MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Il-ħaddiema
tax-Xatt u l-UE
Il-Ħaddiema tax-Xatt għaddejjin mill-inkwiet tort tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Għax is-sħubija fl-UE hija l-kaġun tat-tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tax-Xatt.
Bl-iskuża tar-riformi fil-portijiet, il-Gvern qed iwettaq id-direttivi ta’ l-Unjoni li jfissru li l-ħaddiema tax-Xatt jitilfu ħafna mid-drittijiet u l-benefiċċji li huma kisbu matul l-aħħar 50 sena.
Dawk li huma favur is-sħubija fl-Unjoni, allavolja din hija ta’ ħsara għall-ħaddiema, qegħdin jagħmlu minn kollox ħalli jaljenaw lill-ħaddiema tax-Xatt u jnessuhom li t-tibdiliet għall-agħar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol huma kollha tort tal-politika u d-direttivi ta’ l-Unjoni.
Minflok kontra l-UE, il-ħaddiema qegħdin jiġu mġiegħla jeħduha kontra l-mexxejja tat-trejdjunjin tagħhom, minkejja li dawn ma jaħtu xejn għall-għawġ li l-ħaddiema qegħdin ikollhom jiffaċċjaw.
Il-propagandisti ta’ l-UE mhux biss qegħdin jirnexxielhom ma jħallux lill-ħaddiema tax-Xatt jintebħu li l-gwaj kollu tagħhom ġej mis-sħubija fl-Unjoni, iżda wkoll qegħdin jirnexxielhom idagħjfu l-għaqda tal-ħaddiema u ta’ l-unjin tagħhom.
B’hekk il-ħaddiema tax-Xatt ma jkunux b’saħħithom biżżejjed biex jiġġieldu ħalli ma jitnaqqsulhomx id-drittijiet u l-benefiċċji li huma kisbu fl-imgħddi.
Il-ħaddiema tax-Xatt imisshom jintebħu bil-qerq tal-propagandisti ta’ l-UE li qegħdin jingannawhom.
Dawn mhux biss iridu jnaqqsulhom mid-drittijiet u l-benefiċċji li qegħdin igawdu sa llum, talli wkoll iridu jdgħajfu lill-ħaddiema ħalli ma jkunux aktar b’saħħithom biex jieqfu kontra t-telfien ta’ drittijiet u benefiċċji aktar ’l quddiem.
Din il-ħidma qiegħda sseħħ billi l-ħaddiema tax-Xatt qegħdin jitkesksu kontra l-mexxejja tat-trejdjunjin tagħhom biex joftmuhom minnha.
U qiegħda sseħħ minn min ħadem favur is-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni u għaldaqstant għandu sehem kbir mit-tort tal-gwaj kollu li l-ħaddiema tax-Xatt għaddejjin minnu.
L-istess diskors għandu jingħad għal dak li ġarrbu l-ħaddiema tal-kumpanija Sea Malta.
Tkesksu kontra l-mexxejja responsabbli għat-telfien tax-xogħol tagħhom.
Anki fil-każ tal-kumpanija Air Malta. Il-ħaddiema u l-impjegati tagħha tnaqqsulhom il-benefiċċji u dan kien kollu tort tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE.
Huwa għajb li din il-ħsara kollha qiegħda tiġri lill-ħaddiema ta’ pajjiżna.
Iżda huwa għajb akbar li l-ħaddiema qegħdin ikunu ingannati, tant li ma jindunawx min huma ħatja tal-ħsara li qiegħda ssirilhom u minflok, qegħdin jħottu l-għaqda ta’ bejniethom u jiċħdu lill-mexxejja tat-trejdjunjin tagħhom li permezz tagħha l-ħaddiema kien irnexxielhom jiksbu l-benefiċċji u d-drittijiet tagħhom.
Is-saħna tat-taqtiegħa ma tħallix lill-ħaddiema jirriflettu u jiflu sewwa x‘inhu jiġri.
Iżda kull ħaddiem għandu f’xi mument jew ieħor jintebah li qed jiġi ngannat.
Jirrealizza li l-kaġun ta’ l-inkwiet huwa t-tibdil li l-Gvern irid jagħmel fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
U li dan it-tibdil ġej mid-direttivi ta’ l-UE u mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE.
Kull ħaddiem għandu jsib li dawk li ħadmu favur is-sħubija, jaħtu ta’ dak li qed jiġri llum.
Għandu jifhem li dawn illum qegħdin jgħinu lill-Gvern idgħajjef is-saħħa tal-ħaddiema ħalli jimponi t-tibdil kollu li l-UE trid li jsir.
Fil-każ tal-ħaddiema tax-Xatt, dawn għandhom jiftakru li erbat ijiem ilu l-Gvern ċaħħadhom milli jkollhom sehem fil-kumpanija li tħaddem il-merkanzija fil-Port il-Kbir, meta ma aċċettax l-offerta tal-kumpanija li fiha l-ħaddiema tax-Xatt u l-GWU kellhom l-istima.
Dawk li llum qegħdin ikesksu lill-ħaddiema, taw l-appoġġ tagħhom lis-sidien li għandhom sehem fil-kumpanija li ngħatat l-monoplju tax-xogħol tal-Port il-Kbir u mhux lill-ħaddiema tax-Xatt.
L-industrija
tal-manifattura u tat-turiżmu u l-UE
Il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea fl-oqsma ekonomiċi u soċjali, li l-Gvern Malti jkollu bilfors iwettaq, qiegħda tagħmel ħerba mill-industrija tal-manifattura u jtellef l-impjieg ta’ ħafna ħaddiema.
L-aħħar aħbar ta’ l-għeluq tal-fabbrika tal-Menrad u t-tmiem ta’ l-impjieg ta’ 120 ħaddiem, ifakkarna fl-għeluq ftit taż-żmien ilu tal-fabbrika tad-Denim u t-telfien ta’ l-impjieg ta’ 700 haddiem, kif ukoll f’għadd ta’ fabbriki oħrajn li kellhom jagħlqu fl-aħħar sentejn minn mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern Malti ma jista’ jagħmel xejn biex iwaqqaf il-ħerba fl-impjiegi f’pajjiżna, sakemm jibqa’ marbut bil-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li ma tħallihx jagħti l-għajnuna meħtieġa biex nevitaw il-qgħad f’pajjiżna.
Dan huwa fatt ikrah ħafna għal pajjiżna u l-Gvern Malti jagħmel minn kollox biex ma jsemmuħx, halli l-poplu tagħna ma jkomplix jiftah għajnejh għall-hsara enormi li s-sħubija fl-Unjoni qiegħda tagħmlilna.
Il-ġurnalisti u x-xandara Maltin huma komplici mal-politiċi Maltin fil-konġura tal-ħabi mill-poplu tal-fatt tat-telfien ta’ l-impjiegi f’Malta ikkaġunati mill-politika ta’ l-Unjoni Ewropea.
Mhux biss l-industrija tal-manifattura qiegħda titħarbat b’konsegwenza tas-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, iżda anki l-industrija tat-turiżmu.
Iż-żieda fl-ispejjeż kkaġunati mid-direttivi ta’ l-Unjoni qiegħda tagħmel lil pajjiżna inqas kompetittiv u qiegħda tnaffar lit-turisti milli jiġu f’pajjiżna.
Qabel ir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni, kienu jgħidulna li l-industrija tat-turiżmu tikber jekk nissieħbu fl-Unjoni.
Isseħibna fl-Unjoni u t-turisti minflok żdiedu, naqsu, fil-waqt li pajjiżi oħrajn li m’humiex fl-Unjoni, bħat-Tunezija, żdiedu fit-turisti u dan minkejja li m’għandhomx il-munita ta’ l-Ewro u minkejja l-ħtieġa tal-passaport u tal-visa.
Il-Ministru tat-Turiżmu xi ġranet ilu tkellem dwar il-miżuri li se jittieħdu ħalli l-industrija tat-turiżmu terġa’ tirpilja.
Iżda l-Ministru saħaq li dawn il-miżuri jridu jkunu skond d-direttivi u l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ifisser li l-Gvern huwa mxekkel x’miżuri jista’ jieħu biex iqajjem l-industrija tat-turiżmu għax l-Unjoni Ewropea ma tħallihx jaddotta miżuri li jgħinu biex pajjiżna ikun aktar kompetittiv jekk il-miżuri ma jħallux mhux imtiefsa l-kompetizzjoni fis-suq turistiku ma’ pajjiżi oħrajn.
Fi kliem ieħor is-sħubija fl-Unjoni Ewropea timponi ħafna restrizzjonijiet fuqna li pajjiżi oħrajn mhux fl-Unjoni, bħat-Tuneżija, m’humiex suġġetti għalihom.
Imissna nifhmu li aktar ma pajjiżna jsir bħall-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-Unjoni Ewropea, inqas ikun attraenti għat-turisti li ġejjin mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Hawn ifittxu ħwejjeġ li għandhom f’pajjiżhom.
Għalhekk aktar ma nkunu differenti mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea, aktar inkunu nistgħu niġbdu lejn turisti mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni.
Billi l-munita tagħna ma tkunx l-Ewro, m’aħniex se nnaffru lit-turisti ta’ l-Unjoni Ewropea li jiġu Malta.
U billi naqilbu għall-Ewro mhux se nħajru aktar turisti mill-pajjiż ta’ l-Unjoni jiġu f’pajjiżna.
L-industrija tal-manifattura u l-industrija tat-turiżmu kienu żewġ pilastri li fuqhom bnejna il-ġid ta’ pajjiżna.
Issa ż-żewġ industriji qegħdin jitharbtu minħabba s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.
Narawhom jitħarbtu u ma nistgħu nagħmlu xejn għax idejna huma marbutin bid-direttivi u l-politika ta’ l-Unjoni.
U l-politiċi Maltin m’għandhomx id-diċenza li jgħidu dan lill-poplu Malti għax ma jridux li aktar u aktar mill-poplu jintebah x’iżball għamilna meta sseħibna fl-Unjoni.
Biex iż-żewġ industriji ma jibqgħux sejrin lura, rridu ninħallu mid-direttivi u l-politika ta’ l-Unjoni Ewropea ħalli nkunu nistgħu nadottaw il-miżuri kollha li huma meħtieġa biex ngħinu liż-żewġ industriji u lill-ħaddiema tagħhom.
L-immigranti
illegali u l-UE
Il-poplu Malti xeba’ jisma’ li se jsiru laqgħat sabiex tiġi mitħaddta l-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna u sadanittant in-numru ta’ immigranti illegali dejjem jiżdied.
Din il-kwistjoni qbadniha ħażin mill-ewwel meta aċċettajna li noqogħdu għad-direttivi ta’ l-UE dwar l-immigranti.
Għax fil-waqt li fil-każ tal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-UE l-immigranti illegali jridu jmorru fihom, fil-każ ta’ Malta dawn ma riedux jiġu f’Malta u sabu ruħhom f’Malta minħabba ċirkostanzi li ma kellhomx kontroll fuqhom.
Dan ifisser li huma ma ġewx Malta illegalment, iżda sabu ruħhom f’Malta aċċidentalment.
Għaldaqstant il-liġijiet ta’
l-UE li japplikaw għall-immigranti illegali li jmorru fi Sqallija,
fl-Italja u fi Spanja, ma għandniex napplikawhom għall-immigranti
illegali li jsibu ruġhom aċċidentalment f’Malta.
L-immigranti illegali fl-Italja u fi Spanja jridu li joqogħdu hemm.
Fil-każ ta’ Malta, ma jridux li joqogħdu hawn. Għalhekk ma għandniex nittrattawhom l-istess bhal ma t-Taljani u l-Ispanjoli jittrattawhom.
Ma għandniex inkunu marbutin li nittrattawhom skond id-direttivi u l-politika ta’ l-UE dwar l-immigrazzjoni illegali ghall-Unjoni, la darba l-immigranti jkunu hawn biss “in transit”.
Għamilna żball meta aċċettajna li l-immigranti illegali li jsibu ruħhom aċċidentalment f’Malta fi triqthom lejn il-pajjiżi ta‘ l-Ewropa, huma problema tagħna u mhux tal-pajjiżi fejn kienu sejrin lejhom.
Jekk l-immigranti riedu jmorru Sqallija, ma jmissniex inwaqqfuhom li jmorru hemm.
Jekk imbagħad it-Taljani ma jridux li aħna nħallu lill-immigranti jmorru lejn Sqallija, it-Taljani jridu jerfgħu l-piż ta’ dawk l-immigranti li nżommu f’pajjiżna u ma nhallux imorru lejn Sqallija.
Issa tħabbar li se ssir laqgħa bejn Malta, l-Italja u l-Libja dwar l-immigranti illegali.
Sejrin nerġgħu niżbaljaw li mmorru nitħaddtu mal-Libjani bl-istess mod li t-Taljani jitħaddtu magħhom dwar l-immigranti illegali.
Id-diskors tagħna ghandu jkun differenti minn dak tat-Taljani għax filwaqt li l-immigranti illegali jridu jmorru l-Italja jew Sqallija biex joqogħdu hemm, mhux l-istess fil-każ tagħhom f’Malta.
Il-Libjani jistgħu lit-Taljani jgħidulhom li huma mhu se jagħmlu xejn biex l-immigranti li jridu jmorru l-Italja, iwaqqfuhom milli jagħmlu dan.
Jew jistgħu
jitolbu mingħand it-Taljani xi kontro-partita biex ma jħallux
lill-immigranti jitilqu mil-Libja għall-Italja, jew biex jaċċettaw
li jeħduhom lura jekk it-Taljani jibagħtuhom lura l-Libja.
Lil Malta l-Libja mhux se tittrattaha l-istess bħal ma tittratta lill-Italja għal ħafna raġunijiet, fosthom għax taf li Malta qiegħda ssib ruħha intortament b’ħafna immigranti illegali li lanqas iridu joqogħdu f’Malta.
Minbarra dan, in-numru ta’ immigranti illegali li jsibu ruħhom f’Malta huwa ħafna iżgħar minn dak li għandhom Sqallija u l-Italja.
Għalhekk jekk il-Libja mhix lesta tittratta ma’ l-Italja dwar l-eluf kbar ta’ immigranti illegali li jmorru hemm, il-Libja tkun lesta ġġib ruħha differenti ma’ Malta dwar il-ftit mijiet ta’ immigranti li jaslu hawn.
Fil-laqgħa bejn Malta, l-Italja u l-Libja, ma nistennewx li l-Libjani jitkellmu magħna differenti milli jitkellmu mat-Taljani.
Iżda jekk Malta tittratta mal-Libja waħeda u mhux flimkien mal-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-UE, il-Libjani jkunu jistgħu jitħaddtu magħna b’mod differenti milli jitħaddtu ma’ l-UE.
Wara kollox irridu nifhmu li l-eluf li jitilqu mix-xtut tal-Libja, jinsabu fil-Libja bħala immigranti, u ħafna minnhom, jinsabu fil-Libja fi triqthom lejn l-Ewropa.
Hu għalhekk
fl-interess tal-Libja li tħallihom imorru lejn l-Ewropa li għandha bżonn
l-immigranti u għalkemm l-UE turi li hija mħassba dwar il-kwistjoni
ta’ l-immigranti illegali, fil-fatt ħafna fl-UE huma kuntenti bihom u
jisfruttawhom, iżda ma jridux juru li jriduhom.
Is-Sibt, 2 ta’ Settembru, 2006.
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ