifnu lill-popli ta’ l-Unjoni.
Ir-rieda
tal-popli mkasbra
ĦAMES snin ilu, fit-8 ta’ Marzu, 2003, maġġoranza żgħira qalet IVA għall-ftehim tas-sħubija fl-Unjon Ewropea nnegozjat mill-Gvern ta’ Malta.
Dak in-nhar il-maġġoranza approvat is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni kif kienet bir-regoli magħmulin bid-diversi trattati li l-Unjoni għamlet matul is-46 sena minn mindu twaqqfet fl-1957.
Jekk
il-maġġoranza kinitx taqbel mas-sħubija kieku r-regoli ta’ l-Unjoni
kienu differenti minn dawk li kienu fl-2003, ma jistax jingħad.
Iżda issa bit-Trattat ta’ Lisbona r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea qegħdin
jinbidlu.
M’għandniex
dritt ngħidu li l-maġġoranza xorta waħda kienet tapprova li
pajjiżna jissieħeb fl-UE magħmula skond ir-regoli l-ġodda
tat-Trattat ta’ Lisbona.
M’għandniex dritt nassumu dan, aktar u aktar meta ħadd ma fisser
sewwa x’inhuma r-regoli l-ġodda magħmulin bit-Trattat ta’ Lisbona.
Għamlu abbuż kbir ir-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament li
assumew li għandhom mandat mill-poplu biex japprovaw ir-regoli l-ġodda
ta’ l-UE magħmulin bit-Trattat ta’ Lisbona, mingħajr ma kienu qatt
qabel tkellmu mal-poplu dwar ir-regoli l-ġodda ta’ l-Unjoni u mingħajr
ma vverifikaw jekk il-maġġoranza kinitx trid li tkompli bil-ftehim
tas-sħubija f’unjoni li qiegħda tibdel ir-regoli tagħha.
M’hemmx dubju li fiċ-ċirkostanzi l-ġodda maħluqin bit-tibdil
tar-regoli ta’ l-Unjoni, kien doveruż f’pajjiż demokratiku li l-poplu
jiġi mistoqsi jekk japprovax li jibqa’ msieħeb fl-UE bir-regoli l-ġodda
mibdulin bit-Trattat ta’ Lisbona.
Hekk
jitlob ir-rispett li jixraq lir-rieda tal-poplu minn min jipprattika d-demokrazija,
mhux jiftaħar dwarha, iżda b’għemilu jkasbarha.
Kien imissha l-UE stess, kieku kienet istituzzjoni demokratika, li tinsisti mal-pajjiżi
membri tagħha li jfittxu jistabbilixxu l-fehma tal-popli dwar ir-regoli l-ġodda
ta’ l-Unjoni mdaħħlin bit-Trattat ta’ Lisbona.
Minflok
imxiet kif titlob id-demokrazija, l-Unjoni Ewropea nsistiet bil-maqlub li l-pajjiżi
membri jaħarbu milli jagħmlu referenda, għax beżgħet li
l-poplu f’ħafna mill-pajjiżi membri, ma jaqblux mar-regoli l-ġodda
tat-Trattat ta’ Lisbona.
Dan
l-aġir ta’ l-UE ċarratilha l-maskra ta’ l-ipokresija u kixifha
kemm mhi demokratika xejn u kemm ma tirrispettax ir-rieda tal-poplu fejn din ma
tkunx taqbel mar-rieda tagħha.
B’hekk id-“democratic deficit” fl-Unjoni kiber u l-appoġġ
popolari għaliha naqas… u naqas sew.
Il-ftaħir
kollu u l-propaganda kbira ta’ dawk kollha li rikbu l-‘gravy train’ ta’
l-UE billi ħasbu fl-interessi personali tagħhom, mhux se jwaqqfu l-oppożizzjoni
popolari għall-UE milli tkompli dejjem tinfirex.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jidher ċar li l-UE hija biss
ħlejqa artifiċjali tal-politiċi, mhux wild naturali tal-popli ta’
l-Ewropa.
Nifirħu
Nifirħu liż-zgħażagħ tal-Graffiti li ħarġu jipprotestaw kontra l-Partnership for Peace (PfP) u lil Żmienijietna li kkundannat il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’din l-alleanza tan-NATO.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ħamis, 3 ta’ April, 2008
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ