MERĦBA FIL-PAĠNA TAS-CNI

KAMPANJA ĦELSIEN NAZZJONALI

  

Kienet, għadha u tibqa' favur il-ħaddiema Maltin

u kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

 NAĦILFU LI NEĦILSU LIL MALTA MILL-JASAR, IL-KOLONJALIŻU U L-ĦAKMA DITTATORJALI ILLEGALI TA' L-UNJONI EWROPEA

 

GĦID LILL-KANDIDAT PARLAMENTARI TIEGĦEK LI TRID LI MALTA TIKSEB LURA L-INDIPENDENZA U L-ĦELSIEN!

 

L-Unjoni Ewropea ordnat li mis-sena 2010 il-Maltin u l-Għawdxin iħallsuha

€182,192 kuljum misruqa minn ħalq uliedek

 

Il-qgħad: tort tal-politika ta’ l-UE

   

Il-qgħad fit-tul mifrux fil-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea huwa r-riżultat tal-politika ekonomika li l-Unjoni tħaddan. 

 

Skond il-politika ekonomika ta’ l-Unjoni, ċertu ammont ta’ qgħad huwa meħtieġ biex jitrażżnu l-pagi u ma jogħlewx wisq il-prezzijiet fil-pajjiż.


Skond l-istess politika ekonomika ta’ l-Unjoni, m’għandhomx jittieħdu passi mill-Gvern biex jinħoloq ix-xogħol fil-pajjiż, u għandhom jitħallew ħielsa l-forzi tas-suq biex joħolqu l-ammont ta’ xogħol li ma jġibx pressjoni għal pagi ogħla u ma joħloqx domanda akbar li tgħolli l-prezzijiet.

 

L-għan tal-politika ekonomika ta’ l-Unjoni mhux li toħloq ix-xogħol għal kulħadd. 

 

Anzi, li f’pajjiż kulħadd ikun jaħdem huwa meqjus ħażin, għaliex iġib talba għal żieda fil-pagi u għoli tal-prezzijiet minħabba domanda akbar għal oġġetti. 

 

Għalhekk l-Unjoni ma tħallix lill-Gvern iżid in-nefqa pubblika biex joħloq aktar xogħol u jħaddem iktar nies, u l-Unjoni tinsisti miegħu biex jonfoq inqas.

 

L-Unjoni Ewropea lanqas ma tħalli jaħdmu għal rashom il-forzi tas-suq, iżda tindaħal fis-suq billi tgħolli jew tbaxxi r-rati ta’ l-imgħax fuq is-self u b’hekk tinfluwenza l-ammont ta’ attività ekonomika fil-pajjiż li minnha jiddependu kemm jaħdmu nies u x’jiġri mill-prezzijiet.

 

L-għanijiet soċjali minsijin

 

Fl-Unjoni Ewropea minflok li l-politika ekonomika twettaq l-għanijiet soċjali tal-pajjiż, huwa s-suq li jfassal il-politika ekonomika mingħajr ma jqis l-esiġenzi u l-konsegwenzi soċjali fil-pajjiż. 

 

Il-qgħad huwa meqjus bħala meħtieġ biex is-suq jaħdem tajjeb, u l-ħtieġa soċjali ta’ xogħol għal kulħadd ma titqis aqwa mit-tħaddim tas-suq ħieles.


L-agħar żewġ effett tal-politika ekonomika żbaljata ta’ l-Unjoni Ewropea huma r-rata baxxa tat-tkabbir ekonomiku u l-livell għoli tal-qgħad fl-Unjoni.


Ir-rata tat-tkabbir ekonomiku ta’ l-Unjoni hija ħafna inqas mir-rati tat-tkabbir ekonomiku ta’ ħafna pajjiżi barra l-Unjoni, u għalhekk l-Unjoni qiegħda taqa’ lura ekonomikament meta mqabbla ma’ pajjiżi bħan-Norveġja, l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, iċ-Ċina, il-Malasja, l-Indja, l-Awstralja, u saħansitra x’uħud mill-pajjiżi ta’ l-Amerika t’Isfel.

 

L-effett l-ieħor ħażin tal-politika ekonomika żbaljata ta’ l-UE huwa fuq il-qgħad mifrux u fit-tul li huwa pjaga soċjali kbira fl-Unjoni li ma tridx ‘full employment’, iżda trid li f’pajjiż ikun hemm dejjem persentaġġ ta’ nies qiegħda jfittxu x-xogħol.


Ċertu ammont ta’ qgħad huwa element mixtieq tal-politika ekonomika li l-Unjoni tħaddan li ma jimpurtahiex mill-faqar u l-inġustizzji li jġib. 

 

Għall-politika ekonomika ta’ l-Unjoni u l-ġustizzja soċjali ma teżistix. 

 

Jgħoddu biss il-profitti tas-suq. 

 

Il-bnedmin qegħdin għas-suq, mhux is-suq qiegħed għall-bniedem.

 

Bis-sħubija fl-UE pajjiżna nisrani għamel tiegħu din il-politika ekonomika pagana.

 

Il-Kostituzzjoni ta’ l-UE għad trid tinbidel

 

Waqt li l-Gvern Ġermaniż qiegħed jaħdem biex il-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea jirratifikaw l-istess kostituzzjoni għall-Ewropa li l-maġġoranza tal-Franċiżi u l-Olandiżi vvotaw kontriha u li l-Parlament Malti unanimament approva fis-6 ta’ Lulju 2005, il-Gvern Malti għandu l-parir li l-oġġezzjonijiet għal dik il-Kostituzzjoni mhux se jintgħelbu jekk ma tkunx imfassla b‘mod differenti. 

 

Għalhekk għandu jkun maħsub pjan dettaljat ta’ x’għandu jsir jekk il-Kostituzzjoni terġa’ għal darb’ oħra tkun miċħuda.

Huwa magħruf li l-Oppożizzjoni għall-Kostituzzjoni li l-mexxejja tal-gvernijiet tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni ffirmaw b’solennità kbira f’Ruma f’Ottubru 2004 (fosthom il-Prim Ministru Gonzi u l-Ministru Michael Frendo), hija qawwija.

 

Il-President tal-Polonja, Lech Aleksander Kaczynski, stqarr li prattikament m’hemmx ċans li l-poplu Pollakk japprovaha. 

 

Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Ingliż, Margaret Becket, għadha kif iddikjarat fil-Parlament Ingliż li l-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni fil-forma li għandha, ma tistax timxi ’l quddiem.

 

Il-Prim Ministru Olandiż, Jan Peter Balkenende, kategorikament eskluda li jsir referendum ieħor dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni għaliex il-poplu Olandiż jerġa’ jivvota kontriha.


Il-Gvern Malti ngħata l-parir li l-Kostituzzjoni li l-Unjoni fasslet fl-2004 għandha tinbidel billi minflok ixxaqleb lill-Unjoni għal stat federali (jiġifieri federazzjoni ta’ stati), tagħmel lill-Unjoni bħala xibka ta’ nazzjonijiet (‘network of nations’) u tiffissa l-firxa tas-setgħat tagħha.


Il-kunċett ta’ ‘network of nations’ imur kontra l-kunċett fundamentali tal-Kostituzzjoni ta’ l-2004 li twassal għal iktar integrazzjoni tal-pajjiżi membri fi stat ġdid distint mill-istati membri ta’ l-Unjoni, li l-Parlament Malti approva f’Lulju 2005.

 

La darba l-Parlament Malti approva l-Kostituzzjoni għall-Ewropa anke wara li l-Franċiżi u l-Olandiżi vvotaw kontriha, Malta tinsab f’qagħda mbarazzanti għax se jkollha tammetti li żbaljat li ma waqqfitx il-proċess tar-ratifika tal-Kostituzzjoni li se jkollha tinbidel.

Il-membru Ċek tal-Parlament Ewropew, Jan Zahradil, li kien ħa sehem fil-Konvenzjoni li fasslet il-Kostituzzjoni għall-Ewropa, iżda ma ffirmax l-abbozz finali għax ma qabilx miegħu, jisħaq li dawk li jridu jirriformaw l-Unjoni għandhom l-opportunità issa li jipprovaw jagħmlu dan, meta l-proċess ta’ l-integrazzjoni twaqqaf bil-le tal-Franċiżi u l-Olandiżi.

 

Zahradil huwa tal-fehma li minflok kostituzzjoni li ġġib iktar integrazzjoni, l-Unjoni Ewropea għandha bżonn iktar dinamiżmu fl-ekonomija, tiddeċentralizza s-setgħat tagħha, u tħalli n-nazzjonijiet imseħbin jibqgħu differenti minn xulxin izda jikkoperaw bis-sħiħ ma’ xulxin u jibqgħu ħielsa li ma jkomplux jagħmlu dan jekk iħossu li ma jaqblilhomx jikkoperaw.

 

Kritika mill-eks-President Ġermaniż


Min ma jaqrax u jisma’ x’qed jinkiteb u jingħad dwar l-Unjoni Ewropea u l-Kostituzzjoni tagħha, jista’ jaħseb li aħna tas-CNI qisna leħen fid-deżert fil-kritika tagħna ta’ l-Unjoni, għax f’pajjiżna ma tinstemax kritika lill-Unjoni barra tagħna.


Aktar u aktar m’hawnx kritika dwar il-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni, li l-Parlament għadda unanimament, qisha xi liġi komuni bħal dik ta’ l-iskart, mingħajr dibattitu veru u kważi xejn. 

 

U għaddiet wara li kienet inqatlet bil-vot le tal-poplu Franċiż u Olandiż.

Issa li l-Ġermanja ħadet il-presidenza ta’ l-UE għas-sitt xhur li ġejjin, il-Kancellier Ġermaniża, Angela Merkel, ħabbret li se tagħmel l-almu kollu tagħha biex terġa’ tagħti l-ħajja lill-Kostituzzjoni “mejta” ta’ l-UE. 

 

Iżda hija taf li għandha għadma iebsa ħafna xi tgerrem. 

 

U l-ewwel ħjiel ta’ dan tahielha l-eks-President tal-Ġermanja stess, Roman Herzog.

 

F’artiklu fil-ġurnal Ġermaniz Welt Am Sonntag, Roman Herzog, li kien ukoll Imħallef Kostituzzjonali fl-imgħoddi, għamel kritika kemm ta’ l-UE, kif ukoll tal-Kostituzzjoni li Merkel trid terġa’ tagħti l-ħajja. 

 

Se nikkwotaw xi siltiet mill-kitba ta’ Roman Herzog. 

 

Il-‘policies’ ta’ l-UE isofru b’mod li jbeżża’ min-nuqqas ta’ demokrazija”.

“Il-parti kbira ħafna tal-liġijiet li hemm fil-Ġermanja llum ġew maqbula fil-Kunsill tal-Ministri u mhux fil-Parlament Ġermaniż. U kull liġi li tiġi addottata fil-Kunsill tal-Ministri (ta’ l-UE) trid bilfors tiddaħħal fil-liġi Ġermaniża mill-Parlament Ġermaniż”,

 

l-istess kif qed jiġri fil-Parlament Malti.

 

“Skond il-Kostituzzjoni Ġermaniża, il-Parlament Ġermaniż huwa l-attur ewlieni (jiġifieri dak li jiddeċiedi) tal-formazzjoni politika tal-poplu Ġermaniż. U għalhekk wieħed irid jistaqsi jekk il-Ġermanja llum għadhiex tista’ tissejjah demokrazija parlamentari”.

 

U Herzog kompla jikteb hekk: 

 

“Il-Kostituzzjoni ta’ l-UE mhux se ssolvi din il-problema (jiġifieri, jekk il-Ġermanja għadhiex demokrazija Parlamentari). U lanqas mhi se tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ demokrazija fl-istess UE”.

 

Mur ġib kieku dak li kiteb l-eks-President tal-Ġermanja, Roman Herzog, kitbu wkoll l-eks-President ta’ Malta, il-Professur Guido de Marco f’The Times, ara xi skandlu kienu jieħdu l-appostli ffissati ta’ l-UE f’pajjiżna!


Mhux ta’ xejn il-Kanċellier Ġermaniża, Angela Merkel, diġà qiegħda tammetti li se jkun diffiċli ferm biex tikkonvinċi lill-gvernijiet kollha ta’ l-Unjoni biex iseħħ dak li trid hija.

 

Il-Franċiżi jikkritikaw l-Unjoni Ewropea

 

IL-KUNSILL Ekonomiku Franċiż, ippresedut minn Dominique de Villepin, Prim Ministru ta’ Franza, f’rapport li ħareġ dan l-aħħar, ikkritika sew lill-Unjoni Ewropea. 

 

Fir-rapport tal-Kunsill Ekonomiku jingħad:

 

Ma jidhirx li kien hemm ebda tkabbir fil-kummerċ tal-prodotti u fl-għoti tas-servizzi la wara it-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea tal-1993, magħruf bħala s-Single European Act, u lanqas wara li ddaħħal il-Euro fil-1999.


l-Integrazzjoni ekonomika fl-Unjoni Ewropea staġnat u mhux qiegħda twassal għat-tkabbir ekonomiku.


In-nuqqas ta’ l-Unjoni Ewropea li ma rnexxilhiex tagħti ħajja ġdida lill-ekonomija qiegħed igerrex l-investiment tal-kapital lil hinn mill-Ewropea. In-nuqqas ta’ l-impjiegi tal-ħaddiema fit-tul u it-tkabbir dgħajjaf ta’ l-ekonomija qegħdin jimminaw is-servizzi soċjali.


Il-problemi ekonomiċi, flimkien mat-tkabbir mhux immaniġġjat tajjeb ta’ l-Unjoni u l-proċeduri fit-tul ta’ kif l-Unjoni taħdem, kollha flimkien qegħdin joħolqu ċirku vizzjus li se jispiċċa biex jagħmel ħerba minn dak kollu li ġie miftiehem ma’ tul is-snin, jiġifieri l-acquis communautaire ta’ l-Unjoni.

 

P-014408-00-01Mal-kritika Franċiża ta’ l-Unjoni, issa għandna l-kritika ħarxa tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Grunther Verheugen stess. 

 

Huwa ilmenta li l-muntanji ta’ regolamenti qegħdin jiswew 600 biljun Euro fis-sena lill-pajjiżi membri ta’ l-Unjoni.


Dan l-ammont huwa mal-5.5 fil-mija tal-prodott Gross Domestiku ta’ l-Unjoni. 

 

Huwa tliet darbiet aktar mill-ammont ta’ 165 biljun Ewro li l-Kummissjoni Ewropea stmat li l-pajjiżi ta’ l-Unjoni gawdew fil-2002 bit-twaqqif tas-suq wieħed komuni ta’ l-Unjoni. '

 

Il-Ħamis, 1 ta’ Frar, 2007.

<< Lura <<

 

e-mail: cnimalta at yahoo.co.uk 

 

Inroddulek ħajr li żort il-paġna tagħna

 

Appoġġ fil-ġlieda għall-Indipendenza u l-Ħelsien

 

Trid tgħin biex niksbu mill-ġdid l-Indipendenza u l-Ħelsien? 

Jekk iva, għin lis-CNI fil-ħidma tagħha biex il-maġġoranza tal-poplu tkun trid li neħilsu mill-ħakma ta' l-Unjoni Ewropea.

Issieħeb fis-CNI billi tibgħat €5 flimkien ma' din il-formola lis-

Segretarju Finanzjarju  CNI,

60A, Triq id-Dejqa,

Valletta

 

Isem .......................................................

Indirizz ...................................................

ID Numru ...............................................

 

Inroddulek ħajr ta’ l-għajnuna tiegħek

 

Malta ħielsa u newtrali fl-aħħar tirbaħ