MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 misruqa minn ħalq uliedek
L-akbar ħrafa li rnexxielhom ibellgħu lill-maġġoranza tal-poplu Malti qabel ir-Referendum
u l-Elezzjoni Ġenerali tal-2003, kienet li jekk nidħlu fl-UE is-sovranità ta’
pajjiżna mhux talli ma kinitx se tiddgħajjef jew tispiċċa, anzi kienet se
tissaħħaħ.
It-taparsi argument li kienu jġibu kien dak li billi nkunu qegħdin naqsmu s-sovranità
ta’ pajjiżna, mhux talli ma konniex se nnaqqsuha, talli konna se nsaħħuha.
Ma tridx tkun għaref wisq biex tinduna bil-falsità ta’ dan l-argument.
Biżżejjed taħseb kif jekk ikollok ħaġa tiegħek biss, tiddeċiedi li taqsamha ma’
ħaddieħor, dik il-ħaġa mhux se tibqa’ tiegħek biss, għax se tkun anke ta’
ħaddieħor.
Jekk ikollok kejk u flok tieklu l-familja tiegħek, taqsmu ma’ ħaddieħor, żgur li
tal-familja tiegħek se jmisshom parti ferm iżgħar minn dak il-kejk milli kieku
kieluh waħedkom.
Aħna tas-CNI
dejjem sħaqna li d-dħul fl-UE ikun ifisser it-tmiem tal-Indipendenza u l-Ħelsien
ta’ pajjiżna. Jiġifieri, it-tmiem tas-sovranità tal-poplu Malti.
Dak li seħħ dan l-aħħar meta ġiet il-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni Neellie Kroes kienet l-aqwa prova ta’ kemm is-sovranità, l-Indipendenza u l-Ħelsien ta’ pajjiżna jeżistu biss fuq il-karta u mhux fir-realtà.
Meta Kroes qalet li l-pjan tal-Gvern dwar it-Tarzna ma kienx aċċettabbli
għall-UE, fil-fatt kienet qiegħda tgħid lill-Gvern Malti li issa f’pajjiżna hija
l-Unjoni Ewropea li tiddeċiedi x’jista’ jsir jew ma jsirx.
Il-Gvern Malti
qiegħed hemm biss biex jagħmel li tordnalu jew dak li tħallih jagħmel l-UE.
Is-CNI
qalet tajjeb li dak li l-Kummissarju Kroes qalet kien ta’ umiljazzjoni
għall-poplu Malti kollu.
Dan żgur għal dawk
li jgħoddu ruħhom li huma Maltin – li aħna nemmnu li huma l-maġġoranza tal-Maltin.
Dawk li biegħu ruħhom lill-UE, x’qalet Kroes ma jolqothom xejn.
Anzi forsi ħadu pjaċir, għax huma jemmnu li aħna l-Maltin mhux kapaċi mmexxu lil pajjiżna u rridu li min hu ferm akbar minnha li jmexxina.
Dawk li biegħu ruħhom lill-UE, x’qalet Kroes ma jolqothom xejn.
Anzi forsi ħadu
pjaċir, għax huma jemmnu li aħna l-Maltin mhux kapaċi mmexxu lil pajjiżna u
rridu li min hu ferm akbar minnha li jmexxina.
X’se jgħidu dawk li sostnew li bis-sħubija fl-UE is-sovranità ta’ Malta
tissaħħaħ meta jaraw lill-Gvern li kienu vvotawlu jiġi rredikolat bil-mod li
rredikolatu Neellie Kroes?
Tgħid anke dan
l-insult qegħdin iqisuh bħala turija ta’ kemm is-sovranità ta’ Malta ssaħħet
bis-sħubija fl-UE?
Aktar ma jgħaddi ż-żmien il-poplu Malti se jinduna kemm kienu daħku bih u
ngannawh bil-ħafna wegħdi li għamlulu qabel ir-Referendum u l-Elezzjoni Ġenerali
tal-2003.
Is-sħubija mhux is-sovranità saħħet! Saħħet żgur il-kont tal-bank ta’ dawk li sabu post f’xi istituzzjoni Ewropea.
It-TUC kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea u t-Trattat ta’ Lisbona
ID-DELEGATI
tat-Trade Union Congress (TUC) appoġġjaw b’maġġoranza assoluta proposta biex
isiru protesti madwar l-Ewropa kollha kontra d-deċiżjonijiet li ħadet il-Qorti
tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, għax iqisu dawn id-deċiżjonijiet bħala
attakk fundamentali fuq il-ftehim kollettiv u d-dritt ta’ l-istrajk.
Fl-istess mozzjoni mressqa min Bob Crow, intqal li t-Trattat ta’ Lisbona kien se jkompli jżid l-attakki fuq id-drittijiet tat-trade unions, billi jagħtiu lill-Qorti ta’ l-UE ħafna aktar poteri ġodda.
Id-drittijiet tat-trade unions se jkunu attakkati bl-iskuża tal-“moviment ħieles tal-prodotti, servizzi u ħaddiema fl-UE”.
Fil-2005 id-delegati tat-TUC kienu vvotaw b’maġġoranza assoluta kontra l-Kostituzzjoni ta’ l-UE.
Is-sena l-oħra huma talbu li jsir referendum dwra it-Trattat ta’ Lisbona.
Din is-sena d-delegati reġgħu kkonfermaw l-oppożizzjoni tagħhom kontra dan il-proġett anti-demokratiku ta’ l-UE.
Għalhekk biex jilqgħu għal dan l-attakk fuq il-moviment trejdunjonistiku, qabli li jappoġġjaw dawn il-miżuri:
(1) Dimostrazzjoni u ‘lobby’ tal-membri parlamentari biex iħassru d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-UE;
(2) Dimostrazzjoni ta’ protesta fl-istati membri kollha;
(3) Jiġu faċilitati laqgħat bejn il-membri biex jippromwovu din il-kampanja.
F’pajjiżna ma jingħata l-ebda tagħrif dwar dawn il-ħwejjeġ serji li jolqtu ħażin l-għaqdiet tal-ħaddiema u l-eluf kbar tal-membri tagħhom.
Ebda membru parlamentari ma
tkellem dwar dawn id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-UE fil-każ ta’
* Viking,
* Laval,
* Ruppert u
* Lussemburgu,
li dawwru l-arloġġ lura billi mminaw id-drittijiet tat-trejdunjons b’diversi modi.
Ħadd ma tkellem għax ma jridux lill-poplu Malti jisma ħwejjeġ mhux sbieħ dwar l-UE.
Aħna nerġgħu nappellaw lill-Onor Dr Chris Said, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-informazzjoni,biex jibda jagħti tagħrif lill-poplu dwar id-deċiżjonjijiet li semmejna tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-UE.
Dawn id-deċiżjonjijiet huma aktar importanti għall-eluf ta’ ħaddiema mix-xinxilli tal-fondi ta’ l-UE.
Għandu jagħti tagħrif lill-poplu kemm is-sħubija fil-blokk qiegħda tiswielna aktar mill-fondi li jistgħu jiġu mill-UE sa’ l-2013.
Wara dik is-sena, Alla biss jaf x’se jsir mill-fondi ta’ l-UE, meta pajjiżna ma jibqaxmeqjus li jikkwalifika għal “Objective 1 status”.
FRONTEX: Seħħ dak li bassart!
minn Eddy Privitera
L-ahhar darba li
ġie l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Josè Manuel Barroso, ċempilli Peppi
Azzopardi ta’ “Xarabank” u staqsieni xtaqtx nagħmel mistoqsija lil Barroso.
Qalli wkoll li kien se jkun hemm erbgħa jew ħamsa li jagħmlulu mistoqsijiet.
Jiena aċċettajt.
Lill-President Barroso għidtlu li fl-opinjoni tiegħi l-aġenzija
FRONTEX se
sservi biex aktar immigranti illegali jiġu, flok tnaqqashom, kif kien l-għan
tagħha.
Għidtlu li meta l-‘patrol boats’ tal-FRONTEX kienu se jinterċettaw id-dgħajjes bil-klandestini, ma kinux se jġiegħluhom imorru lura minn fejn telqu.
Kienu se
jtellgħuhom fuq il-‘patrol boats’ u jieħduhom lejn l-eqreb pajjiż.
Għidtlu li nispera li l-eqreb ma tkunx Malta.
B’hekk, l-immigranti illegali kien se
jkollhom aktar ċans li jaslu f’pajjiż tal-UE minn qabel, ladarba l-FRONTEX ma
kellha ebda ftehim li teħodhom lura minn fejn telqu.
Lil Barroso staqsejtu jaqbilx mal-argument tiegħi. Barroso deher xi ftit
imħawwad x’jaqbad jgħid.
Qalli biss li għalhekk hemm bżonn li tinstab soluzzjoni
għal din il-problema diffiċli.
Dak li kont bassart lil Barroso, fil-fatt ġara!
Dan ikkonfermah
l-istess Kap tal-FRONTEX, Illka Laitinen, kif ikkwotat f’ġurnal lokali bl-Ingliż
fit-22 ta’ Settembru.
Laitinen qal li din is-sena daħlu numru rekord ta’
klandestini f’Malta u Lampedusa, għax “żdiedu r-rondi tal-FRONTEX barra Malta u
Lampedusa”.
Minkejja r-rondi, f’dawn l-aħħar tliet snin daħlu f’Malta 6,000 klandestin,
b’2,500 li daħlu s’issa din is-sena biss.
Għalkemm il-Kap Kmandant tal-FAM, il-Brigadier Karm Vassallo, qal li r-rondi
fl-ibħra tagħna saru kważi mill-forzi Maltin biss, hi x’inhi l-verità, jidher
ċar li l-FRONTEX aktar serviet biex tinkoraġixxi ħafna aktar klandestini jitilqu
lejn l-Ewropa mill-Afrika, bit-tama li jinstabu minn xi ‘patrol boat’
tal-FRONTEX u jitwasslu fl-eqreb pajjiż tal-UE, qawwijin u sħaħ, kif hi t-tama
ta’ kull immigrant illegali li jsalpa mill-kosta tal-Afrika ta’ Fuq.
L-Onor. Said ma laqax l-isfida!
Xahar ilu stedint
lis-Segretarju Parlamentari Chris Said biex wara li kien indirizza konferenza
stampa li fiha qagħad isemmi fuq liema proġetti qegħdin jintefqu l-fondi
allokati għal Malta mill-UE, isib il-ħin u jiġbor informazzjoni dwar kemm
qiegħda tiswa lill-poplu Malti s-sħubija fl-UE.
Dakinhar għamiltlu lista ta’ punti li tlabtu jinforma lill-pubbliku dwarhom.
Mhux biħsiebi noqgħod nerġa’ nirrepetihom.
Kull mhu se nagħmel illum, inżidlu
żewġ punti oħrajn ma’ dawk ta’ xahar ilu.
(1) Kemm qed iħallas sussidju l-Gvern għall-qasam tal-agrikoltura (bdiewa,
raħħala, eċċ.) kull sena minħabba s-sħubija fl-UE? Veru li madwar Lm7 miljun
fis-sena? (Għamilthom bil-liri Maltin ħalli jifhimhom kulħadd).
(2) Kemm qed iħallas imgħax fuq id-dejn li l-Gvern qed ikollu jagħmel fuq
il-fondi li suppost jiġu mill-UE għall-proġetti, liema fondi l-Gvern qiegħed
ikollu l-ewwel joħroġhom hu sakemm dawn jaslu mill-UE wara li jitlestew
il-proġetti – li jdumu anke xi snin sakemm jaslu?
Ma tantx għandi tama li l-Onor. Chris Said se jinformana dwar dawn iż-żewġ punti
ukoll, ladarba baqa’ ma qalilna xejn wara xahar sħiħ dwar il-punti l-oħrajn li
semmejtlu.
Minn dan taraw kif jibqgħu jikkonfrontaw il-verità dwar jekk Malta
hiex qiegħda tiggwadanja jew le mis-sħubija fl-UE.
Jistgħu jagħmlu dan għax m’hawnx min lest jikkonfuthom u jitlob fil-Parlament l-informazzjoni li kemm-il darba aħna tas-CNI sfidajna lill-Gvern biex jagħti lill-poplu.
Għaliex
la ġurnalisti u lanqas il-politiċi m’huma lesti jagħmlu dan – li jinsistu li
jingħata rendikont ta’ kemm is-sħubija fl-UE qiegħda tiswa lill-poplu Malti?
Ir-raġuni għal dan is-silenzju hi li l-ġurnalisti u l-politiċi ma jridux li l-poplu
jkun jaf li s-sħubija fl-UE tiswilna ħafna aktar minn kemm qegħdin nieħdu minnha.
Il-Ħamis, 2 ta’ Ottubru, 2008
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju
Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ