MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA
L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000
€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
minn Karmenu Mifsud Bonnici KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI CNI
Malta u l-ġlied fil-Libja
Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.
Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu
Biex twaqqaf ġlieda, tipprova tferraq mhux tgħin lil naħa tbatti lill-oħra.
Fil-gwerra
ċivili li hemm fil-Libja, min ma jridx li jinxtered aktar demm, jagħmel li jista’
biex l-ewwel iwaqqaf it-tqabid bejn il-forzi tar-ribelli u l-forzi governattivi.
Iżda
l-UE, mhix ħerqana li ma jkunx hemm aktar qtil bejn il-Libjani, imma hi ħerqana
li l-oppożizzjoni tirbaħ.
U Malta, għax hi marbuta mal-Unjoni Ewropea, qiegħda tinjora li l-Kostituzzjoni Maltija tobbligana li taħdem attivament għall-paċi ma ħadet l-ebda inizjattiva biex tipprova twaqqaf il-ġlied fil-Libja u biex ma jinxteridx demm aktar.
Minflok, ikkundannat il-mezzi vjolenti li bihom il-forzi governattivi qegħdin jikkumbattu l-mezzi vjolenti tar-ribelli, bħallikieku, min ikun attakkat, mhux bilfors jkollu jiddefendi lilu nnifsu.
L-istess qegħdin jagħmlu l-Ġnus Magħquda, li qegħdin jimxu kif iridhom l-Istati
Uniti tal-Amerika.
Qatgħu li jimponu sanzjonijiet fuq il-Gvern Libjan, bħallikieku mhux il-poplu Libjan se jkun milqut ħażin bihom.
Is-sanzjonijiet mhux se jwaqqfu l-vjolenza, il-ġlied u l-imwiet.
Iżda
l-Gvern Malti b’għaġġla kbira daħħalhom fis-seħħ mil-lum għal għada, mingħajr ma
qagħad jara jekk is-sanzjonijiet hux se jagħmlu aktar ħsara milli ġid lill-poplu
Libjan.
Il-Gvern Malti nesa l-ħsara li s-sanzjonijiet kontra l-Libja kienu għamlu fis-snin 90.
L-UE u l-Ġnus Magħquda kkundannaw l-użu tal-vjolenza kontra dawk li jipprotestaw
paċifikament, iżda naqsu li jikkundannaw l-użu tal-vjolenza minn dawk li
jipprotestaw, ikissru u jaħarqu postijiet pubbliċi, jisirqu minnhom, u joqtlu l-għassiesa
u l-forzi tas-sigurtà li jipprovaw ma jħalluhomx ikissru, jaħarqu u jisirqu.
L-UE u l-Ġnus Magħquda jagħrfu lill-Gvern Libjan, u jafu li bħal kull Gvern ta’
kull pajjiż jagħmel minn kollox biex ma jitħarrbatx minn elementi ribelli
fil-pajjiż u minn barranin ostili għalih.
L-UE u l-Ġnus Magħquda kixfu jdejhom billi għamluha ċara li huma kontra l-Gvern Libjan, u qegħdin jappoġġjaw lill-forzi ribelli, mingħajr dawn m’huma jagħtu ebda garanzija li se jħarsu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u lanqas li se jġibu fis-seħħ id-demokrazija fil-pajjiż.

L-Istati Uniti tal-Amerika huma aktar sfaċċati
mill-UE, u taw għarfien uffiċjali lill-Kunsill tal-Liberazzjoni mwaqqaf
mir-ribelli f’Benghazi, waqt li pajjiżi tal-UE qegħdin jagħtuhom għajnuna li
jsejħulha umanitarja għax tinkludi mediċini servizzi tas-saħħa u ikel.
X’uħud
mill-pajjiżi tal-UE bħall-Ingilterra jidhru li se jingħaqdu mal-Istati Uniti
tal-Amerika biex jattakkaw militarment lill-forzi governattivi Libjani,
bl-iskuża li jridu jevitaw ġenoċidju.
Bħallikieku l-attakk militari tagħhom mhux se jikkaġuna mwiet ta’ Libjani, bħalma jseħħ minħabba l-offensivi li r-ribelli jagħmlu, kif ukoll minħabba d-difiża li l-forzi governattivi jagħmlu.
Jekk wieħed verament irid jevita ġenoċidju għandu jitħabat
biex jieqaf il-ġlied, u wara, li jsiru negozjati bejn iż-żewġ naħat, mingħajr
indħil tal-barranin.
Hu ta’ għaġeb li l-Gvern Malti jidher li wera li sejjer ukoll jappoġġja attakk
militari fil-Libja.
Hi
ta’ stmerrija li l-Prim Ministru jappella biex il-poplu Malti japprova li
pajjiża jagħti s-sehem tiegħu fit-twettieq tal-attakk militari.
Bla tlaqlieq għandu jingħad li l-Prim Ministru se jikser il-kostituzzjoni ta’ Malta meta jagħti l-awtorizzazzjoni biex pajjiżna jintuża bħala bażi militari mill-forzi barranin li se jattakkaw militarment lill-forzi governattivi Libjani.
Malta m’għandhiex tħammeġ id-dehra tagħha ta’ pajjiż li jaħdem attivament
għall-paċi billi tingħaqad mal-pajjiżi tal-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika li,
l-ewwel biegħu kemm setgħu armi u armamenti lil-Libja, u issa jattakkawha.
Jekk għall-Prim Ministru din mhix ipokrezija, għall-maġġoranza tal-Maltin hi.
Kif jistgħu l-pajjiżi tal-UE, fosthom l-Ingilterra
u l-Istati Uniti tal-Amerika jikkundannaw l-użu tal-armi mill-forzi governattivi
Libajni, meta huma m’għamlu xejn biex iwaqqfu lill-forzi governattivi Iżraeliti
milli jbiċċru mijiet ta’ Palestinjani f’Gaża u f’inħawi oħrajn tal-Palestina?
Mhux l-Istati Uniti tagħti regolarment biljuni ta’ dollari u armamenti lil
Iżrael minkejja l-atroċitajiet u l-vjolenza li dawn jikkommettu kontra l-popolazzjoni
ċivili tal-Palestina?
U
l-Prim Ministru Malti, minkejja dawn l-atroċitajiet u vjolenza ta’ Iżrael, se
jagħmel żjara f’Iżrael biex juri lid-dinja li Malta tbierek il-kontinwazzjoni
tal-okkupazzjoni Iżraelita fil-Palestina bi ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-Ġnus
Magħquda.
F’din il-kwistjoni tal-inkwiet fil-Libja, Malta wriet li tilfet il-ħila li
taġixxi politikament minn rajha, u qiegħda titkaxkar kif teddeċiedi l-UE minflok
li Malta turi lill-UE kif għandha timxi fl-inkwiet li jinqala’ fir-reġjun
tal-Mediterran.
Issa hemm il-periklu li Malta titlef ukoll il-vokazzjoni ta’ pajjiż li ma jieħux aktar sehem fi gwerer u li dejjem jaħdem attivament għall-paċi fost il-ġnus, jekk Malta lanqas baqgħalha l-ħeġġa li taħdem biex iġġib il-paċi fost il-ġens Libjan.
Falliment tal-politika Mediterranja tal-UE
minn KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI CNI
Il-kriżi
fil-Libja kixfet il-faqar u n-nuqqasijiet tal-politika tal-UE li ma tafx kif se
tilqa’ għall-konsegwenzi tal-gwerra ċivili f’dak il-pajjiż.
L-ewwel konsegwenza tal-kriżi tal-Libja hi ż-żieda fil-prezz taż-żejt u l-waqfien
tal-provvista taż-żejt mil-Libja.
Dan se jkollu effett ħażin fuq l-ispejjeż tal-Industriji tal-pajjiżi tal-UE fi żmien meta l-industriji Ewropej qegħdin jisfurzaw biex jirpiljaw mill-kriżi ekonomika tal-aħħar snin.
Konsegwenza oħra tal-ġlied fil-Libja hi l-massa kbira ta’ ’l fuq minn mitt elf
ħaddiema barrani li ħarġu minn dak il-pajjiż fejn kienu jaħdmu.
Fil-waqt li għadd kbir ta’ dawn il-ħaddiema jinsabu fuq il-fruntiera tat-Tuneżija mal-Libja mingħajr saqaf fuq rashom u jistennew li jingħataw għajnuna tal-ikel u xorb, l-Unjoni Ewropea moħħha li timponi sanzjonijiet fuq il-Gvern Libjan minflok qiegħda tieħu passi urġenti meħtieġa biex tegħleb il-kriżi umanitarja ta’ dawn l-eluf ta’ ħaddiema.
Hemm il-periklu li ħafna mill-ħaddiema li ħarġu mil-Libja jipprovaw jidħlu
fil-pajjiżi tal-UE.
Biex jilqgħu għal dan, il-pajjiżi tal-UE għadhom qegħdin jiddiskutu x’għandhom jagħmlu, u s’issa jidhru li ma jridux jaċċettaw li jaqsmu bejniethom il-piż tal-eluf li jmorru fl-eqreb pajjiżi tal-UE, bħalma hi l-Italja u Malta.
Dan juri l-falliment tas-solidarjetà tal-UE.
L-UE naqset li tifhem li l-inkwiet li nqala’ fil-Libja kien se jwassal għal
gwerra ċivili fejn il-Gvern jirreżisti l-isforzi tal-oppożizzjoni biex twarrbu.

L-UE
ma ratx id-differenzi li jeżistu bejn iċ-ċirkostanzi soċjali tat-Tuneżija u
tal-Eġittu u dawk tal-Libja, u ħasbet li fil-Libja se jseħħ l-istess li seħħ
fit-Tuneżija u fl-Eġittu.
Sa ftit tal-ġimgħat ilu l-Unjoni Ewropea kienet qiegħda tiddiskuti mal-Gvern
Libjan ftehim li bih l-UE kienet se tagħtih fondi u għajnuniet f’diversi oqsma.
Issa
l-UE qiegħda tikkundanna bl-aktar mod aħrax l-istess Gvern li ma kienet tara
xejn ħażin fih sa ftit ġimgħat ilu, tant li għamlet pressjoni fuq l-Iżvizzera
biex tneħħi l-bojkott li kienet ordnat lill-pajjiżi tas-Schengen jagħmlu fuq
għadd ta’ mexxejja Libjani.
L-istess bħalma ġralha fit-Tuneżija u fl-Eġittu fit-taqlib politiku li kien hemm,
l-UE fil-Libja m’għandha ebda element li tista’ fuqu tibni r-rabiet li l-UE
jista’ jkollha mal-Gvern tal-pajjiż jekk ma jibqax dak li hemm illum.
L-UE tinsab fid-dlam dwar il-ġejjieni tal-Libja, bħalma tinsab fid-dlam dwar dak taż-żewġ pajjiżi l-oħrajn.
It-taqlib f’dawn it-tliet pajjiżi tal-Mediterran wera l-falliment tal-politika tal-UE f’dan ir-reġjun.
Partnership bejn it-Turkija u l-UE
Il-ġimgħa
l-oħra l-President Franċiż Nicolas Sarkozy għamel żjara uffiċjali fit-Turkija u
qal pubblikament li t-Turkija jmissha tagħmel “Special Partnership Agreement”
mal-Unjoni Ewropea.
Il-proposta ta’ Sarkozy ta’ ‘partnership’ bejn l-UE u t-Turkija jgiddeb lil dawk kollha li qabel ir-referendum tas-sħubija ta’ Malta fl-UE kienu żguraw lill-poplu Malti li fl-UE ftehim ta’ ‘Partnership’ ma setax isir.
Il-President Franċiż mhux biss ‘Partnership’ irid li jkun hemm, imma jrid ‘Special Partnership’, li tfisser li l-UE lesta tagħmel anke arranġament speċjali għal pajjiż li ma jkunx japplika bħal pajjiżi oħrajn.
Fil-każ ta’ Malta ħadd ma kien qiegħed jitlob li pajjiżna jkollu ‘Speċial
Partnership’ mal-UE.
It-talba kienet għal ftehim ta’ ‘Partnership’ li l-UE
komunament tagħmel ma’ ħafna pajjiżi.


B’dan
kollu,
* kemm il-politiċi Maltin li riedu sħubija sħiħa fl-UE,
* kif ukoll il-mexxejja tal-UE,
* fosthom il-President ta’ dak iż-żmien tal-Kummissjoni Ewropea,
* Romano Prodi,

*
u l-Kummissarju ta’ dak iż-żmien responsabbli mit-tkabbir tal-UE,
* Gunther Verhuegen,
* qarrqu bil-poplu Malti
* meta żgurawh li fl-UE ma jeżistix ftehim ta’ ‘Partnership’.
Il-President Franċiż sostna li t-Turkija ma tistax tkun membru sħiħ tal-UE,
minkejja li hi ilha issa s-snin tiddiskuti mal-UE t-talba tagħha biex tissieħeb
bħala membru sħiħ.
Sarkozy
insista li t-Turkija ma jaqblilhiex li tadotta r-regoli u r-regolament
tal-‘aquis communitaire’ tal-UE għax ixekkluha ekonomikament u soċjalment, u li
ftehim ta’ ‘Partnership’ jippermetti lit-Turkija li tadotta l-politika tal-UE
f’dawk l-oqsma li ma jxekkluhiex fil-progress tagħha ekonomikament u soċjalment.
B’hekk it-Turkija tista’ tikseb il-vantaġġi kollha tal-UE mingħajr ma titwikka bl-iżvantaġġi tas-sħubija u mingħajr ma tkun marbuta li tmexxi skont il-politika barranija komuni tal-UE.
It-Turkija tmiss mal-pajjiżi tal-UE bħall-Greċja u l-Bulgarija.
Hi
għalhekk tikkwalifika għall-Neighbourhood Policy tal-UE u għall-għoti ta’ fondi
mill-UE lill-pajjiżi ġirien tagħha.
Malta wkoll kienet tikkwalifika għal Neighbourhood Policy tal-UE għax hi ġara tal-UE.
Barra l-UE, Malta setgħet tissieħeb magħha mingħajr ma tissieħeb fiha, u b’hekk Malta kienet tikseb il-vantaġġi kollha tal-UE mingħajr ma titgħabba bl-iżvantaġġi.
Dan il-pass Malta għadha tista’ tagħmlu jekk tapplika t-Trattat ta’ Lisbona li
jagħtiha s-setgħa li toħroġ mill-UE u tagħmel ftehim ġdid ta’ sħubija magħha.
Ikun ta’ vantaġġ kbir għall-poplu Malti li pass bħal dan isir mill-aktar fis.
Ir-raġuni vera għall-attakk fuq il-Libja
L-indħil militari tal-Ingilterra u l-Amerika fil-Libja jidher f’għajnejn id-dinja Għarbija bħala repetizzjoni tal-aggressjoni li seħħet kontra l-Iraq.
Bħalma
ġara fil-gwerra tal-Iraq, tikber il-mewġa Musulmana kontra l-Punent u jissaħħaħ
il-fundamentaliżmu Iżlamiku.
Il-vantaġġ li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika jaħsbu
li se jirbħu jekk iħarbtu lill-Gvern Libjan, ma jagħmilx tajjeb għar-rabja li
ndħil militari barrani jqanqal f’miljuni ta’ Għarab u Musulmani li joġġezzjonaw
li l-pajjiżi tal-Punent ifittxu kull okkażjoni biex idgħjafu il-pajjiżi
Musulmani.
Għarab u Musulmani li llum huma kontra l-Gvern Libjan, iduru kontra l-Ingilterra
u l-Istati Uniti u l-pajjiżi l-oħrajn tal-UE li jieħdu sehem fl-attakki militari
fil-Libja.
Dan ikun ifisser pass ieħor fit-triq tal-gwerra bejn il-Punent u d-dinja Musulmana.
Wara
l-Iraq, ġie l-Afghanistan, u issa jmiss lil-Libja.
L-ewwel effetti tal-indħil militari barrani fil-Libja jkunu fiż-żewġ pajjiżi li
jmissu magħha, it-Tuneżija u l-Eġittu.
F’dawn iż-żewġ pajjiżi ħadd ma jaf x’gvernijiet se jkun hemm fil-ġejjieni wara t-taqlib politiku li seħħ dan l-aħħar.
M’hemmx dubju li l-elementi estremisti fiż-żewġ pajjiżi jipprovaw japprofittaw
mill-fatt tal-indħil barrani fil-Libja biex jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika
kontra l-Punent u kontra l-Ewropej.
Dawn jidhru f’għajnejn il-massa tal-popli Musulmani bħala li jridu jerġgħu jiddominaw bħalma għamlu għal tant żmien fl-imgħoddi.
Anke fil-każ
tal-Libja qed jingħad dak li ntqal fil-każ tal-Iraq,
* li r-raġuni vera għall-indħil militari huwa l-preżenza tal-provvista taż-żejt fil-pajjiż,
* għax il-pajjiżi tal-Punent u l-Amerikani jridu jiżguraw
* li l-provvista taż-żejt ma titwaqqafx f’każ ta’ gwerra,
* u ma jridux jissugraw li jkun hemm fit-tmexxija min kapaċi jwaqqfilhom iż-żejt.
Attakk militari fuq il-Libja jkun ifisser qerda ta’ ammont kbir ta’ armi u
armamenti, li ħafna minnhom kienu nbiegħu lil-Libja mill-istess pajjiżi li se
jwettqu l-attakk.
Il-qerda tal-armi u l-armamenti toħloq il-bżonn ta’ produzzjoni ta’ armi u
armamenti ġodda u l-industrija militari tal-produzzjoni tal-armi u armamenti
tal-pajjiżi tal-Punent tmur tajjeb meta jinqerdu l-armi u l-armamenti fl-attakk
li jsir fil-Libja.
Jekk il-Libja tiddgħajjef, iserraħ rasu aktar Iżrael, u l-Istati Uniti u l-pajjiżi
tal-UE jridu li jonqos il-periklu lil Iżrael, li jagħmel kulma jista’ biex
jimbottahom ħalli jdgħajfu lil-Libja.
Il-Ħamis, 03 ta’ Marzu, 2011

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ