MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI


Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA
L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li fis-sena 2011 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha €68,000,000
€186,000 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
minn KARMENU MIFSUD BONNICI Kampanja ghall-Helsien Nazzjonali CNI
X’se jiġri mill-assi tal-Libja?
Mhux minnu li ma nistgħux noħorġu mill-Unjoni Ewropea.
Araw dan il-video tal-Parlament Ewropew kif nistgħu noħorġu
Fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, l-Afrika t’Isfel opponiet li l-assi Libjani ffriżati ngħataw lill-Kunsill ta’ Benghazi għax l-Afrika t’Isfel sostniet li dak ikun ifisser għarfien tal-Kunsill ta’ Benghazi bħala l-Gvern tal-Libja meta fil-pajjiż għadha għaddejja l-gwerra mal-forzi ta’ dak li kien il-Gvern Libjan ta’ Tripli.
Intlaħaq kompromess li jingħataw $1.5 biljun mill-assi ffriżati biex jintużaw għal skopijiet umanitarji.
L-Istati Uniti tal-Amerika, Franza u l-Ingilterra riedu li l-assi ffriżati jingħataw lill-Kunsill ta’ Benghazi li huma kienu għarfu bħala l-Gvern leġittimu tal-Libja, waqt li l-Afrika t’Isfel ma kinitx tagħtu rikonoxximent.
Hu
stmat li l-assi Libjani fil-pajjiżi barranin, li ġew iffriżati mill-Ġnus
Magħquda mill-Unjoni Ewropea jlaħħqu mal-$150 biljun.
F’Malta, skont il-Gvern, l-assi Libjani ffriżati huma stmati €377 miljun.
Il-Gvern Malti ddikjara li jrid jgħaddi lill-Kunsill ta’ Benghazi, li għarfu bħala l-Gvern tal-Libja, iżda ġab l-iskuża falza li jkollu jistenna li jingħataw direttivi dwar l-assi mill-Ġnus Magħquda u mill-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu l-Kunsill ta’ Benghazi qiegħed jinsisti li jingħata b’mod
urġenti l-assi ffriżati għax għandu ħtieġa kbira għall-fondi biex iħallas l-ispejjeż
u s-salarji u jixtri l-provvisti meħtieġa għall-poplu Libjan.
Investiment barrani fil-pajjiz

L-iffriżar
tal-assi Libjani hu fatt skandaluż li jagħmel għajb kbir lill-Ġnus Magħquda,
lill-Unjoni Ewropea u lill-pajjiżi kollha, inkluża Malta, li daħħlu fis-seħħ is-sanzjonijiet
tal-iffriżar tal-assi Libjani.
Għax l-assi Libjani fil-pajjiżi barranin jirrappreżentaw investimenti li matul
is-snin il-Gvern Libjan u l-kumpaniji Libjani għamlu fil-pajjiżi barranin.
Dawk l-investimenti saru biex huma jirrendu dħul lill-poplu Libjan permezz tal-Gvern tiegħu u tal-kumpaniji Libjani, kif ukoll biex ikunu ta’ għajnuna għall-ekonomiji tal-pajjiżi barranin fejn saru l-investimenti.
Il-kumpaniji Libjani f’Malta pprovdew xogħol għall-ħaddiema Maltin.
Kull pajjiż jagħmel sforz biex jiġbed lejh investiment barrani, u biex
jirnexxielu jagħmel dan, kull pajjiż jagħti assigurazzjoni legali li jipproteġi
l-investiment barrani biex min jinvesti f’pajjiż barrani jkun assigurat li ma
jitlifx l-investiment u li jkun jista’ jieħdu lura meta jidhrilu li għandu
jagħmel dan.
Għalhekk meta Gvern jiffriża f’pajjiżu l-assi ta’ pajjiż barrani jkun qed jonqos
mill-obbligu li għandu li jipproteġi d-dritt tal-pajjiż barrani għall-assi
tiegħu.
Il-barranin ma jibqgħux jinvestu f’pajjiż jekk jibżgħu li l-Gvern ta’ dak il-pajjiż jista’ meta jrid jiffriżalhom u ma jħallihomx jieħdu l-profitti tagħhom minnhom.
Sabiex wieħed jifhem kemm l-iffriżar tal-assi barranin hu att ta’ min jistmerru
u perikoluż, wieħed għandu jara x’iħoss kieku l-bank kellu jiffriżalu l-flus
depożitati u ma jippermettilux li jieħu l-imgħaxijiet tagħhom, meta hu m’għandu
jagħti xejn la lill-bank u lanqas lil ħadd.
Il-Gvernijiet li ffriżaw l-assi Libjani wettqu att perikoluż u ta’ stmerrija
għax il-Gvern Libjan u l-kumpaniji Libjani li l-assi tagħhom ġew iffirżati,
m’għandhom dejn ma’ ħadd.
Ksur ta' dritt fundamentali
Issa d-dritt għall-proprjetà hu meqjus bħala dritt fundamentali.
Il-Gvernijiet li ffriżaw l-assi Libjani wettqu ksur ta’ dan id-dritt fundamentali.
Hu ta’ għajb kbir li l-Ġnus Magħquda u l-Unjoni Ewropea kkommettew dan il-ksur tad-dritt fundamentali għall-proprjetà.
L-istess għandu jingħad għall-Gvern Malti.
Imma l-gvernijiet li wettqu ksur ta’ dritt fundamentali meta ffriżaw l-assi
Libjani, issa qegħdin iwettqu oltraġġi oħrajn.
Għax issa qegħdin ukoll jiddisponu mill-assi ffriżati mhux billi jħallu lis-sidien tagħhom joħduhom, iżda billi jgħadduhom lil oħrajn li mhumiex proprjetarji tal-assi ffriżati.
L-assi tal-Gvern Libjan għandu joħodhom il-Gvern Libjan, hu min hu, u l-assi tal-kumpaniji Libjani għandhom joħduhom il-kumpaniji proprjetari tagħhom, huma min huma l-azzjonisti tal-kumpaniji.
Imma l-gvernijiet jidhru li jridu jgħaddu l-assi Libjani ffriżati lill-Kunsill Tranżitorju ta’ Benghazi f’isem il-poplu Libjan.
Dawn huma atti li jiksru l-prinċipji legali bażiċi ta’ kull poplu ċivilizzat.

Il-Ġnus
Magħquda u l-Unjoni Ewropea jafu li s-sanzjonijiet tagħhom dwar l-assi Libjani
huma bi ksur tal-liġijiet tal-pajjiżi ċivilizzati, tant li fir-riżoluzzjoni
tal-Kunsill tas-Sigurtà 1973 (2011) ipprovdew li l-gvernijiet li jdaħħlu
fis-seħħ is-sanzjonijiet ikunu meħlusin minn kull responsabbiltà legali biex
ħadd ma jkollu jagħmel kawża kontra Gvern li jkun iffriża l-assi Libjani u kif
Gvern jiddisponi minnhom.
Ir-raġuni tgħidlek li jekk m’hemmx aktar skop għaliex l-assi Libjani jibqgħu
ffriżati, dawn għandhom ikunu meħlusin huma ta’ min huma, ikollhom dritt
joħduhom u jieħdu l-profitti tagħhom.
Jekk hemm kontestazzjoni dwar ta’ min huma, tkun il-Qorti li tiddeċiedi l-kwistjoni, mhux arbitrarjament il-Gvernijiet li jaġixxu kif jaqblilhom politikament u mhux kif għandhom jagħmlu skont il-ġustizzja.
Il-Libja minn ġot-taġen għal ġon-nar?
Dawk li jippriedkaw kontra l-vjolenza huma l-aktar li qegħdin jifirħu li l-vjolenza qiegħda tirrenja fil-Libja.
Konvenjentament insew il-prinċipju tal-etika li “the end does not justify the means”, u għalhekk ma kinitx ġustifikata li tintuża l-vjolenza fil-Libja, anke biex jinkisbu drittijiet ċivili.
Dawk li jiftaħru bil-ħidma umanitarja tagħhom, ma tawx kas tat-tbatijiet li l-bumbardamenti
li saru fuq il-popolazzjoni ċivili Libjana u lanqas mill-imwiet u l-ferimenti ta’
mijiet ta’ Libjani.
Ma ddejqux jaraw is-servizzi infrastrutturali tal-Libja jitħarbtu, u sptarijiet,
skejjel u djar jiġġarrfu.
Dawk li jsostnu li huma kattoliċissmi, ma tawx widen għall-appelli ripetuti tal-Qdusija Tiegħu l-Papa biex jieqaf il-ġlied fil-Libja u biex in-negozjati jieħdu post l-armi.
Irrifjutaw kull offerta għal ftehim u biex il-poplu kollu tal-Libja jingħata l-opportunità li b’mod ħieles jiddeċiedi hu dwar it-tmexxija tal-pajjiż.
Dawk li jsostnu li l-forza tar-raġuni għandha tirbaħ fuq il-forza tas-saħħa,
warrbu r-raġuni u straħu fuq is-saħħa tal-armi u tas-sanzjonijiet ekonomiċi.



Injoraw
il-prinċipju li pajjiżi m’għandhomx jindaħlu fil-ħwejjeġ interni ta’ pajjiż
ieħor, u approvaw li Franza, l-Ingilterra, l-Istati Uniti tal-Amerika u n-NATO
jattakkaw lil-Libja, mingħajr din ma pprovokathom.
Ittrasformaw protesta ta’ sezzjoni tal-poplu f’wieħed mir-reġjuni tal-Libja, l-ewwel
fi gwerra ċivili, u mbagħad fi gwerra sħiħa tan-NATO u pajjiżi alleati kontra l-Gvern
Libjan u l-poplu li kien jappoġġjah.
Issa huma kuntenti għax ħolqu kriżi umanitarja f’pajjiż li qabel il-gwerra, tant kien qed jiżviluppa li kien meqjus li se jkun “Dubai” tal-Mediterran.
Kien iħaddem ’il fuq minn miljun ħaddiem u jinvesti l-biljuni f’ħafna pajjiżi barranin.
Illum il-Libja, li għandha assi stmati biljuni ta’ dollari f’pajjiżi barranin, irriduċuha f’tallaba għall-ilma, ikel u mediċini, għax il-kapriċċi tal-Ġnus Magħquda u tal-Unjoni Ewropea ssekwestraw l-assi Libjani kollha fil-pajjiżi barranin.
Pajjiż li kien jesporta 1.2 miljun barmil żejt kuljum ġabuh m’għandux fjuwil
għall-bżonnijiet interni tiegħu.
Dan kollu tort tal-pajjiżi tal-Punent li b’għejra kbira għall-progress tal-Libja, ħalfu li jkissruha biex wara jistagħnew minn fuq ir-rikostruzzjoni tagħha, għax għandha riżorsi biżżejjed biex terġa’ tqum fuq saqajha u tinbena mill-ġdid.
Jekk sar sew li l-popolazzjoni ċivili f’Benghazi ngħatat protezzjoni mill-attakki
tal-forzi governattivi Libjani, ma sarx sew li l-popolazzjoni ċivili ta’ Tripli
ma ngħatatx l-istess protezzjoni mill-attakki tal-forzi tar-ribelli u mill-bumbardamenti
tan-NATO.
Bl-iskuża
tat-twaqqif ta’ żona ta’ bla titjir fuq il-Libja għall-protezzjoni
tal-popolazzjoni ċivili, kissru l-ajruplani Libjani kollha, iżda tħallew itiru
l-ajruplani u l-ħelikopters tan-NATO li minflok ipproteġew, ikkaġunaw ħsarat
lill-popolazzjoni ċivili.
Għalkemm kellhom jirrikorru għal mezzi meħtieġa biex jipproteġu n-nies ċivili u l-postijiet fejn hemm il-popolazzjoni ċivili, skont il-mandat tal-Ġnus Magħquda, wettqu bumbardamenti għal skopijiet oħrajn biex idgħajfu s-saħħa tal-forzi governattivi għax dawn ma jifilħux jirreżistu għall-attakki tar-ribelli, u ma ħabbrux rashom li bil-bumbardamenti tagħhom kienu qegħdin jikkaġunaw imwiet u ferimenti ta’ nies ċivili.
Bidlu l-iskop tal-mandat tal-Ġnus Magħquda li kien li tingħata protezzjoni
lill-popolazzjoni ċivili għall-għan tagħhom li jitwarrab il-Gvern Libjan li kien
hemm u l-pajjiż jingħata tmexxija differenti.
Bl-iskuża li jiċħdu lill-Gvern Libjan mill-użu tal-fondi kbar investiti barra l-pajjiż, iffriżaw l-assi Libjani kollha fil-pajjiżi barranin, u b’hekk ma ħallewx jixtri mill-pajjiżi barranin il-ħwejjeġ kollha metieġa mill-poplu Libjan, u b’konsegwenza ta’ dan, kien hemm nuqqasijiet fl-ikel, tal-mediċini u tal-fjuwil fil-Libja.
Bl-iskop li jiżolaw lill-mexxejja tal-pajjiż, imponew is-sanzjonijiet fuq l-ivvjaġġar
u l-mezzi ta’ trasport biex il-poplu Libjan spiċċa li la jista’ jsiefer bl-ajru
u lanqas bil-baħar.
Imponew embargo fuq l-importazzjoni tal-armi u l-armamenti fil-Libja, iżda l-ewwel bil-moħbi, u mbagħad bid-deher, taw kwantità kbira ta’ armi u armamenti lir-ribelli ta’ Benghazi u tal-Punent tal-Libja.
Sostnew li l-Gvern Libjan ma kienx demokratiku għax ma kienx elett
demokratikament, u hemm minfloku l-Kunsill ta’ Benghazi li mhux demokratiku għax
mhux elett demokratikament.
Jekk qabel kienu jinqatlu nies inġustament, issa qegħdin jinqatlu nies bl-addoċċ
bi tpattijiet u b’vendikazzjonijiet, u saħansitra l-kap kmandant tar-ribelli
stess inqatel minn sħabu.
J’Alla ma jkunx li l-Libjani minn ġot-taġen qabżu għal ġon-nar.
Il-Ħamis, 1 ta’ Settembru, 2011

Fittex li tiffirma l-petizzjoni popolari lill-Parlament Malti biex jgħaddi miżuri li jrażżnu l-immigrazzjoni illegali f’pajjiżna.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju
CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ