MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Manuvri biex l-Ewro ma tidhirx li tgħolli l-prezzijiet

 

Konna wissejnikom x’se jiġri biex meta tidħol l-Ewro bħala l-munita uffiċjali ta’ pajjiżna fl-1 ta’ Jannar, 2008, jidher li ma jkunx hemm żieda fil-prezzijiet minħabba d-dħul ta’ l-Ewro. 

 

Konna wissejnikom kemm f’din il-paġna kif ukoll fil-programmi tas-CNI fuq Smash TV, li se jkun hemm min iżid il-prezzijiet matul din is-sena ħalli meta tidħol l-Ewro f’Jannar li ġej, ma jkollux għaliex jgħolli l-prezzijiet għax diġà jkun għollihom u b’hekk il-propagandisti ta’ l-Unjoni Ewropea jidhru li kellhom raġun jgħidu li l-Ewro mhux se tgħolli l-prezzijiet.

Ħalli nsemmilkom eżempju wieħed li aħna stess esperjenzajna ta’ din iż-żieda issa minħabba d-dħul ta’ l-Ewro s-sena d-dieħla. 

 

Mela f’kafetterija u ristorant fil-Belt, il-prezzijiet ta’ diversi ikliet u ‘snacks’ kienu ta’ Lm1 biss. 

 

Hekk kif daħal Lulju u allura l-prezzijiet kellhom jibdew jidhru kemm bil-Lira Maltija, kif ukoll bl-Ewro, dawn il-prezzijiet inbidlu għal Lm1.10 – żieda ta’ għaxra fil-mija.

Kieku l-prezzijiet baqgħu ma għolewx, il-prezzijiet ta’ dawn l-ikliet u ‘snacks’ kienu jkunu żewġ Ewro u 33 ċenteżmi – (Lm1). 

 

Iżda biż-żieda ta’ 10 ċenteżmi, il-prezz bl-Ewro sar żewġ Ewro u 50 ċenteżmu għad-dritt (proprjament żewġ Ewro u 55 ċenteżmu).

Smajna u qrajna eżempji oħrajn ferm aktar gravi minn hekk. 

 

Diġà konna nnotajna x’qal segretarju ta’ trejd unjin dwar l-għoli sfrenat ta’ ċerti mediċini li għolew b’40 fil-mija f’perjodu qasir ta’ ħames ġimgħat. 

 

Żgur li dawn mhux se jkollhom bżonn li jiżdiedu fil-prezz meta tidħol l-Ewro!

 

Però tajjeb li wkoll tkunu tafu bil-manuvri li qegħdin isiru biex għall-ewwel ftit xhur li tkun daħlet l-Ewro, il-prezzijiet u t-tariffi ta’ ċerti professjonisti bħat-tobba u l-avukati, ma jogħlewx wara l-1 ta’ Jannar 2008.

 

Però dan biss għall-ewwel ftit xhur – naturalment sakemm tgħaddi l-elezzjoni!

Ilna x-xhur li żvelajna kif il-kumitat inkarigat bid-dħul ta’ l- Ewro kien qed jiltaqa’ fis-skiet mal-Kamra ta’ l-Avukati biex iħeġġu lill-avukati ma jżidux it-tariffi tagħhom f’Jannar li ġej. 

 

 

Issa qrajna f’ġurnal ta’ kuljum bl-Ingliż, li huwa forċina numru wieħed ta’ l-Unjoni Ewropea, li l-Prim Ministru (probabbilment bl-għajnuna tas-Segretarju Parlamentari tal-Finanzi) qed ikollu taħditiet fis-skiet fil-Palazz ta’ l-Inkwiżitur fil-Girgenti, “biex jipperswadi negozjanti ewlenin f’pajjiżna ħalli dawn jintrabtu li ma jgħollux il-prezzijiet għal ċertu perjodu ta’ żmien”.

Naħsbu li sirna nafu kemm hu twil dan il-perjodu ta’ żmien minn dak li qrajna fil-ġurnal Euro Times li toħroġ darba fix-xahar. 

 

Qrajna li l-Island Hotels Group iddeċidew li ma jgħollux il-prezzijiet fil-lukandi tagħhom sa April 2008.

 

Għandna għaliex nifhmu li din id-data hija d-data li l-Prim Ministru qiegħed jitlobhom bil-ħniena biex sa dakinhar ma jgħollux il-prezzijiet ta’ l-istabilimenti u n-negozji tagħhom. 

 

Mela jidher ħaġa ċerta li l-elezzjoni se ssir mhux aktar tard minn April li ġej.

 

Din hija prova oħra li m’hemm xejn illegali jekk negozjanti u professjonisti u ‘self-employed’ oħrajn fil-fatt jgħollu l-prezzijiet u t-tariffi tagħhom, kemm qabel kif ukoll wara d-dħul ta’ l-Ewro. 

 

Naturalment, dawk in-negozjanti li jridu jgħinu lill-Gvern, qegħdin jgħollu l-prezzijiet issa biex ma jgħolluhomx meta tidħol l-Ewro. 

 

Jekk se jistennew sa April ta’ l-2008, se jistennew sakemm tgħaddi l-elezzjoni. 

 

Imbagħad jgħollu l-prezzijiet kemm iridu. 

 

Huma jkunu għenu lill-Gvern fil-kampanja elettorali billi l-prezzijiet “ma jogħlewx” bid-dħul ta’ l-Ewro.

Sewwa jgħidu li dawn in-nies anke lix-xitan jgħaddu minn għajn il-labra!

 

Telfien ta’ impjiegi tort tas-sħubija fl-UE

 

Fil-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali, bħal f’ħafna kwistjonijiet oħrajn, il-qagħda reali qiegħda tinħeba lill-pubbliku.

Skond tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari, mill-2002 ’l hawn, 6,625 immigranti illegali ħarġu miċ-ċentru ta’ detenzjoni li għandna f’pajjiżna.

Il-Professur Henry Frendo, madwar xahar ilu, kiteb li minn mindu ntbagħtu lura l-immigranti illegali ta’ l-Eritrea snin ilu, ma ntbagħtux minn Malta lura lejn pajjiżhom immigranti illegali.

Għalhekk in-numru ta’ immigranti illegali li hawn f’pajjiżna huwa bosta eluf, ħafna aktar minn dawk it-3,000 li l-Ministru Cristina semmiet lill-korrispondenta ta’ l-EU Observer. 

 

Skond tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari oħra, kull immigrant illegali iqum lill-Kaxxa ta’ Malta madwar Lm13 kuljum, li jammontaw għal Lm4,745 fis-sena.

Anke jekk nieħdu li hawn biss it-3,000 immigranti illegali msemmijin lill-korrispondenta ta’ l-EU Observer, l-ispiża tagħhom għall-Kaxxa ta’ Malta (mit-taxxi tal-poplu) tlaħħaq għal Lm14,235,000 fis-sena. 

 

(Jekk hawn elf aktar mit-3,000 imsemmija, l-ispiża tiżdied b’Lm4,745,000 fis-sena).

 

Hija ħaġa ċara ħafna li mhux sewwa li l-poplu Malti qiegħed iġorr dan il-piż finanzjarju, barra l-ħafna konsegwenzi soċjali, tort tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Jekk pajjiżna ma jkunx fl-Unjoni, ma jkunx hemm inċentivi biex l-immigranti illegali jiġu Malta u fl-istess ħin, ma nkunux aktar marbutin bir-regolamenti ta’ l-Unjoni li jkollna nżommu f’pajjiżna l-immigranti illegali li nsalvaw mill-għarqa jew li jiġu f’pajjiżna.

Skond tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari oħra, talbiet minn immigranti illegali li hawn f’pajjiżna biex jitħallew jinġibu wkoll f’pajjiżna membri tal-familja tagħhom, qegħdin jiġu kkonsidrati u aċċettati. 

 

Dan qed isir skond id-direttivi ta’ l-UE.

Ħafna mill-immigranti illegali f’pajjiżna qegħdin jingħataw xogħol flok ħaddiema Maltin. 

 

Mal-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali li jingħataw xogħol f’pajjiżna, irridu nikkonsidraw ukoll il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin mill-UE li jiġu jaħdmu f’pajjiżna flok ħaddiema Maltin. 

 

Skond tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari, minn mindu sseħibna fl-UE ġew jaħdmu f’pajjiżna 5,000 ħaddiem barrani. 

 

Dawn bħall-immigranti illegali qegħdin jieħdu l-ħobż tal-ħaddiema Maltin. 

 

U fiż-żewġ każijiet, taħti għal dan is-sħubija tagħna fl-UE.

Bis-sħubija fl-Unjoni, il-ħaddiema Maltin tilfu doppjament. 

 

Tilfu l-impjieg bil-fabbriki li għalqu u tilfu l-impjieg li ttieħed mill-ħaddiema barranin ta’ l-Unjoni u l-immigranti illegali.

 

Politika ċara dwar l-immigrazzjoni illegali

 

Dwar l-immigrazzjoni illegali l-UE m’għandhiex politika ċara u li tħares id-dinjità ta’ l-immigranti. 

 

Fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali se jiġri bħalma ġara fil-ġlieda kontra d-droga. 

 

Se tintilef bħalma ntilfet il-ġlieda kontra d-droga. 

 

Dan għax l-UE m’għarfitx tattakka l-qofol taż-żewġ kwistjonijiet.

Fil-każ tad-droga, biex tintrebaħ il-ġlieda, iridu l-ewwel jinqerdu t-traffikanti billi n-negozju tad-droga ma jibqax aktar sors ta’ qligħ kbir ta’ flus. 

 

Il-gvernijiet iridu jieħdu f’idejhom id-droga mhux jipprovaw jipprojbixxuha.

L-istess ħaġa jrid isir fil-każ ta’ l-immigrazzjoni illegali. 

 

Għax il-mewġ ta’ l-immigranti illegali qed jitqajjem min-negozjanti kriminali li jipprovdu l-bċejjeċ tal-baħar u jbiegħu l-passaġġ lill-eluf li lesti jħallsu ġidhom ħalli jmorru jgħixu u jaħdmu fil-pajjiżi Ewropej.

 

Jekk issir regola li kull min jinstab illegalment fil-pajjiż, dejjem jintbagħat lura minn fejn ġie, ħadd aktar ma jkun lest li jħallas ammont kbir ta’ flus għall-passaġġ għal xejn, għax ikun ċert li se jintbagħat lura. 

 

B’hekk jinqata’ n-negozju tat-traffikanti kriminali ta’ l-immigranti illegali.


Għalhekk fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali hemm bżonn li titħaddem politika li tiżgura li kull immigrant illegali ma jinżammx fil-pajjiż u jintbagħat lura, jkunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi tiegħu.

Qed isir żball oħxon li l-kwistjoni ta’ l-immigranti illegali titħallat mal-problema tar-refuġjati, mentri għandhom jingħataw trattament differenti u separat minn xulxin.

Dejjem jibqgħalna d-dmir li nagħmlu li nistgħu biex insalvaw lil min ikun fil-periklu li jegħreq u nitmawh, nikkurawh u nlibbsuh. 

 

Iżda wara dan, jekk ikun immigranti illegali, nirritornawh minn fejn ġie.

 

Il-kompetizzjoni ħielsa għandha titrażżan

 

Waqt li l-politiċi Maltin huma lesti joqogħdu għall-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-kummerċ ħieles anke meta dan ma jkunx ta’ ġid għal pajjiżna, il-President ġdid ta’ Franza, Nicolas Sarkozy, mhux lest iħalli lil Franza toqgħod għal dan, jekk ma jkunx jaqblilha.

F’diskors li għamel ftit taż-żmien ilu fil-fiera ta‘ l-ajruplani f’Le Bourget, Sarkozy iddikjara li ma jaqbilx ma’ l-ideoloġija li tagħmel il-kompetizzjoni ħielsa prinċipju assolut tal-kummerċ.

Sarkozy saħaq li pajjiż għandu jara li jikseb reċiproċità fil-kummerċ u jekk pajjiż barrani jrid li s-suq Franċiż ikun miftuh għall-prodotti tiegħu, il-pajjiż barrani jrid jara li s-suq tiegħu jkun miftuh l-istess għall-prodotti Franċiżi. 

 

Il-President Franċiż qal li Franza tneħħi d-dazji fuq il-prodotti Franċiżi.

 

Dak li jrid Sarkozy jixbah lil dak li ried Mintoff għal Malta 20 sena ilu – ir-reċiproċità fil-kummerċ, jiġifieri, li aħna nixtru minn Franza kemm il-darba Franza tixtri minn għandna. 

 

Il-kundizzjoni tar-reċiproċità fil-kummerċ ma taqbilx mal-prinċipju tal-kummerċ ħieles li trid l-Unjoni Ewropea bejn il-pajjiżi membri tagħha. 

 

Għalhekk l-Unjoni ġegħlet lil pajjiżna jneħħi l-miżuri kollha ta’ protezzjoni (dazji, tariffi u kwoti) fuq l-importazzjoni mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni u mingħajr ma rreġistrajna żieda fl-esportazzjoni, kabbarna bil-bosta l-importazzjoni.

Kienu jgħidulna li se jaqblilna nkunu parti mis-suq kbir ta’ l-Unjoni għax inżidu l-bejgħ tagħna. 

 

Issa spiċċajna li ma ksibna xejn mis-suq kbir ta‘ l-Unjoni u tlifna biċċa sewwa mis-suq tagħna favur iż-żieda fl-importazzjoni tal-prodotti barranin. 

 

Ma qablilniex bis-sħubija fl-Unjoni. 

 

Ma qablilniex mhux biss fil-kummerċ, iżda lanqas fil-qasam ta’ l-industrija.

Għax il-politika industrijali ta‘ l-Unjoni Ewropea swiet biex iżżarmalna ħafna fabbriki f’pajjiżna. 

 

Issa anki l-President ġdid ta’ Franza ntebaħ li l-politika industrijali ta’ l-Unjoni hija ta’ ħsara wkoll għall-industrija tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni.

 

F’laqgħa li saret ftit tal-ġranet ilu dwar il-kumpanija li tagħmel l-Airbus f’Toulouse, Sarkozy insista li l-Unjoni Ewropea għandha tirrevedi l-politika industrijali tagħha ħalli tkun tista’ tikkompeti ma’ l-industrija ta’ l-Istati Uniti u taċ-Ċina. 

 

Huwa qal li l-kompetizzjoni ħielsa għandha titħaddem fil-qafas ta’ politika li tkabbar il-qasam industrijali, mhux li titfgħu lura.

Franza, minkejja li l-Unjoni Ewropea ma taċċettax li l-Istat jagħti għajnuna lill-kumpaniji kummerċjali mhijiex lesta li tieqaf milli tgħin kemm hemm bżonn lil ċerti industriji kbar, bħal dik li tiġġenera l-elettriku, tal-produzzjoni tal-ferroviji u tal-produzzjoni ta’ l-ajruplani u lanqas ma trid tgħaddihom għal kollox lis-settur privat.

Il-politiċi Maltin għandhom jieħdu lezzjoni mill-Franċiżi.

 

Il-Ħamis, 2 ta' Awissu, 2007.

<< Lura << 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ