MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Li tiddefendi l-interess tal-poplu sar reat?
Il-ġurnal
The Times ta’ nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Ġunju, fl-ewwel paġna
u bi prominenza li normalment tingħata lil xi traffikant kbir tad-droga
jew lil xi ħadd akkużat bi qtil, kien hemm rapport u miegħu
ritratt tas-Sur Pawlu Salomone, li ġie arrestat u mressaq taħt
arrest il-Qorti, akkużat li ”inċita mibegħda razzjali” waqt
diskors li għamel fil-protesta li l-Allejanza Nazzjonali Repubblikana
(ANR) għamlet fil-Belt Valletta dan l-aħħar.
Meta
qrajna dan ir-rapport u rajna r-ritratt ta’ Pawlu Salomone qiegħed jiġi
skortat lejn il-Qorti mill-Pulizija, bqajna skantati!
Aħna ċerti li eluf bħalna baqgħu skantati jaraw li
f’Malta ta’ llum, jekk turi fehmtek dwar kwistjoni serjissima għall-poplu
Malti u speċjalment għall-ħaddiema, ssib ruħek imtella’
l-Qorti akkużat li qiegħed ”tinċita l-mibegħda
razzjali”.
U x’qal dan Pawlu Salomone biex qajjem ix-xjaten kollha ta’ dan il-Gvern
ipokrita li ilu juża razziżmu politiku minn meta rebaħ
l-elezzjoni ġenerali fl-1987?
Skond
dak li smajna mingħand min attenda dik il-protesta, dak li qal Pawlu
Salomone qiegħed jingħad mill-maġġoranza kbira tal-poplu
Malti fit-toroq u l-pjazez ta’ pajjiżna!!!
Jekk
Pawlu Salomone qiegħed jiġi akkużat għax tkellem kif
tkellem f’post pubbliku, anke dak li qegħdin jgħidu l-eluf kbar
ta’ Maltin, ukoll qed jingħad fil-pubbliku.
Sa fejn nafu aħna, l-bars, każini, it-toroq, il-pjazez u għand
tal-grocer, kollha huma postijiet pubbliċi.
X’se
nagħmlu mela, noqogħdu nibagħtu l-pulizija f’dawn
il-postijiet kollha biex kull min isemma’ leħnu dwar din il-problema
enormi għall-pajjiżna u għall-poplu Malti, jiġi arrestat u
mtella’ l-Qorti?
Forsi m'humiex fatti u veru, per eżempju, li immigranti illegali qegħdin
jingħataw kenn, saqaf fuq rashom, jingħataw ilbies u ikel, waqt li
Maltin li m’għandhomx fejn joqogħdu, jew qegħdin joqogħdu
ġo xi gabuba bis-saqaf se jaqa’ u ma jaqax fuq rashom, il-Gvern Malti
qed iħallihom snin twal f'dawn il-kundizzjonijiet?
Allura
min isemmi dan il-fatt ikun qed ”jinċita mibegħda razzjali”?
Jew
min jgħid li sirna kolonja jew sefturi ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’
dawn l-immigranti illegali, la rridu naħsbulhom għal kollox (u nagħmlu
sewwa sakemm dawn jibqgħu f’pajjiżna għal żmien qasir)
mhux il-verità sagrosanta jkun qed jgħid?
Fl-opinjoni tagħna llum f'pajjiżna tfaċċat problema akbar
minn dik ta’ l-immigrazzjoni illegali.
Rega’
għandna l-problema tal-libertà ta’ l-espressjoni.
Dik l-istess libertà li ż-żewg partiti politiċi kienu ġġieldu ghaliha bil-mod tagħhom.
X'irridu issa
li dik il-libertà li ksibna għall-poplu Malti wara snin twal li matulhom
il-poplu Malti kien qed jgħix qisu fil-medju evu, bin-nuqqas ta’
libertajiet li kellu, nerġgħu nitilfuha għax xi ġurnalisti
f’ċerti ġurnali u opinjonisti li jitħallsu ta’ dak li
jiktbu, qegħdin jitkażaw jaraw lil min ipoġġi l-interess
tal-poplu Malti l-ewwel u qabel kollox?
Niftakru tajjeb kif fis-snin tmenin, meta kien jinqala’ xi każ li
l-Oppozizzjoni ta’ dak in-nhar kienet tgħid li hu wieħed ta’
ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew theddida ghal-libertà, ġieli rajna għexieren
ta’ avukati jieħdu wkoll il-patroċinju tal-każ quddiem
il-Qorti biex issir pressjoni fuq il-ġudikant.
Tgħid se naraw lil xi ħadd minn dawk l-avukati llum lesti li joħorġu għonqhom għall-libertà?
Ghamlulna unur!
Fil-ħarġa
ta' Il-Mument tat-18 ta' Ġunju, għoġobhom jagħmlulna unur
bil-kitba: "Anna, Saviour u s-CNI".
Wara
li poġġew lill-Avukat Anna Mallia ”fil-lemin estrem ta’
l-ispektrum politiku” għax fil-Malta Today kitbet li ”in-nazzjonaliżmu
(jiġifieri li tħobb l-ewwel lil pajjiżek) mhux razziżmu”,
komplew kitbu hekk:
"Għaġeb
ta’ l-għeġubijiet, dan l-artiklu (ta’ Anna Mallia), tgħidx
kemm faħħruh fil-paġna tas-CNI li dehret f'l-orizzont ta’
nhar is-Sibt, 10 ta' Ġunju, iżda min irriproduċa dak li kitbet
Mallia, ħass li kellu jgħid li ”aktar hemm xellugin li jemmnu li
l-interess ta’ pajjiżna għandu jiġi l-ewwel”.
Iżda
b'daqshekk tas-CNI ma ħarġux mir-rokna skomda li issa daħlu
fiha huma wkoll”.
Bla ma nduna, min ħarbex din il-kitba lanqas induna li lis-CNI kien qiegħed
jagħmlilha unur kbir.
Waqt
li lill-PN kien qiegħed jurih bħala partit li ma jridx li l-interess
ta’ pajjiżna jiġi l-ewwel, bħalma rriduh aħna tas-CNI,
Anna Mallia u oħrajn bħall-ANR – li l-maġġoranza kbira
tagħhom huma ”nazzjonalisti ta’ veru” u mhux ta’ l-isem biss bħal
dak li kiteb f'Il-Mument.
U
l-maġġoranza assoluta tal-Laburisti, li għalihom l-għajta
”Malta l-ewwel u qabel kollox” għadhom jgħożżuha!
Wara kollox, qatt ma kellna xi dubju li għall-PN l-ewwel interess dejjem
kien u għadu dak ta’ l-ispekulaturi u s-sinjuri li jżoqquhom
bl-eluf ta' liri waqt xi maratona ta’ ġbir ta' fondi.
“L-UE taħti għaż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel”
Ħassejna li kellna nġibu għall-attenzjoni tal-qarrejja ta’ din il-paġna, silta minn artiklu stupend li kiteb l-’accountant’ u awditur Joe Sammut, nhar it-Tnejn, 19 ta' Ġunju, f’dan il-ġurnal.
Bħas-soltu
Joe Sammut hu metikoluż ħafna fil-kitba tiegħu.
Jikteb
b'mod li jifhmu kulħadd.
U
kull artiklu li jikteb ikun ibbażat fuq fatti li jirriżultaw mir-riċerka
serja li jagħmel dejjem.
Għalhekk
huwa kważi impossibbli li wieħed jikkritika dak li jikteb, fil-fatt
ftit jażżardaw jagħmlu dan!
Is-silta li ħadna tirrigwarda l-prezzijiet dejjem jogħlew
tal-prodotti ta’ l-ikel.
U
x’qiegħed jikkawza din iż-żieda fil-prezzijiet?
Forsi
hawn min nesa li dan l-għoli fil-prezzijiet kien ipprevedih l-eks Prim
Mministru, Dr Fenech Adami meta kien għajjat: "Ħa jogħlew
il-prezzijiet"!
Veru li wara, lejliet ir-referendum kiteb ittra lill-votanti fejn qalilhom li l-prezzijiet ta’ l-ikel se jorħsu aktar minn lira fil-ġimgħa minħabba li se jispiċċaw il-’levies’!
Se
nikkwotaw dak li kiteb eżatt Joe Sammut, għax jista’ jkun hemm min
ma qarax l-artiklu pjuttost twil ta’ Joe Sammut għax jaqta’ qalbu
jaqra artiklu ta’ paġna sħiħa.
Ħallliha
li mbagħad jaf iqatta’ sigħat sħaħ quddiem it-TV jara xi
programm bla sugu ta’ xejn!
Araw x’kiteb Joe Sammut: ”Ejjew nibdew bl-aktar waħda sempliċi.
Iż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel.
L-akbar
żiediet ġejjin mill-prezzijiet tal-laħam, taz-zokkor, ġobon
u mill-prodotti maħdumin mill-ħalib.
Iż-żidiet reġistrati huma konsegwenza diretta u unika tad-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Għax
fis-swieq internazzjonali, dawn il-prodotti niżlu (roħsu) u mhux għolew
fil-prezzijiet.
Imma
peress li issa rridu nħallsu dazji u tariffi għoljin u wkoll ma
nistgħux nimportaw minn barra l-Unjoni aktar minn ċertu ammont biex
jiġu protetti l-bdiewa Ewropej, l-aktar dawk Franċiżi,
il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti għolew".
F'din is-silta Joe Sammut ikkonferma kemm kellna raġun aħna tas-CNI,
il-Partit Laburista u l-GWU, inwissu lill-poplu Malti li l-prezzijiet ta’
ċerti prodotti essenzjali ta’ l-ikel se jogħlew jekk Malta tissieħeb
fl-UE, u mhux jinżlu kif kien kiteb Dr Fenech Adami f'dik l-ittra.
Għaliex il-politiċi ma jfakkruħx ukoll lill-poplu?
Il-ħlieqa tal-“preparazzjoni”
Kultant tisma’ lil xi
ħadd jgħid li kieku konna ppreparati għas-sħubija fl-UE,
ma kien ikun hemm xejn ħażin li dħalna fiha.
Tajjeb li wieħed jerġa‘ jfiehem b’mod sempliċi ħafna
li l-ebda ”preparazzjoni” ma tista’ tilqa’ għall-konsegwenzi
negattivi tas-sħubija fil-futur.
Ir-raġuni
hi sempliċi ħafna.
Għax
ħadd ma jkun jaf x’liġijiet u direttivi se tkun qiegħda toħroġ
l-UE, speċjalment fil-futur xi ftit imbiegħed.
Allura
kif qatt jista’ xi ħadd ”jipprepara” ruħu għal xi ħaġa
li ma jafx x’se tkun?
Ħalli nagħtu eżempju li jifhmu kulħadd.
Għaliex
tant żwiġijiet qegħdin jitkissru minkejja li l-koppji jkunu
”ippreparaw” ir-wieħhom b'korsijiet li jorganizzawlhom il-Moviment
ta’ Kana, u l-ħafna kotba li jaqraw biex ikunu ppreparati tajjeb għaż-żwieġ?
Ir-raguni
hi l-istess bħal dik li diġà semmejna: għax ħadd ma
jista’ jkun jaf xi problemi se jinqalgħu fil-futur.
Aktar
u aktar meta l-problemi ma jinqalgħux minn xi parti tal-koppja miżżewġa,
iżda minn xi ħadd barrani!
Fil-każ tas-sħubija ta’ Malta fl-UE; il-problemi m’humiex dawk
li jinqalgħu minn Gvern Malti, li Gvern Malti differenti jista’ jirranġa.
Iżda
jinqalgħu minn "gvern barrani", jiġifieri l-Kummissjoni
Ewropea u li ebda Gvern Malti ma jkun jista’ jirranġa.
Ara kif qatt stajna nkunu ppreparati għal dan!
Is-Sibt, 1 ta’ Lulju, 2006.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ