MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
minn Kampanja Ħelsien Nazzjonali CNI
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €360,000,000
X’għandna nagħmlu fl-interess tal-Partit Laburista
minn
Karmenu Mifsud Bonnici
Mhux
fl-interess tal-Partit Laburista li jivvota IVA b’riservi għall-Kostituzzjoni
Ewropea li ġġedded il-ftehim ta’ Atene tal-2003.
Illum il-maġġoranza tal-poplu fehmet li l-ftehim tal-2003 huwa żvantaggjuż
u ta’ ħsara kbira għal pajjiżna.
Fiż-żmien
li baqa’ sa l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, din il-maġġoranza
tkompli tiżdied hekk kif jinħassu aktar l-effetti ħżiena u
l-konsegwenzi ħorox ta’ dan il-ftehim.
Għalhekk il-Partit Laburista m’għandux illum jivvota favur il-ftehim
tal-2003 li jagħmel parti mill-Kostituzzjoni Ewropea, meta l-maġġoranza
tal-poplu llum mhix favurih u għada, maġġoranza akbar ma tkunx
favurih.
Jekk fil-2003 l-Oppożizzjoni tiegħu għall-ftehim ta’ Atene
telfet lill-Partit Laburista, il-fatt li llum il-Partit Laburista jastjeni milli
jivvota favur il-ftehim tal-2003, għandu jkun fattur li jrebbaħ
lill-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
Għaliex fl-Elezzjoni li jmiss ikun importanti li l-maġġoranza tal-poplu jkollha t-tama li l-Partit Laburista fil-gvern se jwettaq il-wegħda li għamel fid-9 ta’ Novembru 2003 li jaħdem bla heda ħalli jxejjen l-aspetti negattivi kollha tal-ftehim tal-2003.
Din it-tama l-poplu jitlifha jekk issa l-Partit Laburista jċedi u jivvota IVA għall-ftehim tal-2003 bl-aspetti negattivi kollha tiegħu li jagħmlu parti mill-Kostituzzjoni Ewropea.
Il-ħames
riservi għall-vot IVA favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea bl-ebda
mod ma jxejjnu l-aspetti negattivi kollha ta’ dak il-ftehim ta’ Atene
tal-2003.
Il-Partit Laburista m’għandux x’jitlef jekk jastjeni milli jivvota
ghall-Kostituzzjoni Ewropea.
Issa
li l-maġġoranza kbira tal-Franċiżi u ta’ l-Olandiżi
vvutaw LE għaliha mhux għax huma kontra l-Unjoni Ewropea, ħadd ma
jista’ jixli lill-Partit Laburista li jkun astjena milli jivvota kontra l-Kostituzzjoni
Ewropea, li huwa kontra l-Unjoni Ewropea.
Inkunu qegħdin noħolmu jekk naħsbu li fl-Elezzjoni Ġenerali
li jmiss ir-relazzjoni ta’ Malta ma’ l-Unjoni Ewropea mhux se tkun fiċ-ċentru
tal-kampanja elettorali.
Il-pressjoni
akbar fuq il-Partit Laburista biex jaħdem ħalli ma jħallix li l-qagħda
mwegħra ħafna ta’ pajjiżna teħżien b’effett u
b’konsegwenza tal-ftehim tal-2003 ma’ l-UE ma tħallix lill-Partit jaħrab
din il-kwistjoni vitali ħafna għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.
l-Partit
Laburista m’għandux jidher li issa qiegħed jirrinunzja li jaħdem
biex ixejjen l-aspetti negattivi kollha, żvantaġġjużi u ta’
ħsara tal-ftehim ma’ l-UE, billi issa jivvota IVA għal dawk l-istess
aspetti negattivi tal-ftehim li huma mdaħħla fil-Kostituzzjoni Ewropea.
Minn dak li nkiteb nhar il-Ħadd li għadda fil-ġurnal tal-Partit
Nazzjonalista, nistgħu jkollna ħjiel ta’ xi tkun fl-Elezzjoni li
jmiss il-propaganda Nazzjonalista kontra l-Partit Laburista.
Wara li n-Nazzjonalisti ħeġġew kemm felħu lill-Partit Laburista ħalli fil-Konferenza Straordinarja jiddeċiedi li jivvota IVA b’riservi favur ir-ratifika tal-Kostituzzjoni Ewropea, kitbu hekk:
“L-Ewropa
firdet lill-Partit Nazzjonalista u lill-Partit Laburista għal żmien
twil. Issa se jsir pass importanti fejn il-Partit Laburista jirrikonoxxi li kien
żbalja meta għamel kampanja kontra l-Ewropa u issa, għax għaraf
l-iżball, biddel il-politika tiegħu. Fuq l-Unjoni Ewropea, il-Partit
Nazzjonalista qedjiġi vindikat. Hu f’dan is-sens li din il-ġimgħa
hi wkoll ġimgħa importanti għall-Partit Nazzjonalista għax
se jkun qiegħed jara lill-Partit Laburista jsegwi l-politika tal-Partit
Nazzjonalista. L-aqwa arma fil-politika hi li tikkonvinċi lill-avversarju
politiku tiegħek!”
Se niġu f’din il-qagħda assurda.
Il-maġġoranza tal-poplu qiegħda tagħti tort lill-Partit Nazzjonalista li żbalja bil-ftehim li għamel fil-2003.
U l-Partit Laburista se jagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista għall-ftehim li dan għamel fil-2003 billi issa jivvota IVA għalih!
U
ninsabu f’qagħda tassew assurda li jekk il-Laburisti jiftehmu biex
jivvutaw man-Nazzjonalisti, ikunu qgħedin isaħħu lill-Partit
Laburista u aħna li qed insostnu li l-Partit m’għandux jivvota man-Nazzjonalisti,
inkunu meqjusa u mgħajra li qegħdin indgħajjfu lill-Partit
Laburista!
Ma naħsibx li Gonzi jixtieq il-ġid lill-Partit Laburista aktar milli
nixtiequlu aħna.
U lanqas naħseb li huwa qed iħeġġeġ lill-Partit Laburista biex jivvota IVA, biex jgħin lill-Partit Laburista jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
Jagħmlu
tajjeb id-Delegati Laburisti ta’ rieda tajba jir-riflettu fuq dan kollu.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
Il-Ġimgħa, 1 ta’ Lulju, 2005
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat Lm2 flimkien ma' din il-formola liċ-
Chairman
CNI,
Dr
Karmenu Mifsud Bonnici B.A. LL.D.
81,
Triq Ġuże Pace,
Ħamrun.
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ