MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI
KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin
u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea
GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!
L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha
€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek
X’qed nitilfu minħabba s-sħubija fl-Unjoni Ewropea
Ħaddiema mill-pajjiżi ta' l-UE għandhom dritt jiġu jaħdmu f'pajjiżna flok il-Maltin bis-saħħa tal-ftehim ta' sħubija ta' Malta fl-Unjoni li l-Parlament Malti approva.
Skond stqarrija uffiċjali tal-Gvern diġà ġew 2,759 ħaddiema mill-Unjoni jaħdmu f'Malta.
Dawn ħadu
post 2,759 ħaddiema Maltin.
Bid-dħul tar-Rumanija u l-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea fil-bidu ta' din
is-sena jistgħu jiġu ħafna ħaddiema oħrajn minn dawn iż-żewġ
pajjiżi jaħdmu f'Malta għax waqt li xi pajjiżi ta' l-Unjoni
llimitaw id-dħul għandhom tal-ħaddiema Rumeni u Bulgari, pajjiżna
m'għamilx limitazzjonijiet dwarhom.
X'uħud mis-sidien fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea qegħdin
jippreferu li jimpjegaw ħaddiema barranin għax dawn ma jkunux imseħbin
f'unjin u s-sidien jistgħu jħallsuhom inqas pagi u jagħtuhom
kundizzjonijiet tax-xogħol inferjuri għal dawk tal-ħaddiema
lokali.
Dan qed iseħħ anki f'Malta.
Dan ifisser li
l-ħaddiema barranin qegħdin mhux biss jieħdu l-ħobż
tal-ħaddiema Maltin li ma jsibux xogħol, iżda qegħdin ukoll
ibaxxu l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema f'pajjiżna.
Ftit tax-xhur ilu l-Unjoni Ewropea ħarġet direttiva dwar persuni li jagħtu s-servizzi tagħhom f'pajjiżi oħra ta' l-Unjoni.
Din id-direttiva hija ta' theddida serja għall-ħaddiema tal-pajjiż fejn ikunu qegħdin jingħataw is-servizzi minn persuni ta' pajjiż ieħor ta' l-Unjoni.
Għax skond
din id-direttiva, m'għandhomx japplikaw il-liġijiet dwar ix-xogħol
tal-pajjiż fejn is-servizzi jingħataw, iżda dawk tal-pajjiż
l-ieħor ta' l-Unjoni tal-persuna li tagħti s-servizzi.
Għalhekk skond din id-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-servizzi,
kumpanija Bulgara li tibgħat l-impjegati tagħha f'Malta, tista' tħallashom
salarji skond ma jitħallsu fil-Bulgarija u mhux skond ma jitħallsu
l-impjegati Maltin u tista' ma tosservax għalihom il-kundizzjonijiet
tax-xogħol li għandhom impjegati Maltin.
L-istess tagħmel kumpanija Polakka li tibgħat il-ħaddiema tagħha jaħdmu fit-Tarzna ta' Malta.
Tħallashom
il-pagi u tħaddimhom bil-kundizzjonijiet tal-liġijiet tax-xogħol
tal-Polonja u mhux ta' Malta.
Minn stqarrijiet uffiċjali sirna nafu li ġew 838 ħaddiem barrani
biex jaħdmu fit-Tarzna ta' Malta.
Dawn kollha ħadu x-xogħol tal-ħaddiema Maltin.
U dan seħħ
meta l-Unjoni Ewropea ordnat lill-Gvern Malti biex inaqqas aktar minn elf ħaddiem
Malti mit-Tarzna kif ukoll illimitat il-volum tax-xogħol li jista' jsir
mit-Tarzna.
Kieku minflok it-838 ħaddiema barranin tħaddmu ħaddiema Maltin
fit-Tarzna, il-pajjiż kien jiġbor mingħandhom
il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali (il-bolla) u jiffranka l-ħlas
ta' 838 benefiċċji tal-qgħad (unemployment benefit), u fuq
kollox, jagħmel ġustizzja soċjali ma' 838 familji Maltin.
Dan kollu qed jintilef minħabba s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea.
Fil-50
anniversarju tat-trattat ta’ Ruma
Ħamsin sena
ilu l-mexxejja ta' Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, l-Olanda,
il-Belġju u l-Lussemburgu ffirmaw f'Ruma t-trattat magħruf bħala
t-Trattat ta' Ruma, li waqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea li mal-medda
tas-snin żviluppat fl-Unjoni Ewropea tal-lum.
F'Marzu li ġej fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea (inkluż f'Malta)
se jsiru ħafna attivitajiet u ċerimonji ħalli jfakkru l-ħamsin
anniversarju ta' l-iffirmar tat-Trattat ta' Ruma u t-twelid ta' l-Unjoni.
Anki l-Knisja Kattolika fl-Ewropa se tikkommemora din il-ġrajja billi se tlaqqa' f'Ruma Kungress għall-Isqfijiet Ewropej organizzat mill-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali ta' l-Isqfijiet tal-Komunità (COMECE).
Intqal li l-Arċisqof
ta' Malta se jieħu sehem f'dan il-kungress.
Il-COMECE hija magħrufa u mgħejjuna mill-Unjoni Ewropea u tagħmlilha
propaganda mal-kattoliċi ta' l-Ewropa.
Skond ma tħabbar b'mod bombastiku u propagandistiku l-Kungress se jittratta
l-valuri u l-perspettivi għall-ġejjieni ta' l-Ewropa billi jidentifika
l-valuri bażiċi ta' l-insara, jikkonferma dawk il-valuri li sawru
l-proċess ta' l-għaqda Ewropea mill-bidu tagħha u jġeddidhom
biex l-Unjoni Ewropea tkun tista' twieġeb għal dak li ċ-ċittadini
tagħha u l-bqija tad-dinja qed jistennew minnha.
Jidher ċar li l-kungress se jservi ta' mezz ta' propaganda għall-Unjoni
Ewropea u huwa maħsub biex iħalli mpatt fuq il-Kattoliċi Ewropej
favur l-Unjoni.
Il-COMECE
kkritikat
Kritiċi nsara ta' l-Unjoni Ewropea huma tal-fehma li l-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali tal-Komunità Ewropea (il-COMECE) ma timxix sewwa meta tieħu pożizzjoni u tagħmel propaganda favur l-Unjoni Ewropea kif inhi llum.
Huma jsostnu li
l-Unjoni hija għaqda politika u ekonomika u l-Isqfijiet m'għandhomx
jieħdu sehem fl-għażliet politiċi u ekonomiċi ta'
l-Unjoni, li ħafna nsara ma jaqblux magħhom.
Il-kritiċi ta' l-Unjoni jfakkru wkoll li anki jekk x'uħud mill-għanijiet
ta' l-Unjoni Ewropea huma tajbin, xorta waħda ma jiġġustifikawx
il-mezzi u l-metodi ħżiena ta' l-Unjoni, u dan skond il-prinċipju
li m'għandekx tuza mezzi ħżiena biex tilħaq għanijiet
tajbin.
Aktar u aktar meta dawk l-għanijiet ta' l-Unjoni li huma tajbin, jistgħu jintlaħqu b'koperazzjoni ta' xorta oħra bejn il-pajjiżi membri fl-Unjoni u b'politika differenti minn dik magħżula mill-Unjoni.
Il-kritiċi nsara ta' l-Unjoni jisħqu li meta l-Isqfijiet joħorġu stqarrijiet favur l-Unjoni Ewropea kif inhi llum, ikunu qegħdin ibierku l-għażliet politiċi u ekonomiċi ta' l-Unjoni li m'humiex imsejsa fuq il-prinċipji tal-moralità u etika nisranija u tal-ġustizzja soċjali nisranija.

Dawn il-kritiċi
jagħmlu ħafna mistoqsijiet.
Huma jistaqsu kif jistgħu l-Isqfijiet jagħtu appoġġ
lill-politika ekonomika ta' l-Unjoni mibnija fuq is-suq u l-profitt li
tikkundanna miljuni ta' ħaddiema fl-Unjoni mingħajr xogħol għal
numru ta' snin?
Kif jistgħu l-Isqfijiet japprovaw it-tkabbir ta' l-inugwaljanzi soċjali
li l-politika ta' l-Unjoni qiegħda tikkaġuna fil-pajjiżi ta'
l-Unjoni?
Kif jistgħu l-Isqfijiet jinsew li l-Unjoni uffiċjalment tippromwovi
valuri li ma jaqblux mal-valuri nsara jew li huma saħansitra pagani?
Jistgħu
l-Isqfijiet jagħlqu għajnejhom għall-korruzzjoni mifruxa li tifni
l-Unjoni u għall-ħela li hemm fl-Unjoni meta fil-pajjiżi ta'
l-Unjoni hemm faqar u familji neqsin mill-ħwejjeġ essenzjali għal
għixien diċenti?
L-Isqfijiet m'għandhomx jiftħu ħalqhom kontra l-infiq enormi ta'
l-industrija ta' l-armamenti fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, li qed
tfornihom lil pajjiżi barra l-Unjoni għall-gwerer qerrieda ta' eluf
ta' bnedmin u tħarbit ta' bliet u rħula sħaħ?
Dawn il-mistoqsijiet jirrigwardaw ftit mill-ħafna oġġezzjonijiet
li ħafna nsara għandhom għall-Unjoni Ewropea kif inhi llum u għall-mod
kif inhi il-politika tagħha.
M'humiex ta' importanza żgħira għal ħafna Maltin u Għawdxin
li żgur ma jistennewx li l-Arċisqof tagħhom ma jagħtix każhom
u jħalli ruħu li jinġarr mill-heġġa propagandistika
tal-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali li se torganizza l-Kungress f'Ruma
x-xahar id-dieħel favur l-Unjoni Ewropea kif inhi llum.
L-UE
marida moralment u spiritwalment
F’Settembru
tas-sena l-oħra, fl-omelija tal-Quddiesa Pontifikali fl-anniversarju ta'
l-Indipendenza, l-Arcisqof Mercieca kien qal li mudelli ta' ħajja kif inhi
f'pajjiżi Ewropej qegħdin iġibu kull xorta ta' deni u qegħdin
jagħmlu lill-Ewropa marida moralment u spiritwalment.
Dawn l-istess ħsibijiet dwar l-Ewropa ikkonfermahom il-Professur Taljan Salvino Acquaviva, espert fis-soċjoloġija, fil-ktieb li għadu kif ippubblika bit-titlu
"L-Eklissi ta' l-Ewropa".
Il-Professur Acquaviva jgħid li fl-Ewropa il-prinċipji ta' l-etika li
fuqhom tfasslet l-istorja ta' l-Ewropa, qegħdin jgħibu, u fl-Ewropa
hawn ukoll kriżi fil-qasam tal-ġustizzja li għaliha l-Ewropa
kienet magħrufa sa miż-żmien ta' l-imperatur Ruman Ġustinjanu,
tant li minn ismu ġejja l-kelma "ġustizzja".
Skond dan l-espert tas-soċjoloġija, il-qagħda mwiegħra ta'
l-Ewropa jixhduha wkoll it-tixrid kullimkien tal-pornografija u l-għadd ta'
fatturi oħra li qegħdin jikkaġunaw tħarbit soċjali, bħalma
huma t-tkissir tal-familji, u l-faqar psikologiku u n-nuqqas ta' l-ideali tal-ġenerazzjonijiet
żagħżugħa.
Dan kollu qiegħed iseħħ waqt li titbiegħed mill-Ewropa l-ħajja nisranija.
U l-iskola mhux
talli mhux qiegħda tgħin biex tilqa' għal dawn l-isfidi, talli
saret fattur ta' edukazzjoni obbligatorja żbaljata għax ma tħejjix
iż-żgħażagħ ħalli jgħixu tajjeb u
l-edukazzjoni universitarja qiegħda ttellfilhom l-identità Ewropea tagħhom.
Il-Professur Acquaviva jsostni li anki fil-qasam ekonomiku l-Ewropa qiegħda
fi kriżi kif jixhdu l-ħafna mpriżi li qegħdin imajnaw u l-iżvilupp
kajman, waqt li għadd kbir ta' immigranti qegħdin idgħajjfu
l-identità li l-Ewropa kellha.
Hemm fatturi oħrajn li qegħdin jitfgħu lura l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa, bħalma huma l-konsumiżmu sfrenat, in-nuqqas fis-saħħa tat-trejd unjins, it-telfien tal-ħeġġa għax-xogħol u l-għadd kbir ta' vaganzi mix-xogħol.
Dan l-espert fis-soċjoloġija jgħid li l-Ewropa qiegħda timxi b'politika qadima u mhux aktar addattata għad-dinja li tbiddlet.
M'għadx hemm il-ħeġġa għall-progress u hawn fatturi oħra ġodda li ma kinux jeżistu qabel li qegħdin itaqqlu l-mixja ta' l-Ewropa.
Dawn huma l-ħafna mezzi tal-midja li jgħattnu l-bniedem, il-leħen u l-ħsejjes tagħhom lejl u nhar itambru lis-semmiegħa, il-mewt li saret xi ħaġa komunissima, il-moda ta' l-ilbies sfaċċat, u l-mod artifiċjali tal-ħajja mxandra mill-midja li hija għal kollox imbegħda miċ-ċirkostanzi tal-ħajja mgħejxa mill-poplu.
U n-nuqqas ta'
ħeġġa għall-ħajja ġabet tnaqqis fir-rata ta'
twelid fl-Ewropa, waqt li qed jikber il-proporzjon ta' l-anzjani għan-nies
li jaħdmu.
Il-Ħamis, 1 ta’ Marzu, 2007.
e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk
Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna
Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien
Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien?
Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.
Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-
Segretarju Finanzjarju CNI,
60A, Triq id-Dejqa,
Valletta
Isem .......................................................
Indirizz ...................................................
ID Numru ...............................................
Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek
Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ