MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA

L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000

€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

minn KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI CNI

 

L-istrateġija tal-‘bail-outs’ mhix se tirnexxi

 

Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu

 Video Parlament Ewropew

 

L-ekonomista Amerikan Paul Krugman, l-awtur tal-ktieb “The Return of Depression Economics and the Crises of 2008”, f’artiklu li kiteb ħmistax ilu fis-Sunday Magazine ta’ New York Times, bl-isem “Can Europe be Saved?”, stqarr li ħafna huma tal-fehma li l-istrateġija li l-Unjoni Ewropea qiegħda timxi biha biex tevita li xi pajjiż li daħħal l-ewro jfalli u jagħmel żvalutazzjoni, mhix se tirnexxi.

 

U kieku kellha tirnexxi, se tfisser żminijiet mill-iktar koroh għal xi pajjiżi tal-UE, billi se tikkawża stat ta’ dipressjoni kbira f’uħud mill-pajjiżi, u se jkollha impatt negattiv politiku fuq iċ-ċittadini tal-UE.

 

Krugman qal li l-UE tinsab fi kriżi profonda għax il-munita komuni, l-ewro, li tant ftaħret biha, hi mhedda u tinsab maqbuda f’morsa.

 

Għalkemm kienu ħafna li ħolmu li t-twaqqif tagħha kien se jġib prosperità fost il-pajjiżi Ewropej, kien hemm ħafna oħrajn li qalu li l-ewro kienet se tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet kbar, għax il-pajjiżi tal-UE mhux magħqudin flimkien b’mod li setgħu jkollhom munita waħda komuni.

 

Iżda l-mexxejja tal-UE għafsu fuq il-vantaġġi li l-pajjiżi jkollhom l-istess munita, mingħajr ma taw kas tal-piżijiet li din se ġġib magħha.

 

Huma injoraw il-fatt li meta pajjiż ikollu l-munita nazzjonali tiegħu, ikun jista’ jagħżel xejra lill-politika ekonomika li jrid, l-aktar billi jbaxxi r-rata tal-interessi u billi jitfa’ aktar flus fl-ekonomija biex jegħleb ir-riċessjoni.

 

Waqt li pajjiż li warrab il-munita nazzjonali tiegħu, ma jkollux aktar flessibbiltà fl-għażla tal-politika ekonomika tiegħu.


Skont Krugman, waħda mir-raġunijiet għaliex l-ewro ma tistax tkun ta’ ġid għall-pajjiżi kollha li daħħluha, hi preċiżament għax dawn il-pajjiżi mhumiex magħqudin f’pajjiż wieħed, bħalma huma l-Istati Uniti tal-Amerika.

 

Dan il-fatt ifisser li ċ-ċittadini ta’ pajjiż ma jkunux iridu li t-taxxi li huma jħallsu jmorru biex jagħmlu tajjeb għad-djun ta’ pajjiżi oħrajn.

Skont Krugman, raġuni oħra għaliex l-ewro ma tistax tirnexxi fil-pajjiżi kollha li daħħluha hi li f’dawn il-pajjiżi mhemmx l-istess ammont ta’ taxxi.

 

Dawn l-ostakli għas-suċċess ta’ munita komuni waħda għall-pajjiżi tal-UE kienu magħrufin mill-bidu nett tat-twaqqif tal-proġett bit-Trattat ta’ Maastricht fil-1992, iżda l-mexxejja tal-UE għażlu li jinjorawhom.

 

Jingħad li fil-bidu l-Kummissjoni Ewropea ordnat li jitħejja rapport dwar il-benefiċċji li titwaqqaf munita komuni waħda, u rapport ieħor dwar l-iżvantaġġi tagħha, iżda wara li bdew jissemmew l-iżvantaġġi, l-ordni tal-Kummissjoni nbidlet biex jitħejja biss ir-rapport dwar il-benefiċċji.


Qabel id-dħul tal-ewro, pajjiżi kienu jintalbu jħallsu rati ta’ interessi meta jissellfu, skont mal-pajjiż kien jitqies li jkun kapaċi jħallas lura d-dejn fiż-
żmien miftiehem, u kemm se jżomm il-valur tal-munita tiegħu.

 

Aktar mal-pajjiż jitqies riskjuż, kien ikollu jħallas rata għola ta’ interessi.

 

Xi pajjiżi kienu jħallsu rati ta’ interessi d-doppju, jew it-tripplu ta’ kemm kien ikollha tħallas il-Ġermanja meta tissellef.

 

Bit-twaqqif tal-ewro, il-pajjiżi kollha li daħħluha setgħu għal xi żmien jissellfu bl-istess rata baxxa ta’ interessi, u din kienet tkun baxxa, għax l-ewro kienet meqjusa li se tibqa’ b’saħħitha, u pajjiż li daħħalha, ma kienx maħsub li se jfalli.


Xi pajjiżi li qabel daħħlu l-ewro kienu jħallsu rati għoljin ta’ interessi, bdew jissellfu ħafna aktar minn qabel bir-rati ta’ interessi baxxi.

 

Huma spiċċaw biex issellfu ħafna aktar milli kienu jifilħu jħallsu lura d-djun li għamlu, u meta għalaq iż-żmien biex iħallsu lura s-self, sabu li ma kinux f’qagħda li jistgħu jagħmlu dan jekk ma jħallsux rati ta’ interessi ħafna aktar għoljin.


Dan ġara lill-Greċja, Spanja, u l-Portugall ukoll issellfu wisq.

 

L-Irlanda ddejnet ħafna biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tal-banek tagħna.


Minħabba r-riċessjoni ekonomika l-gvernijiet bdew idaħħlu inqas mit-taxxi u għalhekk bdew isibuha aktar diffiċli li jħall­su lura d-djun meta jagħlqu, filwaqt li bdew iħallsu interessi aktar għoljin meta jissellfu.

 

Għalhekk sabu ruħhom idaħħlu inqas u jħallsu aktar, u dan il-fatt kien ifisser li jistgħu jispiċċaw ifallu.

 

Biex dan ma jseħħx l-Unjoni Ewropea fl-aħħar iddeċidiet li twaqqaf fond li minnu tista’ tagħti lill-pajjiżi tal-ewro li kienu f’diffikultajiet ekonomiċi, ‘bail-outs’.

 

Xorta waħda pajjiż li kien se jingħata ‘bail-out’ kien se jkollu jħallas rata ta’ interessi, iżda r-rata tkun inqas minn dik li kien ikollu jħallas kieku jissellef mis-swieq finanzjarji internazzjonali.

 

U mal-‘bail-outs’, il-pajjiżi kellhom jintrabtu li jagħmlu miżuri ħorox ta’ awsterità.


Il-‘bail-outs’ u l-miżuri ħorox ta’ awsterità iddaħħlu lill-pajjiżi f’ċirku vizzjuż.


Għax fil-waqt li d-dħul mit-taxxi jonqos, l-interessi fuq l-ammonti mogħtijin bil-‘bail-outs’ ma jonqsux, u l-ammont kapitali ta’ ‘bail-outs’ xorta jrid jitħallas lura.

 

B’dan il-mod, id-djun tal-pajjiżi jkomplu jiżdiedu, fil-waqt li l-pajjiżi ma jistgħux iħallsuhom lura min­ħabba d-dħul inqas li jkollhom anke minħabba l-miżuri ta’ awsterità li jdaħħlu.


Skont Paul Krugman, xi pajjiżi jkollhom jispiċċaw jagħmlu żvalutazzjoni, jekk l-Unjoni Ewropea ma tbiddilx l-istrateġija tagħha dwar il-‘bail-outs’.

 

L-ewro se jkun saram kbir għall-futur ta’ Malta

 

Axel Webber, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Ġermanja, li ħafna jaħsbu li se jilħaq kap tal-Bank Ċentrali tal-Unjoni Ewropea wara li jispiċċa Trichet, issuġġerixxa l-ġimgħa l-oħra li jittawwal iż-żmien għal 30 sena biex il-Greċja u l-Irlanda jħallsu lura s-self li ħadu bis-saħħa tal-‘bail-outs’ tal-UE.


Skont il-ftehim li l-UE għamlet maż-żewġ pajjiżi,

* dawn għandhom iħallsu lura s-self,

* fil-każ tal-Greċja sal-2013,

* u fil-każ tal-Irlanda sal-2018.

 

Iżda issa kulħadd qabel li la l-Greċja u lanqas l-Irlanda mhuma se jkunu f’qagħda li jħallsu lura fiż-żmien stipulat.


Mhux kulħadd jaqbel mas-suġġeriment ta’ Axel Weber.

 

Hemm min isostni li d-djun tal-Greċja u tal-Irlanda għandhom jiġu ristrutturati billi l-pajjiżi li sellfu l-flus, jaċċettaw li jitħallsu lura parti biss, bħal 65%, tal-ammonti mislufin.

 

X’uħud jsostnu li l-Greċja u l-Irlanda għandhom jingħataw ammonti akbar ta’ self meta jagħlaq iż-żmien li jħallsu lura, jiġifieri fl-2013 u fl-2018.


Fl-istess waqt l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tagħmel emeda fit-Trattat ta’ Lisbona biex tkun tista’ twaqqaf mekkaniżmu ta’ stabbiltà permanenti għaż-Żona Ewro li jkun jista’ jagħti għajnuna lill-pajjiżi taż-Żona Ewro li jkunu fi kriżi ekonomika u finanzjarja.

 

Diġà s-sena l-oħra l-Unjoni Ewropea waqqfet fond ta’ €440 biljun għal dan l-iskop.

 

Qiegħed jingħad li l-fond tal-mekkaniżmu permanenti għandu jkun akbar.

 

Iżda hu magħruf li l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel ma tridx li l-ammont jitkabbar.


Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron, iddikjara li għalkemm l-Ingilterra ħarġet €7 biljuni biex tgħin lill-Irlanda, mhix se toħroġ aktar flus għall-‘bail-outs’ li l-UE tista’ tagħmel fil-futur.


Ir-rappreżentat Malti, il-Prof. Edward Scicluna, li ġie inkarigat mill-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew biex jipprepara rapport dwar it-tibdil għat-Trattat ta’ Lisbona kkritika l-proposta għax għandha kundizzjoni li fil-prattika teskludi li Malta tkun tista’ tgawdi mill-benefiċċju tal-mekkaniżmu permanenti.

 

Dan għax pajjiżi li jkunu f’diffikultajiet ekonomiċi u finanzjari jistgħu jingħataw għajnuna jekk il-kriżi li jkun fiha tkun ta’ periklu għaż-Żona Ewro sħiħa.

 

Billi l-ekonomija ta’ Malta hi żgħira ħafna, qatt ma tista’ tkun ta’ periklu għaż-Żona Ewro sħiħa.


Fil-waqt li l-mexxejja tal-UE qegħdin mexjin bit-twaqqif tal-mekkaniżmu permanenti għall-‘bail-outs’, il-kundizzjonijiet ta’ dawn qegħdin iqanqlu oppożizzjoni kbira kontra l-Unjoni Ewropea.

 

Fil-Greċja l-protesti u l-istrajks ma jaqtgħu xejn kontrihom.

 

Anke fl-Irlanda hemm oppożizzjoni għalihom.

 

Gerry Adams, il-mexxej tal-partit tal-Sinn Fein qiegħed jgħid li jekk il-partit tiegħu jitla’ fil-gvern, jgħid lill-Unjoni Ewropea tieħu lura flusha.


Għaliex il-‘bail-outs’ tal-Irlanda mhu xejn aktar minn ‘bail-out’ ta’ kredituri Ġermaniżi u Franċiżi u ċ-ċittadini Irlandiżi se jkollhom iħallsu għad-dnubiet tal-bankieri.

 

Minflok il-ftehim tal-‘bail-outs’ tal-UE, il-Gvern tal-Irlanda għandu jħares biss lid-depożitanti Irlandiżi tal-banek tal-Irlanda, mhux lill-kredituri barranin.


Mit-twaqqif tal-mekkaniżmu permanenti tal-Unjoni Ewropea trid ukoll li jitwaqqaf ‘economic government’ għall-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro.

 

Il-Kanċillier Ġermaniż Merkel qiegħda ssostni

li għandu jkun hemm l-armonizzazzjoni

tal-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet u tat-taxxi,

u li l-pajjiżi jkollhom limitu sakemm jistgħu jiddejnu.


Ħafna jħossu li l-Ġermanja

* trid timponi l-politika soċjali u ekonomika tagħha

* fuq il-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro,

* u li dan kollu hu parti mill-pjan

* biex tikber l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-UE

* taħt tmexxija ċentrali.


Il-passi li ttieħdu diġà biex il-gvernijiet tal-UE jissottomettu l-baġits tagħhom għall-approvazzjoni tal-UE qabel ma jressquhom quddiem il-Parlamenti nazzjonali, iqarrbu għat-tmexxija ċentralizzata taż-Żona Ewro.

 

It-tibdil fit-Trattat ta’ Lisbona

* se jkompli jsaħħaħ il-kunċett tat-tmexxija ċentralizzata

* għax bih il-pajjiżi taż-Żona Ewro se jkunu marbutin

* li jagħtu s-sehem tagħhom għall-fond tal-mekkaniżmu permanenti,

* skont ma jkun deċiż minn żmien għall-ieħor mill-UE

* bis-sistema tal-maġġoranza.


Jekk il-proposta tat-tibdil fit-Trattat ta’ Lisbona tibqa’ kif hi preżentament,

* Malta se tkun marbuta b’mod permanenti

* li tikkontribwixxi għall-fond tal-għajnuna

* għall-pajjiżi l-oħrajn taż-Żona Ewro,

* mingħajr ma tkun tista’ tibbenefika minnu,

* anke jekk tkun f’diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji.


Dan ifisser li Malta tibqa’ marbuta b’garanzija ta’ €400 miljun għal dejjem,

* u jekk l-UE tiddeċiedi li tkabbar il-fond,

* Malta jkollha tkabbar l-ammont li għalih trid tagħmel tajjeb.

 

Dan hu wieħed mill-agħar saram li Malta daħlet għalih minħabba l-ewro.

 

Il-qgħad u l-faqar ibeżża’ lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea

 

Il-mexxejja tal-UE diġà għandhom togħma tal-protesti kbar popolari fit-toroq tal-ibliet ewlenin tal-Ewropa – f’Pariġi, f’Ruma, f’Londra, f’Ateni u saħansitra fiċ-ċentru tal-UE, Brussells.

 

S’issa s-servizzi sigrieti u l-forzi tas-sigurtà tal-pajjiżi tal-UE dejjem irnexxielhom irażżnu l-qilla tal-popli, mhux bħalma seħħ fit-Tuneżija u fl-Eġittu.


Jidher għalhekk li l-protesti popolari għandhom inqas effett fuq il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE, minkejja li dawn huma meqjusin aktar rappreżentattivi tar-rieda popolari.

 

Jew aktar li s-servizzi sigrieti u l-forzi tas-sigurtà huma aktar qawwijin minn dawk tat-Tuneżija u tal-Eġittu.


Żgur li l-ġrajjiet fit-Tuneżija u fl-Eġittu qanqlu ħafna tħassib fost il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea li ma kienu jaraw xejn ħażin fit-tmexxija ta’ dawk iż-żewġ pajjiżi, tant li kienu jagħtuhom ħafna għajnuniet taħt il-‘Neighbourhood Policy’ tal-UE.

 

Issa l-mexxejja tal-UE sabu li ma kinux qegħdin iħossu l-polz tal-poplu Tuneżin u Eġizzjan, u jinsabu mitlufin kif għandhom jirreaġixxu għall-protesti popolari f’dawk iż-żewġ pajjiżi, għax ma jridux li ż-żgħażagħ u l-ħaddiema Ewropej jiddakkru minn sħabhom Għarab u jibdew jipprotestaw kontra l-qgħad u l-faqar li hawn fl-Unjoni Ewropea.

 

Il-mexxejja tal-UE huma inkwetati wkoll għax ma jafux jekk l-irvellijiet tat-Tuneżija u tal-Eġittu hux se jwasslu biex f’dawk il-pajjiżi jieħdu l-kontroll forzi fundamentalisti Iżlamiċi li ma jkunux lesti jaċċettaw dak li l-UE trid, bħalma kien iseħħ qabel.

 

Jew jekk il-forzi nazzjonalisti Għarab fiż-żewġ pajjiżi ikunux ostili għall-UE għax din kienet toffri appoġġ inkondizzjonat lill-mexxejja tal-pajjiżi, bħalma kienu jagħmlu wkoll l-Istati Uniti tal-Amerika, mingħajr ma taw kas is-sitwazzjoni demokratika u tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fiż-żewġ pajjiżi.


X’uħud fl-Unjoni Ewropea qegħdin jistennew li Malta tgħin lill-mexxejja tal-pajjiżi tal-UE fl-għażla tal-linja li għandhom jieħdu dwar il-ġejjieni tat-Tuneżija u tal-Eġittu.

 

Iżda llum Malta ma tafx x’inhi sewwa l-qagħda tal-forzi politiċi Tuneżini u Eġizzjani, għax m’għadx għandha l-kuntatti u l-ħbiberiji li kellna qabel ma sseħibna fl-Unjoni Ewropea.

 

Għalhekk Malta ma tistax tmexxi lill-UE f’din il-kwistjoni.

 

Il-Ħamis, 3 ta’ Frar, 2011

 

 

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ