MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI
Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LID-DEPUTAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
Fis-seba’ snin 2007 – 2013 il-Maltin u l-Għawdxin se jkunu ħallsu lill-Unjoni Ewropea €420,000,000
Dawk il-famużi “miljuni” mill-UE!
' Spiss nisimgħu lill-Prim Ministru, Ministri, Segretarji
Parlamentari u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista, isemmu l-“miljuni kbar
ta’ Ewros” li ġejjin mill-Unjoni Ewropea.
Din il-logħba tal-“miljuni” ilhom jilagħbuha minn meta
l-eks-Deputat Mexxej tal-Partit Nazzjonalista, il-Prof. Gwido Demarco, kien
ħabbar b’leħen għoli waqt mass meeting tal-Partit Nazzjonalista
lejliet ir-Referendum u l-Elezzjoni Ġenerali ta’ l-1998 – li jekk nidħlu
fl-Unjoni Ewropea konna nibdew nirċievu Lm100 miljun fis-sena!
Aħna tas-CNI kif ukoll il-Partit Laburista u l-GWU, konna għidna li
dan ma kien veru xejn. Għadda ż-żmien u d-diskors
tan-Nazzjonalisti beda jdur.
Wara r-rebħa elettorali (li tathielhom
l-Unjoni Ewropea!) il-Prim Ministru ta’ dak in-nhar, Dr Eddie Fenech Adami,
illum President ta’ Malta, sab skuża komda – beda jgħid li ċ-ċirkostanzi
kienu nbidlu u l-“miljuni” ma bdewx jissemmew aktar!
Issa ċ-ċirkostanzi vera nbidlu, għax flok Lm100 miljun fis-sena,
issa l-akbar ammont ta’ fondi li Malta tista’ tagħmel użu minnhom
(mhux nirċievu għall-baġit tagħna) huma Lm28 miljun fis-sena
għal seba’ snin.
Kważi kwart tal-wegħda li saret qabel
ir-Referendum u l-Elezzjoni Ġenerali!
Dan l-aħħar qrajna rapporti fil-ġurnali dwar il-ferneżija li
qabdithom il-Prim Ministru, il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari Tonio
Fenech, dwar il-biża’ li jekk ma jgħaġġlux fuq il-proġetti
li jridu jissottomettu lill-Unjoni Ewropea għal kunsiderazzjoni tagħha
– biex tiddeċiedi jekk tallokax fondi għal dawk il-proġetti jew
le – nistgħu nispiċċaw nitilfu parti mill-fondi strutturali li
ġew allokati għal Malta.
Ara dwar il-“fondi” li l-Gvern Nazzjonalista qiegħed iħallas kull
xahar lill-Unjoni Ewropea, dwar dawk il-flus, l-Unjoni Ewropea m’għandha
l-ebda problema li se titlef xi parti minnhom!
Għax dawk irridu nibgħatuhomlha
bla kundizzjoni ta’ xejn!
U meta fis-sena 2013 jispiċċawlna l-fondi strutturali ta’ l-Unjoni
Ewropea – għax Malta ma tkunx għad għandha l-istatus ta’
‘Objective One’ – aħna xorta marbutin bit-trattat tal-mistħija
li Dr Eddie Fenech Adami kien iffirma fis-16 ta’ April, 2003, li nibqgħu
nibgħatulha l-ħlas kull xahar sakemm nibqgħu membri fl-Unjoni
Ewropea!
Dan ifakkarna fiż-żewg trattati ta’ l-Indipendenza ta’ l-1964,
meta waqt li Malta kienet marbuta bit-Trattat tad-Difiża li trid tibqa’
toffri l-faċilitajiet ta’ bażi militari lill-Ingilterra, min-naħa
ta’ l-Ingilterra ma kinetx marbuta li bilfors trid tibgħatilna l-ftit
miljuni ta’ liri (għall-ewwel Lm3.5 miljun bħala għotja, imbagħad
wara Lm1.5 miljun bħala għotja u l-bqija Lm3.5 miljun bħala self)
biex setgħet tibqa’ tagħmel użu mill-bażi militari!
Fil-fatt kienet waqfet tagħtina l-flus għal xi sentejn jew tlieta minħabba
kwistjoni li kellha mal-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien.
L-istorja se tirrepeti ruħha ma’ l-Unjoni Ewropea wara s-sena 2013. Malta
tħallas lill-Unjoni Ewropea ferm aktar milli tirċievi mill-Unjoni
Ewropea!
Il-mannara ta’ l-UE fuq il-ħaddiema tat-Tarzna!
Aħbar li żgur ħasdet lill-ħaddiema tat-Tarzna u l-familji tagħhom kienet l-aħbar li smajna nhar l-Erbgħa li għadda meta l-Ministru Austin Gatt stqarr li jekk it-telf li qiegħda tagħmel it-Tarzna se jkun iżjed minn dak ippjanat għas-sena 2008 (jiġifieri jrid ikun kważi spiċċa għal kollox) il-ħaddiema se jkollhom jew jaċċettaw tnaqqis fil-paga tagħhom, jew jispiċċaw bis-sensja!
Il-Ministru Gatt, bis-soltu arroganza tiegħu, qal li l-Gvern
mhux lest li joħrog aktar flus għat-Tarzna wara s-sena 2008.
Aħna tas-CNI, mhux biss nippontaw subgħajna u nixlu lill-Gvern
Nazzjonalista għal din it-theddida li saret lill-ħaddiema tat-Tarzna.
Aħna nippontaw subgħajna wkoll u nixlu lill-UE, għax huwa minħabba
l-impożizzjoni tar-regolamenti tagħha dwar is-sussidji fit-trattat
tas-sħubija li l-eks-Prim Ministru Dr Eddie Fenech Adami kien iffirma
f’Ateni fis-16 ta’ April, 2003, li issa l-Gvern marbut li ma jagħtix
aktar sussidju lit-Tarzna wara s-sena 2008.
Il-Gvern kien marbut ukoll li jrid inaqqas in-numru ta’ ħaddiema kif
ukoll marbut li ma jsirx xogħol ta’ bini ta’ vapuri akbar minn 10,000
tunellata fis-sena!
U, biex tagħqad, kemm-il siegħa xogħol jistgħu jaħdmu
l-ħaddiema fis-sena!!! Huwa għal dawn ir-raġunijiet li issa
l-Ministru Austin Gatt qed jilgħabha tal-‘bully’ mal-ħaddiema
tat-Tarzna.
Nistaqsu: fejn hi dik l-Unjoni Ewropea li kienu qalulna li tiggarantixxi
d-drittijiet tal-ħaddiema?
Anzi, kienu aċċertawna li dawk
id-drittijiet kollha li rebħu l-ħaddiema matul is-snin, dejjem minn
Gvernjiet Laburisti u l-General Workers’ Union, kienu se jissaħħu u
mhux jitkissru b’dan il-mod vili, kif diġà beda jiġri!
Il-Ministru Gatt u sħabu l-Ministri, imisshom jirringrazzjaw lil Alla li
huma ministri f’Malta u mhux fi Franza, għax kieku b’dan it-theddid
dwar il-paga u l-impjieg tal-ħaddiema tat-Tarzna, mhux il-ħaddiema
jitilfu xogħolhom, iżda kien ikollhom idabbru rashom u jitilqu l-poter
minn idejhom!
U jekk għad insibu ż-żejt?
F’dawn l-aħħar xhur reġgħet bdiet tissemma l-possibbiltà li jerġa’ jibda t-tħaffir għaż-żejt fl-ibħra li Malta tqis li huma tagħha.
Wara studji li għamlet
kumpanija Awstraljana, jidher li hemm prospetti li jista’ jinstab iż-żejt
f’ammont kummerċjali f’żewġ bjar partikolari.
Però, waqt li jidher li ntlaħaq ftehim mat-Tuneżija dwar iż-żona
li ż-żewg pajjiżi jqisu li taqa’ fl-ibħra tagħhom,
mal-Libja jidher li ftehim għadu ’l bogħod.
L-aktar li għandu jħassibna hu x’jista’ jiġri jekk għad
insibu ż-żejt, issa li Malta saret pajjiż membru ta’ l-Unjoni
Ewropea.
Id-diskors li qiegħed jingħad minn kelliema uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea bilfors li jnissel tħassib serju.
Dan id-diskors qed
isir fl-isfond ta’ politika komuni dwar l-enerġija li l-Unjoni Ewropea
trid li tidħol fil-pajjiżi membri fl-Unjoni.
Per eżempju, il-kliem li qal il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Juan
Manuel Barroso, dwar il-politika komuni dwar l-enerġija, għalkemm xi
ftit jew wisq vag, ma jistax ma jqajjimx tħassib u jinkwetana.
Ħalli
nagħtu xi eżempji x’qal Barroso:
Taħt it-titlu “Brussels wants central control of North Sea Oil and
European Union energy policy” “(Brussels trid kontroll ċentrali taż-żejt
fil-baħar tat-Tramuntana u tal-politika dwar l-enerġija!”), Ambrose
Evans Pritchard kiteb hekk fid-9 ta’ Marzu, 2006:
“Jose Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni, sejjah ghal strateġija
fil-pajjizi kollha ta’ l-Unjoni Ewropea dwar il-prodotti taż-żejt u
l-energija, li tkun irregolata minn Brussels, waqt li (l-Kummissjoni Ewropea)
tipprova tkisser il-kontroll li għandhom il-gvernijiet nazzjonali fuq
il-politika dwar l-enerġija”.
Evans Pritchard jikkwota wkoll lil Jose Manuel Barroso jgħid li l-Ewropa ma
tistax tibqa’ tħalli lilha nnifisha l-lussu ta’ interess nazzjonali
meta d-dipendenza fuq sorsi riskjużi ta’ enerġija barranija se
titla’ minn 50 fil-mija llum ghal 70 fil-mija sas-sena 2030.
Barroso ġie kkwotat li qal dawn il-preċiżi kelmiet: “Jekk
irridu nkantaw bl-istess vuċi fuq il-palk dinji, ma nistgħux ikollna
25 suq żgħir ta’ l-enerġija. Irridu nirrifjutaw kull tip ta’
nazzjonaliżmu ta’ natura ekonomika, speċjalment fis-settur ta’
l-enerġija!”
Meta wieħed jaqra kliem bħal dan, jista’ wieħed ma jitħassibx
bil-kbir dwar x’se tagħmel l-Unjoni Ewropea dwar iż-żejt li
jinstab f’żoni ta’ stati membri ta’ l-Unjoni Ewropea?
U jekk għad insibu ż-żejt u l-Unjoni Ewropea tkun trid li dan
isir riżors ta’ l-enerġija ta’ l-Unjoni Ewropea, jew ta’
l-istati membri kollha ta’ l-Unjoni, tgħid imbagħad se jgħidulna,
bħal ma qalulna dwar is-sovranità – li jkun jaqblilna għax inkunu
qeghdin naqsmu ż-żejt ma’ pajjiżi ferm akbar minna?!
Għalhekk Malta sovrana?
Tgħidx kemm qalulna li bis-sħubija, Malta mhux biss se tibqa’
tgawdi s-sovranità tagħha, iżda saħansitra se tissaħħah.
Nistaqsu lid-dixxipli obbidjenti ta’ l-UE f’pajjiżna: Malta għadha
sovrana għax:
1. Indaħlitilna anke fil-mod kif naghmlu l-ġbejniet ta’ Għawdex?
2. Indaħlitilna kemm nistgħu nagħmlu xogħol ta’ bini ta’
vapuri fit-Tarzna kull sena?
3. Indaħlitilna kif norganizzaw it-trasport pubbliku f’Malta?
4. Qiegħda tipprova tindaħlilna dwar in-nar tal-festi?
5. Indaħlitilna dwar it-taxxa li jħallsu kumpaniji “offshore”
f’pajjiżna?
6. Imponiet xita ta’ taxxi (prodotti taż-żejt, Eco Tax, eċċ…)?
7. Imponiet fuqna t-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-mediċini, li b’riżultat
ta’ dan, il-prezzijiet tal-mediċini qegħdin dejjem jogħlew jew
jisparixxu?
Hemm ħafna u ħafna aktar raġunijiet li jġiegħluna
nistaqsu: Għalhekk Malta għadha sovrana?
Ir-risposta tagħna: tridux tħalluna fil-kwiet!'
Is-Sibt, 1 ta' April, 2006.
IRRIDU L'INDIPENDENZA MILL-UNJONI EWROPEA
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ