MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena Malta tkun ħallset lill-Unjoni Ewropea €4,340,000 minn ħalq uliedek

 

Mis-sena 2009 il-Maltin u l-Għawdxin qed iħallsu lill-Unjoni Ewropea €153,400 kuljum minn ħalq uliedek

 

L-UE timmina d-demokrazija

 

It-Trattat ta’ Riforma ta’ l-Unjoni Ewropea, li l-mexxejja tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni ffirmaw fit-13 ta’ Diċembru li għadda, għandu jitressaq fil-Parlament Malti, iżda mhux biex id-deputati jiddiskutuh, għax ma jistgħux jibdlu lanqas kelma waħda minnu.

 

Id-deputati Parlamentari tagħna jridu jivvotaw favorih, jew kontrih jew jastjenu milli jivvotaw, iżda le jemendawh.

Għalhekk fil-Parlament mhu se nisimgħu xejn ħlief kliem ta’ tifħir għat-Trattat, forsi xi kelma ta’ kritika żgħira, iżda mhux se jkollna diskussjoni vera u serja dwaru.

La darba d-deputati tal-Gvern huma marbutin li jsostnu dak li l-Prim Ministru u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Malta ffirmaw fit-13 ta’ Diċembru, hija ħaġa ċerta li l-Parlament se jivvota favur it-Trattat, fih x’fih.

 

Għalhekk hija sempliċi formalità li t-Trattat se jinġieb għad-diskussjoni fil-Parlament, għax se jgħaddi eżatt kif sar u mingħajr kelma waħda mibdula.

Ħafna għandhom raġun isostnu li dan il-mod kif it-trattati li l-Gvern ikun għamel, jitressqu fil-Parlament ħalli d-deputati jivvotaw jekk it-trattati jiġux ratifikati, mhu mod serju xejn, u huwa telf ta’ żmien jekk kemm-il darba d-deputati tal-Gvern ma jinħelsux mill-obbligu li jivvotaw favur kull trattat iffirmat mill-Gvern, jaqblu jew ma jaqblux miegħu.

 

Għandhom ħafna raġun jikkritikaw dan il-mod kif trattati jitressqu fil-Parlament biex japprovahom, mingħajr qabel ma l-Parlament jingħata l-opportunità jiddiskutihom qabel ma l-Gvern jiffirmahom.

Żbaljaw bil-kbir il-Prim Ministru u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Malta li fit-13 ta’ Diċembru f’Lisbona ffirmaw it-Trattat ta’ Riforma ta’ l-Unjoni mingħajr ma qabel iddiskutew x’fih fil-Parlament Malti u żguraw li l-maġġoranza tad-deputati taqbel miegħu.

Għamlu abbuż akbar meta lanqas informaw lill-poplu Malti x’fih it-Trattat li marru jiffirmaw, meta dan huwa trattat li se jorbot lill-Maltin u l-Għawdxin b’regoli u kundizzjonijiet ġodda differenti minn dawk ta’ meta l-poplu Malti aċċetta li jissieħeb fl-Unjoni.

 

Qabel ma sseħibna fl-Unjoni, il-poplu vvota f’referendum biex pajjiżna jissieħeb skond ir-regoli u l-kundizzjonijiet ta’ dak iż-żmien ta’ l-Unjoni.

 

It-Trattat ta’ Lisbona issa se jibdel dawk ir-regoli u l-kundizzjonijiet u l-poplu Malti mhux se jingħata d-dritt jivvota f’referendum jekk iridx li r-regoli u l-kundizzjonijiet li ssieħeb bihom fl-Unjoni, jinbidlux b’dawk tat-Trattat ta’ Lisbona.

Li kieku d-deputati tal-Gvern fil-Parlament mhumiex marbutin li japprovaw x’iffirmaw il-Prim Ministru u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ Malta, kieku jista’ forsi jingħad li la darba d-deputati parlamentari jirrappreżentaw lill-poplu, meta d-deputati jivvotaw favur ir-regoli u l-kundizzjonijiet ġodda ta’ l-Unjoni li fih it-Trattat ta’ Lisbona, il-poplu jkun qiegħed jesprimi ruħu.

 

Iżda dan ma jistax jingħad għax id-deputati tal-Gvern huma marbutin jivvotaw favur ir-regoli u l-kundizzjonijiet mibdulin, huma x’inhuma, tajbin jew ta’ ħsara għall-poplu.

Dan kollu jagħmel farsa mid-demokrazija parlamentari li għandna.

 

U l-Unjoni Ewropea li tinsisti li ma jsirx referendum dwar it-trattat il-ġdid tagħha, qiegħda hija stess timmina s-sistema tad-demokrazija fil-pajjiż.

 

Is-sħubija fl-UE tkabbrilna d-dejn

 

Imissu jingħad li l-poplu Malti din is-sena se jħallas €140,000 kuljum lill-Unjoni Ewropea, u għalhekk fl-ewwel tlett ijiem tas-Sena l-Ġdida l-poplu se jkun ħallas €420,000.

 

Dan jinsab ippubblikat fl-estimi uffiċjali tal-Gvern għas-sena 2008, li juru li pajjiżna għandu jħallas lill-Unjoni s-somma ta’ €51,245,000.

Imissu jifhem il-poplu li dawn il-
€51,245,000 se nħallsuhom mit-taxxi li l-Gvern jiġbor mill-poplu, jew mid-dejn li jagħmel kull sena, li fuqu mbagħad il-Gvern irid iħallas l-imgħax mit-taxxi li jiġbor mill-poplu.

Għal dawn l-aħħar 20 sena l-Gvern kellu jiddejjen kull sena għax dejjem nefaq iktar milli daħħal.

 

U llum il-Gvern spiċċa għandu ’l fuq minn €3,062,000,000 dejn.

 

B’dan id-dejn kollu, u xorta waħda se jkollna nħallsu lill-UE ’l fuq minn €51 miljun f’din is-sena, minkejja li l-Gvern din is-sena se jerġa’ jkompli jiddejjen.

Minbarra l-ħlas f’‘cash’ li ta’ kull sena jkollna nagħmlu lill-UE, pajjiżna daħal għal infieq u spejjeż kbar ħafna oħrajn minħabba s-sħubija fl-Unjoni.

Il-bidla tal-munita Maltija għal dik ta’ l-Unjoni, l-Ewro, swietilna miljuni ta’ Ewro fi spejjeż.

Biex dħalna fiż-żona Schengen ta’ l-Unjoni, għamilna spiża kbira ta’ miljuni ta’ Ewro, u se jkollna spiża kbira kull sena biex inħaddmu l-ftehim ta’ Schengen li jneħħi l-kontroll tal-passaporti u d-dwana għal min jiġi mill-Unjoni.

Biex inlaħħqu mal-liġijiet u regolamenti li l-Unjoni tagħmel kull xahar, mal-laqgħat li l-Unjoni tagħmel aktar minn waħda fil-ġimgħa, u mad-dokumenti li l-Unjoni toħroġ kuljum, pajjiżna jkollu jonfoq miljuni kbar oħrajn ta’ Ewro kull sena.

Tant hija kbira l-ispiża totali, meta jingħad l-infieq kollu li jsir minħabba s-sħubija fl-Unjoni, li la l-Gvern u lanqas l-Unjoni ma jridu jagħtu rendikont lill-poplu x’qed ikollhom jagħmlu tajjeb għalih kull sena t-taxxi li l-poplu Malti jħallas.

 

U dan l-infieq u dan id-dejn kollu sar, u qiegħed isir, wara li pajjiżna biegħ ħafna mill-ġid li l-poplu Malti kellu, 

* bħall-Mid-Med Bank,                          

* is-sehem tal-poplu fil-Lombard Bank, 

* is-sehem tal-poplu fit-Telemalta,         

* is-sehem tal-poplu fil-Medserv u       

* fit-Tug Malta,                                        

* fil-Posta,                                                

* fil-Lottu Pubbliku,                                 

u ħafna impriżi statali oħrajn.

Din il-ħerba kollha mill-ġid tal-poplu Malti saret għall-wiċċ l-Unjoni Ewropea, biex hija taċċetta li nissieħbu fiha.

Prezz tassew qares biex il-poplu jara jinħattlu dak kollu li b’tant għaqal u sagrifiċċji ta’ qabilna bnew, għall-kapriċċ ta’ min m’għandux ħila jmexxi lill-poplu tagħna fl-indipendenza u fil-ħelsien.

 

Id-drittijiet tal-poplu ma tathomx l-UE

 

Din is-sena ġdida li għadna nibdew għandha tiftaħ għajnejn ħafna Maltin u jibdew jifhmu kemm daħku bihom u ngannawhom li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet se tkun rebbiegħa ġdida għal pajjiżna.

Issa li daħħalna l-Ewro, spiċċa ż-żmien tal-propaganda ma taqta’ xejn dwarha.

 

Il-poplu se jġarrab il-konsegwenzi ta’ l-Ewro u se jemmen kemm se tgħollilhom il-ħajja.

 

Se jagħti raġun dak li l-barranin li ġew Malta kienu jgħidulna, li aħna mġienen qegħdin nifirħu bl-Ewro, għax din se tbikkina, kif għamlet lilhom f’pajjiżhom

Iżda dawk fostna li biegħu ruħhom lill-UE, ma jimportahomx se jġarrab il-poplu bid-dħul ta’ l-Ewro.

 

Għalihom l-aqwa li Malta ma tibqax pajjiż indipendenti, iżda li tkun integrata fl-Unjoni akkost ta’ kollox.

Ħafna kienu ħerqanin li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea għax kienu jibżgħu li f’pajjiżna jkun hawn maġġoranza li demokratikament tagħżel gvern li ma jħarisx id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u ma jmexxix b’mod demokratiku.

 

Il-biża’ ta’ dan wassalhom biex jafdaw aktar lill-barranin ta’ l-Unjoni, milli lil ħuthom Maltin.

Din il-fehma miskina ta’ dawn il-Maltin ġwejjef tixli l-mentalità kolonjali tagħhom, li ġġiegħelhom jemmnu li jekk ikun hawn f’pajjiżna theddida għall-ħarsien tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem u għad-demokrazija, aħna l-Maltin ma nsibux fina forza qawwija biżżejjed biex niġġieldu ħalli nippriservaw il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-ħajja demokratika tal-poplu tagħna.

Dawn il-Maltin bla sinsla li jridu l-protezzjoni tal-barranin ta’ l-UE kontra l-Maltin ħuthom, qegħdin jinsew li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li ngawdu u d-drittijiet demokratiċi li għandna, iġġieldu għalihom u rebħuhom għall-poplu tagħna ta’ qabilna kontra l-barranin li kienu jaħkmuna, u mhux tawhomlna l-barranin, għax dawn kienu jiċħduhomlna għal ħafna żmien.

 

Bħalma daħku bil-poplu dwar is-sħubija fl-UE u dwar id-dħul ta’ l-Ewro, l-istess qegħdin jagħmlu dwar il-ftehim ta’ Schengen u t-tneħħija tal-kontrolli tal-passaporti u tad-dwana fuq min jiġi, u x’jiġi, mill-pajjiżi ta’ l-UE.

Il-konsegwenzi se jkunu li numru ikbar ta’ persuni li jistgħu jkunu ta’ theddida għaċ-ċittadini tagħna u għall-proprjetà, jiġu f’pajjiżna mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni, fosthom Sqallija, mingħajr kontroll ta’ xejn.

 

Se jkun iktar faċli t-traffikar tad-droga u ta’ l-armi u s-sigurtà se tonqos għaċ-ċittadini u għall-proprjetà.

 

U l-ironija hija, li ta’ dan id-deni kollu, se jkollna nħallsu ħafna iktar spejjeż.

 

Dan kollu biex niftaħru li aħna eqreb l-Ewropa u biċċa minnha, mhux pajjiż indipendenti.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 3 ta' Jannar, 2007.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ