MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

 

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 

NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻMU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000 minn ħalq uliedek

 

Schengen naqqas is-sigurtà f’pajjiżna

 

IL-QTIL li seħħ f'Birkirkara l-ġimgħa l-oħra kien bħal dawk tal-Mafja ta’ Sqallija. 

 

Dan kien il-kumment ġenerali tal-poplu.

Ħafna tħassbu għax ftakru kemm saret ħaġa faċli għal kriminali Sqallin biex jiġu Malta u jmorru lura bla ħadd ma jgħassilhom, issa li tneħħew il-kontrolli tal-passaporti bid-dħul ta' Malta fiż-Żona Schengen ta’ l-Unjoni Ewropea. 

 

Għax skond il-Ftehim ta' Schengen, iċ-ċittadini tal-pajjiżi ta' l-Unjoni li ssieħbu fih, imorru fil-pajjiżi l-oħrajn li huma bħalhom fiż-Żona Schengen, l-istess bħalma l-Maltin imorru Għawdex u l-Għawdxin jiġu Malta. 

 

Kemm jaqtgħu biljett ta' l-ajru jew tal-baħar, bla ebda kontrolli xejn tal-passaport u tad-Dwana.

 

L-agħar konsegwenza tal-Ftehim ta' Schengen hija li l-kriminali ta' pajjiżi fiż-Żona Schengen issa għandhom il-faċilità li joperaw fejn iridu fil-pajjiżi kollha taż-żona mingħajr ħadd ma jżomm kont fejn imorru. 

 

Fil-każ tagħna, dan ifisser li tal-Mafja u tal-Camorra ma jsibu ebda xkiel li jinkrew biex iwettqu delitti f'pajjiżna, bħalma jagħmlu f'pajjiżhom.

Il-Ftehim ta' Schengen kabbar it-theddida ta' delitti li jitwettqu fuq il-poplu tagħna u għalhekk naqqas is-sigurtà f'pajjżna. 

 

Ta’ dan iż-żieda fl-għawġ, il-poplu għandu jżomm responsabbli lil dawk li jimportahom aktar li jogħġbu lill-Unjoni Ewropea milli li jħarsu l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin. 

 

Dawn qarrqu bil-poplu billi ftaħru kemm jaqbillu billi se jgawdi għax bis-saħħa tax-Schengen, se jsiefer bla ħtieġa tal-kontroll tal-passaport u tad-dwana. 

 

Ma fissrux lill-poplu li l-prezz li se jħallas huwa li se tikber it-theddida ta' kriminali barranin li jiġu f'pajjiżna bla xkiel ta' xejn.

 

L-istil mafjuż tal-qtil li seħħ f'Birkirkara forsi jgħin biex il-poplu Malti jirrealizza li aħjar anqas kumdità meta jsiefer, milli anqas sigurtà f'pajjiżu, bħala riżultat li daħħluh fiż-Żona Schengen ta' l-Unjoni Ewropea.

Tajjeb li l-poplu jiftakar ukoll fl-ispejjeż kbar li Schengen swietilna. 

 

Għandna 40 membri tal-Pulizija Maltin li l-ħin kollu qegħdin moħlijin biex iħaddmu l-Ftehim ta’ Schengen. 

 

Saret spiża kbira fix-xiri ta' l-apparat u l-attrezzi meħtieġa mill-Pulizija għax-xogħol tax-Schengen. 

 

Biżżejjed infakkru li fit-Terminal ta’ l-Ajruport ta' Malta intefqu madwar erba’ miljun Ewro biex attrezzawh għall-passiġġieri skond kif jeħtieġ il-ftehim. 

 

Dan kollu barra l-ħin li jinħela mill-Ministri u l-uffiċjali Governattivi fil-laqgħat u d-diskussjonijiet li jsiru dwar Schengen.

Is-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin titlob li jsir aktar kontroll fuq min jidħol f'pajjiżna, mhux li jitneħħew il-kontrolli. 

 

Persuni li mhux mixtieqa jiġu mhux biss mill-pajjiżi barra l-Unjoni, iżda anke minn pajjiżi fl-Unjoni. 

 

Ma tagħmilx sens li għal persuni minn pajjiżi barra l-Unjoni, daħħalna l-ħtieġa tal-visa, fil-waqt li għal dawk ta’ l-Unjoni lanqas ħallejna d-dritt li narawhom il-passaport.

 

Fl-Ewwel ta’Mejju niftakru

 

ERBA’ snin ilu, il-Jum imqaddes ta' l-Ewwel ta' Mejju, ipprofanajnieh bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea. 

 

Illum qegħdin infakkru r-raba' anniversarju ta' l-ewwel jum meta tlifna l-ħelsien sħiħ, li l-kisba tiegħu nafuha għas-sagrifiċċji tal-ħaddiema ħalli l-poplu tagħna jinfeda mill-barrani u jieħu rajh f'idejh.

Il-poplu, speċjalment il-ħaddiema, ittamaw li l-ħelsien jitħares b'għożża kbira, bħalma ntrebaħ b'ħidma kbira.

 

Iżda ksibnieh bis-saħħa ta' tmexxija qalbiena, waqt li tlifnieh bi tmexxija ta' ġifa.

F'dan l-Ewwel ta' Mejju l-ħaddiema Maltin u Għawdxin, tajjeb li jiftakru mhux biss fil-ksibiet li għamlu matul is-snin, iżda wkoll jagħmlu l-kont ta' x'ġarrbu matul l-aħħar erba' snin tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea – telfien ta' l-impjiegi u tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

 

Il-votanti ingannati fir-Referendum ta’ l-2003

 

AKTAR kmieni din il-ġimgħa, il-Kampanja Ħelsien Nazzjonali (CNI) għamlet konferenza ta' l-aħbarijiet dwar is-sentenza tal-Qorti ta' l-Unjoni Ewropea mogħtija fl-24 ta' Marzu, 2008, kontra l-kaċċa f'Malta fir-rebbiegħa.

Fil-konferenza ta' l-aħbarijiet is-
CNI sostniet li s-sentenza tal-Qorti ta' l-Unjoni Ewropea li ordnat lill-Gvern Malti ma jħallix il-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa tqanqal kwistjonijiet ta' prinċipju fundamentali.

Mingħajr ma wieħed jidħol fil-mertu tal-kwistjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa, hemm fin-nofs il-‘bona fede’ tal-Kummissjoni Ewropea meta nnegozjat mal-Gvern Malti s-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni, kif ukoll l-assigurazzjonijiet li ngħataw lill-poplu Malti u lill-kaċċaturi qabel ir-Referendum ta' l-2003 mill-Prim Ministru Fenech Adami, mill-Viċi-Prim Ministru Gonzi, mill-Ministru ta' l-Affarijiet Barrani Joe Borg, u miċ-Ċermen ta’ l-MIC Dr Simon Busuttil.
 

Il-Gvern Malti u d-dutturi Fenech Adami, Gonzi, Borg u Busuttil żguraw lill-poplu u lill-kaċċaturi li l-Unjoni Ewropea kienet fehmet li l-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa' sseħħ. 

 

Il-poplu u l-kaċċaturi vvotaw favur il-Ftehim tas-Sħubija b'dik l-assigurazzjoni f'moħħhom.

 

Il-Gvern qiegħed jixli lill-Kummissjoni Ewropea li qiegħda tmur lura mill-ftehim li għamlet miegħu dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. 

 

Issa l-Kummissjoni Ewropea kisbet mingħand il-Qorti ta' l-Unjoni l-ordni biex il-Gvern ma jwettaqx dak li hu kien ftiehem mal-Kummissjoni dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Quddiem dan l-aġir ħażin tal-Kummissjoni Ewropea u l-ordni arbitrarja tal-Qorti ta' l-Unjoni, il-Gvern Malti, il-President tar-Repubblika Dr Fenech Adami, il-Prim Ministru Dr Gonzi, il-Kummissarju Ewropew Dr Borg, u l-Membru tal-Parlament Ewropew Dr Simon Busuttil, għandhom żewġ alternattivi. 

 

Jew jirriżenjaw għax l-assigurazzjonijiet li kienu taw lill-poplu Malti u lill-kaċċaturi nstabu li kienu foloz u mogħtijin b'qerq, jew jisħqu li l-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea kien kif isostnu huma, u fuq dak il-ftehim seħħet is-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni, u la darba l-Unjoni Ewropea mhix qiegħda tonora dak il-ftehim, il-Ftehim tas-Sħubija fl-Unjoni għandu jaqa’ u Malta m'għandhiex tibqa’ msieħba fl-Unjoni Ewropea.

Is-sentenza tal-Qorti ta’ l-UE giddbet lid-dutturi Fenech Adami, Gonzi, Borg u Busuttil, u ppremjat il-qerq u l-‘mala fede’ tal-Kummissjoni Ewropea. 

 

L-irġulija ta' dawn l-erba’ dutturi, u l-ġieħ ta' Malta jitolbu reazzjoni xierqa li tista’ tkun biss jew ir-riżenja ta' l-erba’ dutturi, jekk huma jammettu li ma qalux is-sewwa lill-poplu u lill-kaċċaturi, jew iħeġġu lill-poplu Malti biex ma jibqax imsieħeb fl-Unjoni, la m'għandhiex id-diċenza tonora l-ftehim li kienet għamlet mal-Gvern Malti dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

 

Kif iriduna nemmnu fl-Unjoni Ewropea?

 

Minn EDDY PRIVITERA

 

AĦNA li qatt ma emmina li l-Unjoni Ewropea hija l-aħjar għal pajjiżna, saħħaħna aktar din il-fehma tagħna b'dak li l-poplu tagħna, partikolarment il-ħaddiem, ġarrab fl-aħħar erba' snin li ilna msieħbin fl-Unjoni. 

 

Għalhekk ma nistgħux naqblu ma' min jiftaħar li hu dejjem emmen li l-poplu tagħna jmur aħjar fl-UE.

Hemm biżibilju ta' argumenti għaliex ma nistgħux naqblu ma' dan il-ftaħir li jweġġa’ l-eluf kbar li dejjem emmnu li ma jaqbilx għall-poplu tagħna li jkun maħkum mill-Unjoni Ewropea, iżda l-aħjar li jkun sħab magħha, mhux imsieħeb fiha.

Hemm biżibilju ta’ argumenti għaliex ma nistgħux naqblu ma’ min jiftaħar bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

 

Se nsemmu xi ftit minnhom.

* Mhux veru li Malta qiegħda minn fuq finanzjarjament ma’ l-UE, minkejja l-ħafna ftaħir dwar it-855 miljun Ewro li suppost jiġu f'pajjiżna sa l-2013. 

 

Kemm-il darba tajna prova ta’ dan u ħadd ma giddibna.

* It-Tarzna jkollha tagħlaq jekk ma ssirx vijabbli sa l-aħħar ta' din is-sena, minħabba li l-UE rabtet lill-Gvern Malti b’ħafna kundizzjonijiet, inkluża dik li ma jistax jagħtiha aktar għajnuna operattiva.

 

* Id-dħul ta’ l-Ewro, li minbarra li kompla jgħolli l-ħajja (f'Marzu ż-żieda laħqet l-4%), qed jagħmilna anqas kompetittivi, mhux biss fl-industrija tal-manifattura, iżda wkoll fit-turiżmu, speċjalment fis-suq Ingliż.

* Id-dħul ta' Malta fiż-Żona Schengen qiegħed joħolqilna problemi fit-turiżmu f'dawk il-pajjiżi li m'humiex fiż-Żona Schengen. 

 

Id-Deputat tal-Gvern, Robert Arrigo, li huwa espert fit-turiżmu għax huwa sid ta’ diversi azjendi turistiċi, jista' jixhed dan.

* It-telfien tas-sovranità ta' pajjiżna huwa telf kbir. 

 

Kif kien qal mexxej politiku qabel ir-Referendum ta' l-2003, it-telf ma jistax jitkejjel. 

 

Il-kliem eżatt tiegħu kien: 

 

“Mela kieku kellna ngħoddu xi jkun jiswa t-telfien tas-sovranità, kemm irridu ngħoddu miljuni, 50 miljun, 100 miljun, 200 miljun? Ma nistax ngħid, għax is-sovranità hija imprezzabbli.”


Meta poplu jitlef id-dritt li jiggverna lilu nnifsu permezz tar-rappreżentanti li jagħżel fl-elezzjoni, u jibda jiġi ggvernat minn politiċi u burokratiċi barranin li ma jkollux is-setgħa li jibdilhom, dak il-poplu jkun tilef l-akbar dritt u ġid li kellu.

Għalhekk kif qatt min tassew jemmen li Malta hija l-ewwel u qabel kollox, u speċjalment il-ħaddiema Maltin u Għawdxin, jista' jaqbel ma' min jiftaħar bl-Unjoni Ewropea, li tellfitilna s-sovranità ta' pajjiżna, billi jgħid li huwa dejjem emmen fl-UE!

 

IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Ħamis, 1 ta’ Mejju, 2008

  << Lura <<  

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ