MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Il-kwistjoni
ta’ l-UE tibqa’!
Għalkemm il-politiċi jgħidu li l-kwistjoni tas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjni Ewropea m'għadhiex teżisti, huma jafu li eluf ta' Maltin u Għawdxin huma kontra s-sħubija u jivvutaw biex noħorġu mill-Unjoni jekk isir referendum dwar din il-kwistjoni.
Il-fatt li
l-politiċi jħossu l-ħtieġa li jgħidu li din
il-kwistjoni m'għadhiex teżisti, jixhed li huma jibżgħu li għadha
teżisti u jħossu l-bżonn li jipperswadu lill-Maltin u l-Għawdxin
biex jaqtgħu jieshom li jistgħu joħorġu mill-Unjoni.
Iżda eluf ta' Maltin u Għawdxin mhux se jirrassenjaw ruħhom għax-xorti
ħażina li messet lill-poplu tagħna li erġajna sirna kolonja,
din id-darba mhux ta' l-Ingilterra iżda ta' l-Unjoni Ewropea, u dawn l-eluf
jittamaw li jfittex jitfaċċa mexxej nazzjonali kuraġġjuż
li jifdina mill-ġdid ħalli nerġgħu niksbu l-Indipendenza u
l-Ħelsien għal pajjiżna.
Ma jistax jonqos li eluf ta' Maltin u Għawdxin ikunu kontra s-sħubija
fl-Unjoni Ewropea, għax l-Unjoni taħti għal parti kbira tad-dejn
enormi li l-pajjiż huwa mgħobbi bih, għal sehem kbir tal-piż
finanzjarju ta' taxxi indiretti li l-poplu Malti qiegħed iġorr, u hija
l-kagun għal parti kbira ta' l-għoli tal-ħajja li l-poplu qed iġarrab
u għat-telf ta' mpjiegi u tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li
eluf ta' ħaddiema u impjegati batew u għall-għeluq ta' ħafna
impriżi u oħrajn li ċkienu.
L-Unjoni Ewropea hija responsabbli għal ħafna mid-dejn tal-pajjiż
għax biex il-poplu Malti jinxtara ħalli jarmi l-Indipendenza u jivvota
favur is-sħubija fl-Unjoni, il-Gvern, fuq medda ta' snin nefaq ħafna
aktar miljuni milli tmexxija għaqlija kienet tgħidlu li għandu
jagħmel.
Illum il-Gvern
jinsab midjun biljun u nofs lira Maltija, u dan wara li biegħ bl-iskuża
tal-privatizzazzjoni ordnata mill-Unjoni l-ġid tal-poplu Malti, bħal
ma kien il-Mid Med Bank, il-Maltacom, l-Air Terminal, il-Posta, il-Lottu u impriżi
iżgħar oħra.
Kull sena d-dejn nazzjonali jikber u jiżdied l-iżbilanċ bejn id-dħul
u l-ħruġ tal-Gvern. Is-sena d-dieħla d-dejn nazzjonali se jibqa'
jiżdied b'aktar minn miljun lira Maltin kull ġimgħa Lm54 miljun),
minkejja d-dħul ta' Lm48 miljun aktar mit-taxxi li fis-snin imgħoddija
żdiedu enormament.
Taxxi tort ta’ l-UE
L-Unjoni Ewropea taħti għal ħafna mit-taxxi indiretti li l-poplu Malti qiegħed iħallas.
It-taxxa tal-VAT (18 fil-mija) fuq oġġetti u servizzi li nixtru, il-Gvern daħħalha għax hija obbligatorja fil-pajjiżi ta' l-Unjoni.
Parti mill-38 miljun liri Maltin li l-poplu se jħallas is-sena d-dieħla f'taxxi fuq il-prodotti taż-żejt, tridhom l-Unjoni li bl-iskuża li jitrażżan il-konsum taż-żejt, iġġiegħel lill-gvernijiet jimponu taxxi għoljin fuqhom.
L-'Eco
Tax' imponietha l-Unjoni fuq il-Gvern bl-iskuża li jitħares l-ambjent.
Dawn it-taxxi, barra li huma piż finanzjarju fuq il-poplu, għandhom
l-effett ukoll li jgħollu l-ħajja billi jżidu l-prezzijiet.
Għalhekk
l-Unjoni Ewropea taħti wkoll għall-gholi tal-ħajja li l-poplu
qiegħed iġarrab kemm minħabba dawn it-taxxi indiretti, kif ukoll
minħabba l-prezzijiet ogħla li qiegħed ikollu jħallas għall-prodotti
mixtrijin minn pajjiżi barra l-Unjoni, li fuqhom l-Unjoni timponi d-dazji
tal-'Common External Tariff', fosthom laħam, ċereali, qmugħ, u
aktar riċenti, żraben tal-ġilda miċ-Ċina.
Iż-żieda fil-prezzijiet ikkaġunata mill-Unjoni Ewropea tolqot
ħażin il-kompetittività ta' pajjiżna bi ħsara kemm għall-esportazzjoni,
kif ukoll għat-turiżmu fejn ġieli jinstema' li btala f'Malta
saret għalja wisq meta kkumparata ma' waħda f'pajjiż kompetittiv
bħat-Tuneżija.
Illum
bil-fatti jista' jingħad li s-sħubija fl-Unjoni ġabitilna tnaqqis
kemm fl-esportazzjoni, kif ukoll fit-turiżmu.
It-tnaqqis fl-industrija tal-manifattura u fl-industrija tat-turiżmu, barra
li jikkaġuna telf finanzjarju għal pajjiżna, jikkaġuna telf
ta' impjiegi u jbaxxi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema u
l-impjegati Maltin.
Is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea għamlitilna ħsara kbira
fiż-żewg oqsma ekonomiċi tal-manifattura u tat-turiżmu.
Il-wegħdiet
li kienu għamlulna li jaqblilna meta nkunu fis-suq kbir ta' l-Unjoni sfaw
kollha fix-xejn u sibna li meta dħalna fis-suq kbir, morna lura minflok
’il quddiem.
Minħabba l-politika u r-regoli ta' l-Unjoni Ewropea ħafna impriżi
għalqu, tefgħu lill-ħaddiema barra u marru f'pajjiżi li
m'humiex fl-Unjoni.
Impriżi
oħrajn, li kienu jaħdmu għas-suq lokali, naqqsu l-kummerċ
tagħhom u jew issensjaw għadd ta' ħaddiema, jew naqqsulhom
il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Id-daqqa ta’ ħarta li jmiss
Għadna ma ħassejniex l-effetti ħżiena kollha tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea għax għadna ma daħħalniex l-Ewro u għadu m'għaddiex iż-żmien kollu tad-derogi mir-regoli ta' l-Unjoni li l-Unjoni tatna biex isseħibna.
Id-dħul ta'
l-Ewro se jgħolli l-prezzijiet, kif ġara f'kull pajjiż ieħor
ta' l-Unjoni li daħħal dik il-munita.
L-eluf ta' liri li qegħdin jintefqu fi propaganda vojta dwar l-Ewro mhux se
jtaffu l-ħsara li se jġarrab il-poplu wara l-ewwel ta' Jannar ta'
l-2008, meta naqilbu għall-Ewro.
L-Ewro hija
imposta fuqna mill-Unjoni u l-Gvern ikollu jiftaħar bil-vantaġġi
tagħha allavolja jaf li t-tliet pajjiżi li ma daħħluhiex, jiġifieri
l-Ingilterra, l-Isvezja u d-Danimarka, qablilhom ekonomikament u jinsabu aħjar
mill-pajjiżi li daħħlu l-Ewro, bħal Franza, il-Ġermanja
u l-Italja.
L-Unjoni Ewropea tagħtina daqqa ta' ħarta oħra meta fis-sena 2008
tinsisti li ma nistgħux nagħtu għajnuna lit-Tarzna u b'hekk hija
thedded l-impjieg tal-mijiet ta' ħaddiema tat-Tarzna, li għall-poplu
Malti hija l-Università tas-snajja’ f'pajjiżna.
Għalkemm il-politiċi jagħmlu minn kollox biex jaħbu dawn l-iżvantaġġi
kollha tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-kotra tal-poplu li hija milquta
minnhom mhix se tinsihom u tipprotesta kontrihom.
Kif lanqas m'hi se tinsa li fis-sena d-dieħla, pajjiżna se jkollu jħallas
lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment is-somma ta' Lm893,000 u lill-Unjoni Ewropea
stess l-ammont ta' Lm22,030,000 (skond paġna 110 ta' l-Estimi tal-Gvern).
Dawn il-piżijiet u l-iżvantaġġi kollha l-poplu Malti jeħles
minnhom jekk jingħata l-opportunità jivvota f'referendum biex noħorġu
mill-Unjoni Ewropea.
Sadanittant, jgħidu
x'jgħidu l-politiċi, il-kwistjoni tas-sħubija fl-Unjoni tibqa' teżisti
f'pajjiżna.
Il-fondi li gawdejna mill-Protokoll Taljan
Waħda mill-frott qares li qtajna bis-sħubija fl-UE kienet bla dubju ta' xejn il-fatt li tlifna dawk il-miljuni ta' liri li konna nirċievu sa din is-sena stess, b'riżultat tal-protokoll li Gvern Laburista kien iffirma ma' l-Italja fl-1980.
Sal-lum irċevejna miljuni kbar ta' liri.
Biżżejjed
jingħad li f'dawn l-aħħar tliet snin irċevejna madwar Lm10
miljun fis-sena!
Fid-diskors tal-Baġit il-Prim Ministru, waqt li semma l-miljuni Ewros li rċevejna,
jew se nirċievu s-sena d-dieħla, kull ma qal dwar il-fondi
mill-Protokoll Taljan kien, li "l-fondi għall-proġetti
mill-Protokoll Taljan se jispiċċaw fl-aħħar ta' din
is-sena".
Jidher li Dr
Gonzi staħa jsemmi l-ammont ta' fondi li se nitilfu kull sena grazzi għas-sħubija
ta' pajjiżna fl-UE.
Naturalment din ma kinitx storja tajba li seta' jirrakkonta lill-poplu Malti.
U bħal din
l-istorja hemm ħafna stejjer oħrajn li l-Prim Ministru beża'
jsemmi fid-diskors tal-Baġit.
Nisperaw li dawn l-istejjer nirrakkontawhomkom ’il quddiem.
Ħela ta’ fjuwil minħabba l-Unjoni Ewropea
L-allat ta' l-Unjoni Ewropea qegħdin jaħsbu kif iġagħluna nsuqu l-vetturi bid-dwal mixgħulin, fid-dawl tax-xemx.
Jekk fil-pajjiżi
fin-naħa ta' fuq ta' l-Unjoni, minħabba ċ-ċpar u t-temp ikraħ,
jagħmel sens li l-vetturi jinstaqu dejjem bid-dwal mixgħulin, ma jagħmilx
sens iżda li dan iseħħ fil-pajjiżi ta' l-Unjoni fejn ikun
hemm temp sabiħ, ġranet ċari u spiss xemx tiżreġ.
Id-dwal mixgħulin għalxejn tal-vetturi jfissru ħela ta' fjuwil,
ħela ta' arja u tniġġis aktar bla bżonn.
Barra l-ispejjeż
żejda tal-konsum tal-fjuwil, noħolqu aktar tniġġis ta'
l-arja meta naħarqu aktar fjuwil.
Għalkemm l-enerġija tad-dwal tal-vetturi toħroġ primarjament
mill-batterija, (l-istess meta nqabbdu l-'istarter', nixgħelu l-air
conditioner u ndoqqu l-ħorn tal-vettura), kif tistartja l-makna,
l-'alternator', jew id-'dynamo' fil-vetturi antiki, ikun pront jiġġenera
l-kurrent biex jiċċarġja l-batterija.
Meta jkun qed jiċċarġja
l-batterija, l-'alternator' jibbies ħafna biex iddawru u għalhekk
il-makna jkollha taħli aktar fjuwil biex tkopri u ddawwar l-'alternator'.
Tajjeb li niftakru li fil-vetturi, is-saħħa kollha tiġi
mill-makna.
Il-makna ma toħloqx is-saħħa mix-xejn.
Il-makna tieħu
s-saħħa mill-fjuwil (diżil jew petrol) u mill-arja, billi tħallat
l-arja mal-fjuwil, tikkompressahom fi spazju żgħir u taħraqhom.
Meta l-arja tinħaraq, tikber f'daqqa, toħloq pressjoni u din
il-pressjoni tintuża biex il-makna ddawwar lilha nfisha u l-mekkaniżmu
tal-vettura, li fl-aħħar iddawwar ir-roti tal-vettura.
Tajjeb ukoll li nkunu nafu li biex jibdlu s-saħħa tal-fjuwil f'saħħa
mekkanika, il-makni jaħlu ħafna mill-enerġija.
Jekk nieħdu eżempju 10 litri ta' fjuwil maħruqin minn makna, 7 minnhom jinbidlu f'enerġija bla bżonn fl-arja li toħroġ mill-exhaust u fl-ilma msaħħan li mbagħad jiddawwar fir-'radiator' biex jerġa' jiksaħ u 3 litri biss jintużaw għat-tħaddim tal-vettura.
Dan ifisser li
l-effiċjenza tal-makna tal-vettura hija biss ta' madwar 30 fil-mija, u għalhekk
ta' l-enerġija li nieħdu, inħallsu ħafna minħabba
l-prezz għoli tal-petrol u diżil li nitfgħu fil-vettura.
Aktar ma titgħabba b'toqol il-vettura, aktar il-makna tagħha trid
tipproduċi enerġija biex tmexxiha u għaldaqstant aktar jinħela
fjuwil.
Id-dwal tal-vettura għalhekk fl-aħħar ifissru ħela ta'
fjuwil u tagħmel ħażin l-Unjoni Ewropea jekk iġġagħlna
nixgħeluhom għalxejn fid-dawl tax-xemx tal-ġurnata.
Il-Ħamis 2 ta’ Novembru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ