MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
Tradiment ta’ l-interessi nazzjonali

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Josè Manuel
Barroso, u l-mexxejja ta’ xi wħud mill-pajjiżi ta’ l-Unjoni,
fosthom il-Prim Ministru Malti, kienu daqstant sfaċċati li ftaħru
li t-Trattat ta’ Riforma maqbul fil-laqgħa għolja ta’ Lisbona,
fit-18 ta’ Ottubru, isaħħaħ ix-xejra demokratika ta’
l-Unjoni, meta huma kienu qatgħuha li ma jħallux lill-popli jivvotaw
demokratikament iridux it-Trattat.
Fih x’fih it-Trattat, l-akbar impatt li kellu fuq il-poplu kien dan –
il-poplu fehem li l-Unjoni Ewropea qiegħda tifga’ d-demokrazija billi tiċħad
liċ-ċittadini tagħha milli jivvotaw dwar, u qiegħda tbellagħhulhom,
iriduh jew ma jriduhx.
Din il-fehma mferrxa se tnaqqas, mhux iżżid,
l-appoġġ tal-poplu għall-Unjoni, u qiegħda tikxef
l-ipokresija kbira tal-politiċi (anke Maltin) li jiftaħru li huma
paladini tad-demokrazija, iżda jiċħduha lill-popli tagħhom,
u jimponu fuqhom dak li l-politiċi jridu.
Il-mexxejja ta’ l-Unjoni u tal-pajjiżi membri (inkluża Malta)
jsostnu li t-Trattat ta’ Riforma se jsaħħaħ l-Unjoni.
Meta jgħidu dan, lanqas jintebħu li l-poplu
b’daqshekk jifhem li t-Trattat se jkompli jdgħajjef is-setgħat
tal-gvern nazzjonali tiegħu, għax is-saħħa ġdida li
t-Trattat jagħti lill-Unjoni, jeħodha mingħand il-gvernijiet
tal-pajjiżi membri.
Aktar ma l-UE jkollha setgħat, inqas jibqgħalhom setgħat
il-gvernijiet nazzjonali.
Il-poplu mhux biss jirrealizza dan it-telf, iżda jħossu
miblugħ u skandalizzat kif il-politiċi tiegħu jiftaħru meta
jgħaddu lill-Unjoni Ewropea t-tmexxija ta’ ħwejjeġ li l-poplu
jkun feda fil-politiċi tiegħu u li hu jaħtar fl-elezzjoni biex
imexxuh.
Spiċċajna bil-qagħda ta’ l-għajb li nivvotaw għall-politiċi
tagħna biex imbagħad insibu li qegħdin imexxuna l-barranin li la
nafuhom u lanqas ivvotajnilhom.
Din hija d-demokrazija li qegħdin nipprattikaw!
Għax f’kull qasam li l-UE tiddeċiedi xi ħaġa bil-maġġoranza tal-pajjiżi membri u kontra l-oppożizzjoni ta’ Malta, il-poplu Malti jkollu joqgħod għal dak li ma jridx u li ma jistax ibiddel bil-voti tiegħu fl-Elezzjoni Ġenerali.
F’dawk il-każi kollha, ir-rieda tal-maġġoranza
tal-poplu Malti ma tiswa xejn, għax is-sovranità m’għadhiex
f’idejh, iżda l-politiċi għaddewha lill-maġġoranza
tal-barranin ta’ l-UE.
Dan huwa tradiment ta’ l-interessi tal-poplu Malti li dawk kollha li jiftaħru
bit-Trattat ta’ Riforma ta’ l-UE qegħdin iwettqu.
Huma jittamaw li l-poplu llum ma jintebaħx b’dan għax
idamdmuh bi propaganda ma taqta’ xejn u li ż-żmien iderri lill-poplu
din l-umiljazzjoni nazzjonali.
Iżda l-istorja mhux hekk tgħallimna.
L-istorja turi li llum jew għada l-poplu jħoss li għandu jqum u jerġa’ jkun ħieles minn dan il-madmad tal-barrani.
U għal dan l-iskop ifittex politiċi li jistgħu
jifduh, jerġgħu jagħtuh ġieħu u jagħmluh sovran
f’daru.
Aktar
tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea:
Immigrazzjoni
Il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni
hija bil-maqlub tal-politika li pajjiżna għandu jkollu fir-rigward.
Minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, l-iffollar
tal-popolazzjoni, in-nuqqas ta’ riżorsi, il-limitazzjoni ta’
l-opportunitajiet tax-xogħol, ma nistgħux nilqgħu
immigranti.
Iżda l-Unjoni ma tridniex ma naċċettawx immigranti.
Tridna nadottaw politika li nintegraw immigranti fis-soċjetà Maltija.
U qiegħda tagħfas lill-Gvern ħalli jdaħħal
fis-seħħ id-direttivi tagħha dwar l-integrazzjoni ta’
l-immigranti f’pajiżna.
Saħansitra tridna li nagħtuhom iċ-ċittadinanza Maltija wara
ċertu żmien.
Qiegħda tinsisti magħna biex inħallu membri
tal-familji ta’ l-immigranti jingħaqdu magħhom biex jgħixu
f’pajjiżna.
Lill-poplu qegħdin jaħbulu x’inhi l-qagħda vera ta’ l-immigrazzjoni f’pajjiżna.
Skond stħarriġ ta’ organizzazzjoni Ingliża, is-sena l-oħra kellna f’Malta 1,913-il immigrant legali li mhux ġejjin mill-pajjiżi ta’ l-UE, u fis-sena ta’ qabel daħlu f’pajjiżna l-istess numru ta’ immigranti illegali.
L-istħarriġ ma jgħidx kemm ġew
f’pajjiżna mill-UE.
L-Unjoni qiegħda ċċanfarna għax ftit huma dawk fostna li
emmnu li t-taħlit tar-razez itejjeb il-kultura nazzjonali tagħna.
Dan jixhed li l-politika li l-Unjoni tridna nimxu biha hija li nħeġġu l-immigrazzjoni għal pajjiżna, mux li nopponuha għax ma nifilħux għaliha.
Minflok, l-UE qiegħda tixlina b’diskriminazzjoni u
b’razziżmu.
Unjoni
Mediterranja

Il-ġimgħa l-oħra l-President Franċiż
Nicolas Sarkozy reġa’ saħaq li għandha titwaqqaf Mediterranean
Union li fiha jissieħbu l-pajjiżi kollha Ewropej li jmissu
mal-Mediterran, u l-pajjiżi ta’ l-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani bi
xtuthom fil-Mediterran.
Huwa stieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi kollha tal-Mediterran għal-laqgħa
li għandha ssir fi Franza f’Ġunju li ġej.
Fil-laqgħa għandu jkun miftiehem is-sisien ta’
din l-unjoni ta’ xejra politika, ekonomika u kulturali, u fiha l-pajjiżi
kollha jkunu meqjusin ugwali, hu x’inhu d-daqs tagħhom.
Sarkozy stqarr li jekk ’il quddiem ikun hemm gwerer ħorox taċ-ċiviltajiet
u r-reliġjonijiet, dawn iseħħu fil-Mediterran u l-istess jiġri
jekk se ssir gwerra bejn il-pajjiżi tat-Tramuntana u dawk tan-Nofsinhar
tad-dinja.
Din l-unjoni tkun tista’ tieħu ħsieb kwistjonijiet kbar tal-mument,
bħalma huma t-terroriżmu, l-immigrazzjoni, il-kriżi ta’ l-enerġija,
it-tkabbir tal-kummerċ, l-iskarsezza ta’ l-ilma għax-xorb u l-iżvilupp
sostenibbli tal-pajjiżi Mediterranji.
L-UE ma tridx li titwaqqaf il-Mediterranean Union.
Ħela
Il-laqgħat għolja (magħrufin bħala
‘summits’) ta’ erba’ darbiet fis-sena tal-mexxejja tal-pajjiżi
ta’ l-UE jqumulha bagatella enormi (u għalhekk lill-pajjiżi membri
li jħallsu l-fondi lill-UE).
Kemm hi kbira l-ispiża tirriżulta miċ-ċifra
li l-Unjoni ddeċidiet li tagħti lil Franza li se torganizza żewġ
‘summits’ fis-sitt xhur tas-sena d-dieħla meta Franza jkollha
l-presidenza ta’ l-Unjoni.
Is-somma hi ta’ madwar €95 miljun, li tfisser spiża ta’ madwar €47
miljun għal kull ‘summit’.
Eżempju tal-ħela oxxena tat-tmexxija ta’
l-Unjoni!
'Partnership'
X’għandhom ikunu r-relazzjonijiet ta’ l-UE mat-Turkija hija kwistjoni li qiegħda tifred il-pajjiżi membri fil-blokk Ewropew.
Hemm pajjiżi li jridu li t-Turkija tissieħeb fl-UE, iżda hemm oħrajn li jriduha biss bi ftehim ta’ ‘partnership’ mhux ‘membership’.
Fost dawn ta’ l-aħħar hemm il-Ġermanja,
li qabel kienet favur ‘membership’ għat-Turkija, iżda issa tidher
li trid ftehim ta’ ‘partnership’.
Fl-aħħar ta’ din is-sena jagħlaq ftehim ta’ ‘partnership’
ieħor li l-Unjoni Ewropea għamlet mar-Russja għaxar snin ilu, magħruf
bħala l-Partnership and Cooperation Agreement (PCA).
Sa erba’ snin ilu, fl-2003, l-UE kienet tgħid lil Malta li ftehim ta’
‘partnership’ magħha ma jeżistux, meta sitt snin qabel hija kienet
diġà għamlet wieħed simili mar-Russja.
Sussidji

Il-politika tal-biedja ta’ l-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-Common Agricultural Policy (CAP), hija kkritikata bl-aħrax għal ħafna raġunijiet.
Fosthom, għas-sistema ta’ sussidji li tagħti għar-raba
li ma jinħadimx.
X’uħud mill-akbar proprjetarji ta’ l-art jirċievu miljuni ta’
Ewros fis-sena għar-raba li ma jaħdmux.
Fost dawn hemm ir-Reġina Eliżabetta ta’
l-Ingilterra li fl-2003-2004 ingħatat €1.5 miljun f’sussidji agrikoli
mill-Unjoni.
Reċiproċita'
Il-mexxejja ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi
l-kbar tal-blokk, fosthom il-Ġermanja, Franza u l-Ingilterra, fil-laqgħa
tagħhom f’Lisbona, ġimgħatejn ilu, waslu biex aċċettaw
li jisħqu li jkun hemm reċiproċità bejn l-istess Unjoni u
l-pajjiżi li huma barra, rigward il-qasam ta’ l-investimenti.
Huma ftehmu li biex iħallu pajjiżi barra l-Unjoni jixtru impriżi
fil-pajjiżi ta’ l-UE, dawn l-istess pajjiżi jridu jħallu
bl-istess mod lill-pajjiżi Ewropej jixtru l-impriżi tagħhom.

Madwar 30 sena ilu l-Gvern Malti, immexxi mill-Perit Mintoff, daħħal
f’pajjiżna l-kunċett tar-reċiproċità fil-kummerċ
bejn Malta u l-pajjiżi barranin.
Bis-saħħa tal-politika ta’ reċiproċità, pajjiżi
barranin kienu jitħallew ibiegħu f’Malta l-prodotti u s-servizzi tagħhom,
kemm-il darba huma jixtru l-prodotti maħdumin f’Malta u s-servizzi mogħtijin
mill-Maltin.
Il-prinċipju kien li nixtru mingħand min jixtri mingħandna.
B’din il-politika kabbarna l-industriji Maltin
tal-manifattura u tas-servizzi.
Tant konna nisħqu fuq ir-reċiproċità
fil-kummerċ, li fil-każ ta’ l-Italja li ma setgħetx tieħu
prodotti u servizzi minn għandna, waslet biex taċċetta li
flokhom, tagħtina għotjiet kull sena biex tpattilna għall-ammont
kbir ta’ prodotti u servizzi li nixtru kull sena mingħandha.
La darba l-Unjoni Ewropea qiegħda tinsisti fuq il-prinċipju tar-reċiproċità
fl-investimenti, ma tistax tiċħdu fil-kummerċ.
Illum l-Unjoni waslet biex taċċetta politika li
Malta taħt Mintoff ħaddnet 30 sena ilu.
Aħbarijiet
L-aġenziji ta’ l-aħbarijiet u l-midja mżokkin
mill-Unjoni Ewropea jonfħu kull aħbar dwarha u jostru kull kritika
kontriha.
Hekk għamlu waqt is-Summit ta’ Lisbona li
organizzat l-Unjoni.
Ftit ’il bogħod minn fejn kienu qegħdin jiltaqgħu l-mexxejja
tal-pajjiżi ta’ l-UE, it-trejdunjins Portugiżi għamlu laqgħa
pubblika ta’ protesta kontra t-Trattat ta’ Riforma ta’ l-Unjoni.
Fil-laqgħa ta’ protesta ħadu sehem 200,000
ħaddiem Portugiż.
L-aġenziji ta’ l-aħbarijiet u l-midja, li kellhom mijiet ta’
korrispondenti għas-‘summit’, ma rrapportaw xejn dwar il-laqgħa
enormi ta’ protesta ta’ 200,000 ħaddiem kontra t-Trattat.
Huma qagħdu jaħlu l-ħin jistennew li l-uffiċjali ta’ l-UE
jagħtuhom rapporti ta’ propaganda dwar il-laqgħa tal-mexxejja li spiċċat
kif kien mistenni, bi ftehim dwar it-Trattat il-ġdid li mhu xejn ħlief
verżjoni differenti tat-Trattat li kien iffirmat f’Ruma f’Ottubru 2004.
Protesta kbira ta’ 200,000 ħaddiem mhix aħbar li għandhom jagħtu
lill-pubbliku, unikament għax kienet kontra, mhux favur, l-Unjoni.
Edukazzjoni
Skond rapport maħruġ il-ġimgħa l-oħra
mill-organizzazzjoni EuroChambers, l-ogħla rata ta’ edukazzjoni fl-Unjoni
Ewropea tinsab fil-Belġju, fir-reġjun ta’ Brabant Wallon, fejn 45.4%
tal-popolazzjoni għandhom ‘higher education degree’, waqt li f’Malta,
huma biss 11.4% tal-popolazzjoni bl-istess digriet.
Il-Ħamis, 1 ta' Novembru, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ