MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

JEKK TIRRISPETTA L-KOSTITUZZJONI TA' PAJJIŻEK GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK JIRRISPETTA L-FEHMIET TIEGĦEK U MA JIVVOTAX FAVUR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA LI TKASBAR IL-KOSTITUZZJONI TA' MALTA

 

NAHILFU LI NEHILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIZMU U L-HAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

Mill-Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000

 

Nerġgħu nkunu nazzjon ħieles u indipendenti

 

IL-POPLU Malti, anki jekk ikun kollu ta' l-istess fehma u jrid, ma jistax ibiddel b'virgola, liġi li l-Unjoni Ewropea tagħmel. 

 

Din il-qagħda li s-sħubija fl-Unjoni ġabitna fiha, hija ta' tkexkix u ta' mistħija, u l-poplu Malti għad jisħet lil min tort tiegħu li ġejna fiha.

 

Ninsabu f'qagħda fejn ftit qegħdin igawdu ħafna bil-ftehim tas-sħubija li għamilna ma' l-Unjoni.

 

Iżda l-kotra qiegħda tbati, u aktar se tbati 'l quddiem. 

 

Maż-żmien, il-kotra ddur kontra min jaħti għat-tbatija tagħha u kontra min ma jimpurtaħx minnha, sakemm huwa u niesu sejrin tajjeb.

 

Ta' qabilna stinkaw u batew biex lil pajjiżna, zgħir, u fqir, jagħmluh nazzjon magħruf u stmat. 

 

Minflok għożżejna dan il-wirt prezzjuż, ħarbatnieh, u fi ftit tas-snin oħra ma nibqgħux gżira stat, iżda nispiċċaw biss post ta' btala fejn il-baħar, fl-istat kbir ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Malta tisparixxi minn fuq il-mappa politika tad-dinja, u tibqa' biss fuq il-mappa turistika.

 

L-istorja tal-poplu taghna għad trid tqim lil min bena n-nazzjon Malti u għad trid iżżeblaħ lil dawk fostna iġarrfuh u lil dawk li qegħdin ikomplu jħottuħ.

 

Isem Mintoff u Borg Olivier jibqgħu mfakkra u mfaħħra għal dak li kisbu għal Malta.

 

Fenech Adami u Gonzi jkunu maqdra għal dak kollu li tellfu lil pajjiżna.

 

U jerġgħu jinbtu minn fost it-tbatija tal-poplu Malti mneżża' minn gieħu, żgħażagħ u ħaddiema qalbiena, li ma jkunux lesti jbaxxu rashom għax-xorti tal-mistħija li misset lil pajjiżna.

 

Ikunu lesti li jħallu kollox warajhom u jagħtu ħilithom u ħinhom ħalli jħeġġu lill-poplu tagħna jaħdem u jissagrifika ruħu ħalli għat-tieni darba niksbu l-fidwa mit-tmexxija tal-barrani, biex nerġgħu nsiru nazzjon, ħieles u indipendenti.

 

Dak in-nhar jinqatgħu l-ktajjen li jassruna fis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, billi ma nibqgħux imsieħba fiha, iżda nkunu msieħba magħha.

 

Bħal ma jkunu msieħba magħha u magħna l-pajjiżi l-oħra tax-xatt t'isfel tal-baħar Mediterran, imsoffi mill-armamenti qerrieda tal-bastimenti tal-gwerra u bażijiet militari, baħar wieħed ta' l-Alla wieħed tat-tliet twemmin, it-twemmin Ġudajku, it-twemmin Nisrani u t-twemmin Musulman, li jimlew il-qlub tal-pajjiżi kollha tal Mediterran.

 

 Il-poplu Malti għandu jkun jaf x'fiha


IR-RAPPREŻENTANTI ta' l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-Parlament Ewropew spiss jgħidu li jridu li ssir diskussjoni wiesgħa dwar x'fiha il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni, u li hemm bżonn li l-popli tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni jsiru jafu x'fiha l-Kostituzzjoni, qabel ma tittieħed deċiżjoni tiġix approvata jew le.

 

Anki f'Malta smajna dan id-diskors jingħad.

 

Il-ġimgħa l-oħra qaluh kemm membru Laburista tal-Parlament Ewropew kif ukoll membru Nazzjonalista ta' l-istess Parlament.

 

F'diskussjoni pubblika li saret fid-29 ta' Ottubru dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni, l-istess membru Nazzjonalista tal-Parlament Ewropew qabel mar-rappreżentant tal-Partit Laburista li ħeġġeġ li jittieħed żmien biex issir diskussjoni wiesgħa u fil-fond tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni u jingħata taghrif sħiħ dwarha lill-pubbliku Malti.

 

Iżda jisgħobbina ngħidu li ma nifhmux kemm dan id-diskors dwar id-diskussjoni wiesgħa tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni huwa realistiku.

 

L-ewwel nett diġa` rajna li l-Partit Nazzjonalista u l-Gvern m'humiex interessati li ssir diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni, izda diġa` huma kommessi li fiha x'fiha japprovawha. 

 

Anzi huma għandhom interess li jingħata dak it-taghrif biss dwarha li jappella għall-poplu Malti, u li ma jinkixifx x'hemm fiha li ma jogħġobx lill-poplu Malti.

 

Il-Prim Ministru stess diġa` stqarr li ma jarax għalfejn nieħdu żmien biex nirratifikaw il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni li huwa abbużament u bla ebda setgħa mar u ffirma flimkien mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin.

 

Ma jridx diskussjoni: irid biss ir-ratifika tagħha fiha x'fiha.

 

L-istess membru Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew fil-waqt li jgħid li jaqbel li jittieħed żmien biex il-poplu Malti jisma' l-argumenti favur u kontra l-kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni, fl-istess nifs jgħid kemm hija tajba u kemm hija meħtieġa ħalli sseħħ aktar l-'integrazzjoni' ta' l-Ewropa.

 

Fi kliem ieħor dan il-membru Nazzjonalista tal-Parlament Ewropew mhux qiegħed jagħti tagħrif siewi dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni lill-poplu, iżda qiegħed taparsi jrid diskussjoni tagħha, iżda fil-fatt qiegħed jagħmel propaganda favuriha.

 

Għax għalfejn tiddiskutiha jekk inti diġa` deċiż li taqbel mal-Kostituzzjoni ġdida fiha x'fiha?

 

Tkun qiegħed tagħmel dan biex iġġib lil min ikun qiegħed jisimgħek ħalli jaqbel miegħek u magħha.

 

Ħafna mexxejja tal-Partiti Soċjalisti ta' l-UE appellaw lis-Soċjalisti Franċiżi biex illum jiddeċiedu li jivvotaw favur il-Kostituzzjoni gdida ta' l-Unjoni fir-referendum li għandu jsir fi Franza s-sena d-dieħla dwar il-Kostituzzjon ta' l-Unjoni.

 

Dawn il-mexxejja Soċjalisti Ewropew ma jridux li ssir diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni ġdida.

 

Huma diga` deċiżi dwarha u jriduha kif inhi.

 

Hawn ma jaqblux mal-Partit Laburista Malti, li skond ir-rappreżentant tiegħu li ħa sehem fid-diskussjoni pubblika dwar il-Kostituzzjoni ġdida fid-29 ta' Ottubru, jixraq li jittieħed żmien biex issir diskussjoni wiesgħa u fil-fond dwar il-Kostituzzjoni u biex il-poplu jingħata tagħrif sħiħ dwarha.

 

Ma tkunx l-ewwel darba fejn il-Partit Laburista ma jkunx fuq l-istess linja tal-Partiti Sożjalisti Ewropej. 

 

Dawn qatt ma qablu mal-Partit Laburista Malti li bħalu jinsistu favur politika ta' newtralita` għal pajjizhom.

 

Qatt ma qablu li jitneħħew għal kollox l-armi u l-armamenti nukleari, kif dejjem insista l-Partit Laburista Malti. 

 

Sa ftit taż-żmien ilu ma kinux jaqblu mal-politika tal-Partit Laburista Malti favur it-twaqqif ta' stat Palestinjan.

 

Huma favur in-NATO waqt li l-Partit Laburista ma ħalliex lin-NATO f'pajjiżna. 

 

Għaldaqstant il-Partit Laburista Malti qatt ma beża' jieħu linja indipendenti u differenti mill-Partiti Soċjalisti Ewropej, u għalhekk kien dejjem ammirat, stmat u rispettat.

 

Huwa ttamat li anki dwar il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea l-Partit Laburista jieħu linja li taqbel għall-poplu tagħna billi ma jivvotax favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni kif inhi ħalli 'l quddiem issir Kostituzzjoni tajba u xierqa għall-pajjiżi membri ta' l-Unjoni, u b'hekk ikun stmat u rispettat mhux biss mill-poplu Malti, iżda anki minn miljuni ta' barranin li m'humiex favur li l-Unjoni Ewropea tinbidel kif trid tibdilha l-Kostituzzjoni ġdida li saret.

 

L-ideoloġija ekonomika u l-politika monetarja tal-Kostituzzjoni

 

Il-KOSTITUZZJONI ġdida ta' l-Unjoni Ewropea timponi fuq il-pajiżi membri ta' l-Unjoni ideoloġija ekonomika magħrufa bħala "neo-liberali".

 

Din l-ideoloġija hija sistema ta' kapitaliżmu estrem ta' suq ħieles iddominat mill-moviment bla rażan tal-kapital, privatizzazzjoni ta' kollox, tnaqqis fl-infieq tal-Gvern fuq servizzi soċjali, edukazzjoni, saħħa, pensjonijiet u impjiegi u tneħħija ta' regolamenti ('deregulation') li jikkontrollaw l-abbużi tas-suq.

 

Il-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni timponi fuq il-pajjiżi membri ġodda politika monetarja (jiġifieri, rati ta' interessi u rata ta' kambju ta' flus) li l-għan tagħhom huwa li żżomm il-prezzijiet kemm jista' jkun stabbli, u mhux li tippromwovi l-akbar tkabbir ekonomiku possibbli u lanqas li toħloq l-akbar numru possibbli ta' impjiegi.

 

Din il-politika monetarja komuni ma tħallix pajjiż membru ta' l-Unjoni li jkun għaddej minn riċessjoni (jiġifieri, tnaqqis fl-ekonomija tiegħu), li jbaxxi r-rata ta' l-imgħax ħalli jinċentiva l-attivita` kummerċjali, u pajjiż membru ta' l-Unjoni fejn hemm inflazzjoni (jiġifieri, żieda kbira fil-prezzijiet), li jgħolli r-rata ta' l-imgħax ħalli jnaqqas l-impatt ta' l-attivita` kummerċjali.

 

L-agħar ħaġa li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjon tagħmel hija li ssammar kemm l-ideoloġija ekonomika tagħha kif ukoll il-politika monetarja tagħha bħal kmandamenti li bilfors iridu jitħarsu mill-pajjiżi membri għax huma mniżżla fil-Kostituzzjoni u din ma tinbidilx jekk mhux il-pajjiżi membri kollha jkunu jridu jbiddluha.

 

Il-Partiti Soċjalisti ta' l-Unjoni Ewropea sabu ruħhom marbuta b'din l-ideoloġija ekonomika u b'din il-politika monetarja u ma għarfux jiġġieldu kontrihom. 

 

Issa jidher li qegħdin jintebħu bl-effetti soċjali diżastrużi ta' dawn l-ideoloġiji u l-politika, u għadhom kif ftehmu fil-laqgħa li għamlu f'Madrid, li jridu li l-Kummissjoni Ewropea ġdida mmexxija minn Jose` Manuel Barroso, tbiddilhom, jew għall-inqas tbenġilhom.

 

Il-Partit Laburista, jekk jibqa' ma jiġġilidx biex ibiddel il-ftehim li l-Gvern Nazzjonalista għamel ma l-Unjoni Ewropea, u jekk jivvota favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni ġdida ta' l-Unjoni Ewropea, se jsib ruħu marbut ukoll b'ideoloġija ekonomika u politika monetarja li ma jippermettulux iwettaq politika xellugija favur il-ħaddiem u għajnuna għaż-żgħir fis-soċjeta`.

 

Il-frott qares ta' l-ideoloġija ekonomika u tal-politika monetarja  li l-Kostituzzjoni ġdida ta' l-UE timponi fuq il-pajjiżi membri tagħha huma:

 

* aktar telf ta' impjiegi

* inqas servizzi soċjali u inqas pensjonijiet

* kura tas-saħħa bil-ħlas u edukazzjoni bil-ħlas

* djar u artijiet aktar għolja

* ftit aktar għonja u ħafna aktar foqra.

 

Din hija r-riċetta tan-neo-liberaliżmu tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea.

 

Ġurament ta' lealta` li jieħdu l-Membri Parlamentari kollha

 

 Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li nkun tassew fidili u leali lejn il-Poplu u r- Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tagħha. (Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ Prim Ministru jew Ministru ieħor jew Segretarju Parlamentari.

 

Jiena ................................................ solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment u skond il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala (Prim Ministru/Ministru/Segretarju Parlamentari) skond il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta, mingħajr biża’ jew favur. ( Hekk Alla jgħini).

 

Ġurament għall-qadi xieraq tal-kariga ta’ President.

 

Jiena ..............................................., solennement naħlef / niddikjara li naqdi fedelment il-kariga ta’ President (li naqdi fedelment il-funzjonijiet tal-President) ta’ Malta, u li, skond l-aħjar ħila tiegħi nikkonserva, inħares u niddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta. (Hekk Alla jgħini).

 

Sezzjoni 6 tal-Kostituzzjoni ta' Malta

 

6. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tas-subartikoli (7) u (9) ta’ l-artikolu 47 u ta’ l-artikolu 66 ta’ din il-Kostituzzjoni, jekk xi liġi oħra tkun inkonsistenti ma’ din il-Kostituzzjoni, din il-Kostituzzjoni għandha tipprevali u l-liġi l-oħra għandha, safejn tkun inkonsistenti, tkun bla effett.

 

Artiklu I-6 tal-Kostituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea

 

Dritt ta' l-Unjoni

Il-Kostituzzjoni u l-liġijiet adottati mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi konferiti lilha għandhom jipprevalu fuq id-dritt ta’ l-Istati Membri.

 

Tista' tafda lil min jikser il-ĠURAMENT tiegħu/tagħha?

 

L-Erbgħa, 1 ta' Diċembru, 2004.

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-

Chairman CNI,

Dr Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.

81, Triq Ġuże Pace,

Ħamrun.

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ