MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA.
Ir-rikatt tal-Gvern dwar il-Kostituzzjoni Ewropea
IL-GVERN qiegħed jirrikatta l-Oppożizzjoni Laburista fuq il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern qiegħed jagħmel dan ir-rikatt billi jixli lil-Oppozizzjoni li mhux veru aċċettat ir-rieda tal-maġġoranza li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet ivvotat favur is-sħubija ta' Malta fl-UE, jekk l-Oppożizzjoni ma tivvotax mal-Gvern favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, meta din titressaq fil-Parlament f'Lulju li ġej.
Minflok jilqgħu l-isfida sfaċċata tal-Gvern li qarraq bil-poplu Malti dwar il-ftehim infami li għamel ma' l-UE, x'uħud mill-Membri Parlamentari ta' l-Oppożizzjoni jidhru li lesti jċedu quddiem dan ir-rikatt tan-Nazzjonalisti.
Jekk jaslu biex jagħmlu hekk, ikunu wrew li huma dgħajfa u bezziegħa.
Min-naħa l-oħra, jekk ma jaqgħux għar-rikatt tan-Nazzjonalisti, huma jagħtu prova li għandhom il-kuraġġ li jiddefendu l-konvinzjonijiet tagħhom.
Fuq kollox, il-Membri Parlamentari Laburisti juru li m'humiex lesti jiksru l-ġurament li ħadu ta' lealta` għall-Kostituzzjoni Maltija.
Bejn id-dgħjufija ta' min iċedi għar-rikatt u l-kuraġġ ta' min ma jibżax mir-rikatt, il-maġġoranza tal-poplu u żgur il-Laburisti kollha, jistmaw lil min ma jċedix u jistmerru lil min iċedi.
Dawk ta' l-ewwel juru li għandhom karattru, filwaqt li l-oħrajn tat-tieni juru li huma biss opportunisti.
Tajjeb li nżommu f'moħħna x'hemm fin-nofs tal-kwistjoni tar-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE. M'hemmx fin-nofs il-kwistjoni tas-sħubija ta' l-Unjoni.
Jekk il-Kostituzzjoni ġdida ma tiġix ratifikata minn xi pajjiż membru, l-Unjoni Ewropea tibqa' dik li hija llum.
Il-pajjiżi membri jibqgħu msieħba fl-Unjoni kif huma msieħba llum.
Dan jgħodd għal kull pajjiż membru, inkluża Malta.
Il-kwistjoni hija jekk irridux li l-Unjoni Ewropea tal-lum tinbidel kif il-Kostituzzjoni ġdida se tibdilha, u jekk l-Unjoni Ewropea għandhiex tingħata s-setgħat ġodda fuq il-pajjiżi membri li l-Kostituzzjoni ġdida se tagħti lill-Unjoni.
Aktar milli naraw x'titjib jista' jkun hemm fl-Unjoni jekk tidħol fis-seħħ, aħjar naraw il-ħsara li din il-Kostituzzjoni tista' tikkaġulnalna u l-iżvantaġġi tagħha.
Fil-każ tagħna, il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE tagħmlilna ħsara kbira.
L-ewwel ħsara kbira li tagħmlilna hija li ġġib fix-xejn il-Kostituzzjoni ta' pajjiżna.
Dan tagħmlu billi ssostni li l-liġijiet li l-Unjoni tagħmel, huma aqwa u fuq x'tgħid il-Kostituzzjoni ta' Malta.
Bil-maqlub ta' dak li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE ssostni, il-Kostituzzjoni ta' Malta tgħid li hija l-aqwa liġi f'Malta, u kull liġi f'Malta li ma taqbilx magħha, ma tkunx tgħodd fejn ma taqbilx.
Lesti l-Laburisti jittradixxu dan il-prinċipju?
L-Ispanjoli mhux favur il-Kostituzzjoni
MINKEJJA l-propaganda enormi li l-Gvern u l-partiti ta' l-Oppożizzjoni fi Spanja għamlu biex jikkonvinċu lill-votanti jmorru jivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, kienu biss 424 minn kull elf Spanjol li marru jivvotaw.
Minn dawn it-42.4%, 17% ivvotaw LE, 6% tefgħu l-vot vojt, waqt li 77% ivvotaw iva.
Jiġifieri, 326 biss minn kull elf viotant ivvotaw favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE.
Dan ifisser li 674 minn kull 1,000 Spanjol ma vvotawx favur il-Kostituzzjoni ġdida, minkejja li marru jitolbuhom jivvotaw favuriha kemm il-President Franciż Chirac, kif ukoll il-Kanċillier Ġermaniż Schroeder.
Issa Spanja hija meqjusa l-aktar pajjiż entużjasta dwar l-Unjoni Ewropea.
Għalhekk l-UE riedet li l-ewwel referendum jinżamm fi Spanja, bit-tama li jkun hemm vot massiċċ ta' iva, biex jinfluwenza l-votanti fir-referenda oħrajn f'pajjiżi oħrajn.
Ġara iżda bil-maqlub li ttamat l-UE.
Minkejja l-propaganda qawwija li
saret, xorta waħda l-votazzjoni kienet baxxa ħafna.
Fil-kampanja ta' propaganda hadu sehem personalitajiet magħrufin, inklużi kantanti jaqraw bċejjeċ mill-Kostituzzjoni, players kbar tal-football, leaflets jitqassmu waqt il-logħbiet, banners kbar, u birra bl-isem Referendum titqassam b'xejn fit-toroq.
Dak li ġara fi Spanja kien xokk għall-Unjoni Ewropea.
Minkejja li sar ftaħir fil-pubbliku li l-vot iva kien suċċess, bejn l-erba' ħitan tal-Kummissjoni Ewropea ammettew li kien fjask
Anki wiċċ il-President tal-kummissjoni, Manuel Barroso, deher imqanżaħ, u l-viċi-President, Margot Wallstrom, stqarret li r-riżultat tal-votazzjoni fi Spanja jixhed li l-poplu ma jħosshiex il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni.
Jekk kien daqstant diffiċli biex jikkonvinċu lill-poplu Spanjol biex imur jivvota favur il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE, kemm se jkun aktar diffiċli biex jikkonvinċu popli oħrajn li m'humniex favur l-Unjoni Ewropea daqs l-Ispanjoli, biex joħorġu jivvotaw għall-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE?
Fil-fatt, korrispondent tal-BBC minn Madrid, fisser dan l-ewwel referendum bħala l-ewwel żelqa tal-Kostituzzjoni Ewropea.
Ir-razziżmu ta' l-Unjoni Ewropea
DAN l-aħħar Maltija marret Pariġi u ħassitha kburija li kienet Maltija, issa li Malta saret biċċa mill-Unjoni Ewropea.
Hekk ftaħret fi programm televiżiv professjonista għarfa meta kienet qiegħda titkellem kontra r-razziżmu. Lanqas intebħet kemm kienet razzista f'dak li qalet.
Qalet li ħassitha aktar Maltija għax sirna parti mill-Ewropa.
Qalet li ħassitha kburija għax issa qegħdin nieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li l-Ewropa tieħu.
Ftaħret li dan kollu seħħ għax issa sseħibna fl-Unjoni Ewropea.
Din il-professjonista li tippretendiha ħafna, mingħaliha li ggustawha b'dak li ftaħret.
Ma tafx li tkażaw bit-tkessieh u l-istupitaġni tagħha, dawk li semgħuha tippapra fuq it-televizjoni.
U lanqas intebħet kemm għadruha bħala meskina u vojta l-Franciżi li magħhom f'Pariġi esklamat l-istess diskors li qalet fil-programm televiżiv tal-PBS.
Meta niflu dan il-kliem ta' din il-Maltija li marret Pariġi, naraw kemm huwa falz u żbaljat.
M'għandniex inkunu kburin bħala Maltin għax issieħibna fl-Unjoni Ewropea.
L-Unjoni trid taħkem il-pajjiżi kollha ta' l-Ewropa.
Tlifna, mhux irbaħna, bis-sħubija.
Tlifna l-indipendenza, il-ħelsien u s-sovranita`.
Tlaqna rajna f'idejn il-barranin.
Qabel ma sseħibna fl-UE, konna kapaċi nimxu waħidna fuq saqajna.
Issa li sseħibna, nitmexxew għarkubbtejna.
Jekk f'dawn il-ħwejjeġ hemm lok għall-kburija, għandhom iħossuhom kburin dawk il-popli li żammew l-indipendenza u s-sovranita` tagħhom, bħalma għamlu l-Isvizzeri u n-Norveġiżi, u mhux il-popli l-oħrajn ta' l-Ewropa li ċedew l-indipendenza u s-sovranita` tagħhom lill-UE.
Xi kburija hija din tal-Ġermanja u Franza li biex ma jerġghux ibiċċru lil xulxin fi gwerer imdemma, kellhom jingħaqdu f'unjoni ħalli jikkontrollaw lil xulxin?
Xi kburija hija din tat-Taljani li biex ma jibqgħux lura, ħassew il-ħtieġa li jintrabtu mal-karru tal-Franċiżi u l-Ġermaniżi?
Min għandhom biex ikunu kburin, in-negozjanti li b'ħilithom kapaċi jimxu 'l quddiem, jew dawk li jingħaqdu ma' oħrajn biex ikunu jistgħu jkomplu jgħixu?
Għalhekk is-sħubija fl-Unjoni m'għandha tagħmel lil ħadd kburi.
L-istess diskors għandu jingħad dwar il-fatt li Malta taghmel parti mill-Ewropa.
Li niftaħru li aħna Ewropej huwa sinjal ta' razziżmu, għax jixhed li naħsbu li b'daqshekk aħna superjuri għall-popli tal-kontinenti l-oħrajn.
Għalhekk il-Maltija li marret Pariġi u ħassitha aktar kburija li issa sirna Ewropej, uriet li hija razzista u għamlitilna għajb, waqt li mingħaliha qiegħda tikkritika r-razziżmu.
Daħqu Bina
F'LAQGĦA pubblika għar-residenti ta' Qui-si-Sana, ftit tal-gimgħat ilu, wieħed li vvota IVA fir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea, sostna li għandhom jingħataw spjegazzjoni għax wegħduhom ħafna affarijiet u issa kollox qiegħed isir bil-maqlub ta' dak li kien imwiegħed.
Ħafna preżenti għal-laqgħa nstemgħu jgħidu li kienu daħqu bihom.
Erbat ijiem ilu, wieħed prominenti li jappoġġja l-Gvern, kiteb f'ġurnal internazzjonali li l-Unjoni Ewropea kienet daħqet bil-Gvern Malti meta wegħditu ħafna ħwejjeġ qabel ir-referendum, u issa l-Gvern sab li ħafna mill-wegħdiet kienu fierha u ma jistgħux jitwettqu.
Għalhekk ġara li l-Unjoni daħqet bil-Gvern, u l-Gvern daħaq bil-poplu.
Il-Gvern, b'danakollu, mhux se
jbati.
Il-poplu, iżda se jbati
ħafna.
Għax huwa l-poplu li jkollu jġorr il-piż tat-taxxi ġodda, it-tnaqqis tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-introduzzjoni tal-ħlas għas-servizzi tas-saħħa, il-qtugħ fl-istipendji u d-dħul tas-sistema ta' ħlas għat-tagħlim terzjarju, it-tibdil fil-pensjonijiet u ż-żieda fl-għoli tal-ħajja, li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ġabet magħha.
Min huwa prinċipalment ħati tal-mod kif daħqu bil-poplu, mhux talli mhux qed ibati wkoll, iżda ġie ppremjat.
Fenech Adami għamel lilu nnifsu l-President tar-Repubblika.
Joe Borg, li kien Ministru ta' l-Affarijiet Barranin li mexxa l-ftehim ma' l-UE, laħaq Kummissarju Ewropew.
Simon Busuttil, il-kap propagandist tas-sħubija fl-Unjoni, inħatar membru tal-Parlament Ewropew.
Cachia Caruana laħquh Ambaxxatur ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u Joanna Drake tawha post imħallas tajjeb hafna.
Kollha marru tajjeb bis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni, mhux bħall-poplu, li mar ħażin hafna.
Illum, hafna li vvotaw IVA
fir-referendum, huma mgħaddba għall-mod kif ġew ingannati dwar
kemm se jmorru tajjeb bis-sħubija.
Il-maġġoranza żgħira li kien hemm favur is-sħubija, illum inqalbet f'maġġoranza akbar kontra s-sħubija fl-Unjoni.
Fost dawk li biddlu fehmthom, hemm il-ħaddiema u l-impjegati li tilfu x-xogħol tagħhom minħabba s-sħubija.
Hemm l-imprendituri li kellhom iżarmaw jew iċekknu l-impriżi tagħhom, minħabba s-sħubija.
Hemm il-bdiewa u r-raħħala li marru ħażin bis-sħubija.
Ma' dawn hemm in-nisa tad-dar li ma jistgħux ilaħħqu ma' l-għoli tal-ħajja u l-għarajjes li ma jifilħux għall-prezzijiet m'għola s-smewwiet tad-djar u tal-plots.
Kulħadd qiegħed jgħid l-istess kliem: Daħqu bina.
Ibda mill-Kummissarju Verheugen, li ġie hawn darba darbtejn biex jgħidilna kemm se nkunu tajjeb fl-Unjoni u spiċċa bil-Prim Ministru Fenech Adami li jibqa' magħruf bħala l-aqwa illuzjonista politiku li l-pajjiż kellu.
L-Erbgħa, 2 ta' Marzu, 2005.
Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.
Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).
Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.
Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).
Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta
6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.
Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea
Dritt ta' l-Unjoni
Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.
Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ